Fl-aħħar dehra pubblika tiegħu, il-Papa Benedittu XVI ħalla lilu nnifsu jkun ispirat mill-parabboli tas-Saltna, rakkontati fil-Liturġija tal-ġurnata. Qal li ż-żerriegħa tirreferi għall-misteru tal-ħolqien u r-redenzjoni, għall-intervent t’Alla fl-istorja. Il-Papa jgħid li l-aħħar ħsad ifakkarna lkoll fir-realizzazzjoni tas-Saltna t’Alla fl-aħħar taż-żmien.

“Il-preżent huwa żmien li tintefa ż-żerriegħa, il-Mulej jassigura li tikber. Kull nisrani imbagħad jaf li jrid jagħmel dak kollu li jista’, anki jekk ir-riżultat aħħari jiddependi minn Alla”.

Benedittu XVI temm iħeġġeġ għat-talb lil Alla sabiex jieħu kontroll tax-xewqat sinċieri tagħna u jibdilhom f’ħidmiet ta’ mħabba lejh u lejn il-proxxmu.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika rriserva kliem għall-Jum Dinji ddedikat lir-Refuġjati, organizzat mill-Ġnus Maqgħuda għada l-Erbgħa. Qal li “huwa jum maħsub biex jiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna nies, speċjalment familji mġiegħla jħallu art twelidhom minħabba theddid ta’ kunflitti armati u forom serji u varji ta’ vjolenza”. Il-Papa assigura lir-refuġjati mit-talb tiegħu u esprima t-tama li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati biex finalment jingħaqdu lura mal-familji tagħhom.

Il-Papa ma naqasx milli jirrferi wkoll għall-Kungress Ewkarisitku Internazzjonali li sar fil-jiem li għaddew f’Dublin l-Irlanda . Qal li “fil-misteru tal-Ewkaristija Ġesu ried jibqa’ magħna biex nidħlu f’komunjoni miegħu u ma’ xulxin”.