Ix-xogħlijiet fuq il-Mużew Ekkleżjastiku fil-Mellieħa mistennija jkunu lesti sal-aħħar tas-sena. Il-proġett qed isir mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta b’investiment ta’ kważi €300,000 u hu ffinanzjat parzjalment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l-Arċipriet tal-Mellieħa Dun Joe Caruana flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru dawn ix-xogħlijiet fil-binja tal-Pellegrini fil-Mellieħa.  

Fuq il-post ġie spjegat li fl-imgħoddi din il-binja kienet tintuża bħala post ta’ mistrieħ mill-pellegrini li kienu jżuru l-Madonna tal-Mellieħa wara vjaġġ twil ħafna, meta ma kienx hawn il-mezzi tat-trasport kif għandna llum. Il-binja qiegħda tiġi ttrasformata fl-ewwel Mużew Ekkleżjastiku fil-Mellieħa. Bħalissa għaddej xogħol infrastrutturali minħabba li l-kmamar kienu fi stat ta’ deterjorament.

Fil-mużew se jkun hemm tagħrif dwar l-istorja tas-Santwarju tal-Mellieħa kif ukoll oġġetti ekkleżjastiċi għall-wiri u għamara antika li kienu jintużaw fis-Santwarju, fosthom pulptu u konfessjonarju antik. Se jkun hemm ukoll kommemorazzjoni ta’ affarijiet ekkleżjastiċi li ntużaw fiż-żjara ta’ San Papa Ġwanni Pawlu II f’Mejju tal-1990, fosthom is-sedja li ntużat waqt iż-żjara papali.

Is-Sur Pace Ross qal li permezz ta’ dan il-proġett, li għalih qed jikkontribwixxu wkoll il-Melliħin, il-Knisja qed tagħti ħajja ġdida lil dan il-post storiku. Saħaq li binjiet bħal dawn għandhom jiġu restawrati u jinbidel l-użu tagħhom biex ikunu addattati għaż-żmien tal-lum.

L-Arċipriet irringrazzja lill-parruċċani tal-Mellieħa li bid-donazzjoni tagħhom, kif ukoll permezz tal-fondi Ewropej, fil-Mellieħa se jkun hemm dan il-mużew li se jkun attrazzjoni għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-istorja tal-knisja.

Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qed jiġu investiti €4 miljun biex jintużaw mill-Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex twettaq proġetti ta’ restawr fuq 33 paroċċa f’Malta. L-għan hu li primarjament jitwettqu konservazzjoni u restawr tal-wirt kulturali ekkleżjastiku.