“L-insara għandhom jagħmlu l-ewwel pass biex joffru r-rikonċiljazzjoni u jistabbilixxu l-paċi, li jinkludi li wieħed jaċċetta l-ħtija fejn ikun żbaljat”. Dan qalu l-Papa Benedittu XVI meta fil-messaġġ annwali tiegħu ta’ qabel il-Milied, indirizzat lill-Kurja ta’ Ruma u lill-Kardinali li jgħixu f’Ruma, fisser li “llum wieħed irid jitgħallem jirrikonoxxi żball, u jieqaf jilgħabha dejjem tal-innoċenti”.

“Neħtieġu nitgħallmu inħallu lilna nfusna ninbidlu f’das-sens u nħallu lil Alla jagħtina l-kuraġġ u l-qawwa għal dan l-istess tiġdid meħtieġ f’ħajjitna”, kompla jgħid. Il-Papa introduċa it-tema tar-rikonċiljazzjoni meta fir-rimarki tiegħu rrefera għas-Sinodu tal-Isqfijiet fl-Afrika li sar f’Ottubru u li kien iddedikat għall-irwol tal-Knisja fiż-żamma tar-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja u l-paċi.

Il-Papa m’għamel l-ebda referenza għal-laqgħat riċenti li kellu ma’ uffiċjali għolja tal-Knisja Kattolika Irlandiża dwar każi ta’ allegat abbuż sesswali minn membri tal-kleru, u lanqas ma semma l-pjan tiegħu li jikteb ittra pastorali speċjali lill-kattoliċi Irlandiżi, li kien spekulat li setgħet tinkludi suġġeriment ta’ ħidma f’servizzi pubbliċi bi tpattija għall-allegati abbużi minn membri tal-kleru. Fil-promozzjoni tal-ġustizzja u l-paċi, huwa qal li “l-insara għandhom jieħdu l-istess eżempju ta’ Kristu li għax ried hu sar bniedem u miet għalina u għal dnubietna”.