Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI qed jistieden lil dawk kollha li jemmnu sabiex f’daż-żmien tar-Randan isibu mument fis-skiet u jieqfu jisimgħu lil Alla fil-qalb tagħhom. Il-Papa rrifletta fuq il-laqgħa ta’ Ġesu mas-Samaritana biswit il-bir ta’ Ġakobb.

Fir-riflessjonijiet tiegħu qabel it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa qal li “l-għejja ta’ Ġesu meta waqaf mal-bir ta’ Ġakobb fejn iltaqa’ mas-Samaritana, u li turi l-umanita vera tiegħu, tista’ tittieħed bħala preludju għall-passjoni, li permezz tagħha Ġesu  wassal fil-qofol tagħha l-missjoni tiegħu tal-fidwa tagħna”.

Il-Papa kompla jgħid li “Kristu wkoll kien bil-għatx, u dak l-‘għatx’ joħroġ iżjed fid-deher fil-laqgħa mas-Samaritana. Bħall-għejja, l-għatx hu fattur fiżiku. Fi kliem Santu Wistin, Ġesu kellu għatx fir-rigward tal-fidi tal-mara, li tirrappreżenta lilna lkoll.  Alla l-Missier bagħat lil Ibnu biex jaqta’ l-għatx għall-ħajja eternal, bl-għotja tal-imħabba tiegħu, fl-istess waqt li jistenna li jara l-fidi tagħna. L-omnipotenza tal-imħabba tirrispetta dejjem il-liberta tal-bniedem…tħabbat dejjem fuq il-bieb ta’ qalbu u tistenna b’paċenzja”.

Il-Papa osserva partikolarment il-prominenza tal-ilma fil-laqgħa bejn Kristu u l-mara Samaritana …fi kliemu “referenza ċara għas-Sagrament tal-Magħmudija, għajn ta’ ħajja ġdida permezz tal-fidi fil-grazzja t’Alla”.