John the Baptist

Il-Papa Benedittu XVI fakkar il-festa tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista u qal li kien hu li ħejja t-triq għall-Mulej. Ġwanni qal li kien vuċi, l-għajta fid-deżert, is-sejħa lill-poplu t’Alla għall-indiema. “Ejja nisimgħu l-vuċi tiegħu llum, u nagħmlu post għall-Mulej fil-qalb tagħna”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li l-konċepiment ta’ Ġwanni għal Eliżabetta, qariba ta’ Marija, hu sinjal “li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Benedittu XVI ddeskriva lil Ġwanni l-Battista bħala dak li ġera qabel Kristu, il-messaġġier li ħejja t-triq għall-Iben t’Alla.

Snin wara, Ġwanni beda jgħammed lin-nies fix-xmara Ġordan u għalhekk hu deskritt bħala ‘l-Għammied’. Huwa ried li n-nies jindmu u jitħejjew għall-miġja tal-Messija.

Il-Papa żied li Alla kellu missjoni kbira għal dan il-qaddis. Kellu jkun dak li jgħammed lil Kristu u l-istess mewt vjolenti tiegħu kellha tkun xiehda tal-Iben t’Alla, u kien l-ewwel wieħed li permezz tiegħu Ġesu kien magħruf pubblikament.

Wara r-reċita tal-Anġelus, il-Papa, bit-Taljan, informa lil dawk kollha preżenti li għada se jkun qed iżur l-Italja ta’ Fuq, proprju fejn intlaqat mit-terremot. Huwa esprima s-solidarjeta tal-Knisja kollha ma’ dawk kollha milquta u stieden lil kulħadd għat-talb b’sens ta’ qrubija ma’ dawk fil-bżonn.