Kull sena din il-Liturġija tqanqal fina atteġġjament ta’ stagħġib: ngħaddu mill-ferħ li bih Ġesù jintlaqa’ huwa u dieħel Ġerusalemm għan-niket li narawh ikkundannat għall-mewt u msallab. Huwa atteġġjament ġewwieni li se jseħibna fil-Ġimgħa Mqaddsa kollha. Ejjew mela nidħlu f’dan is-sens ta’ stagħġib.

Ġesù mill-ewwel jgħaġġibna. Il-poplu tiegħu jilqgħu b’solennità, imma hu jidħol Ġerusalemm fuq felu ġwejjed. Il-poplu tiegħu qed jistenna għall-Għid il-ħellies qawwi, imma Ġesù jiġi biex iwettaq l-Għid bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. Il-poplu tiegħu qed jistenna li jiċċelebra r-rebħa fuq ir-Rumani bix-xabla, imma Ġesù jiġi jiċċelebra r-rebħa ta’ Alla bis-salib. Xi ġralhom dawk in-nies, li fi ftit jiem għaddew mit-tifħir lil Ġesù bl-Osanna għall-għajat ta’ “sallbu”? X’ġara? Dawk il-persuni kienu iktar mexjin wara xbieha tal-Messija, milli wara l-Messija. Kienu jammiraw lil Ġesù, imma ma kinux lesti jħalluh jgħaġġibhom. L-istagħġib hu differenti mill-ammirazzjoni. L-ammirazzjoni tista’ tkun mondana, għax tfittex il-gosti u x-xewqat tagħha; imma l-istagħġib jibqa’ miftuħ għall-ieħor, għall-ġdid tiegħu. Illum ukoll ħafna huma li jammiraw lil Ġesù: tkellem tajjeb, ħabb u ħafer, l-eżempju tiegħu bidel l-istorja… u l-bqija. Kienu jammirawh, imma ħajjithom ma tinbidilx. Għax li tammira lil Ġesù mhuwiex biżżejjed. Hemm bżonn timxi warajh fit-triq tiegħu, tħallih jisfidak: tgħaddi mill-ammirazzjoni għall-istagħġib.

U x’jgħaġġibna l-aktar fil-Mulej u fl-Għid tiegħu? Il-fatt li hu jasal għall-glorja billi jgħaddi mit-triq tal-umiljazzjoni. Hu jittrijonfa billi jilqa’ t-tbatija u l-mewt, li aħna, maħkuma kif aħna mill-ammirazzjoni u mis-suċċess, konna nevitawhom. Imma Ġesù – qalilna San Pawl – “xejjen lilu nnifsu, […] ċekken lilu nnifsu” (Fil 2:7,8). Dan jgħaġġibna: meta nilmħu lil Dak li jista’ kollox miġjub fix-xejn. Meta nilmħu lilu, il-Verb li jaf kollox, iħarriġna fis-skiet minn fuq il-katedra tas-salib. Nilmħu s-Sultan tas-slaten b’forka bħala tron. Nilmħu lil Alla tal-univers imneżża’ minn kollox. Nilmħuh inkurunat bix-xewk flok bil-glorja. Nilmħu lilu, it-tjieba nfisha, mgħajjar u mżeblaħ. Għaliex din l-umiljazzjoni kollha? Għaliex, Mulej, ħallejthom jagħmlulek hekk?

Dan għamlu għalina, biex imiss sal-qiegħ nett ir-realtà umana tagħna, biex jgħaddi mill-eżistenza kollha tagħna, iduq il-ħażen kollu tagħna. Biex jersaq lejna u ma jitlaqniex waħidna fit-tbatija u fil-mewt. Biex jifdina, biex isalvana. Ġesù jitla’ fuq is-salib biex jinżel fit-tbatija tagħna. Iġarrab l-agħar waqtiet li ngħaddu minnhom aħna: il-falliment, iċ-ċaħda minn kulħadd, it-tradiment ta’ dawk li jħobb u saħansitra l-abbandun ta’ Alla. Iħoss f’ġismu l-kontradizzjonijiet l-aktar qawwija tagħna, u hekk jifdihom, jibdilhom. Imħabbtu tersaq lejn id-dgħufijiet tagħna, tasal hemm fejn aħna l-aktar li nistħu minna nfusna. U issa nafu li m’aħniex waħidna: Alla jinsab magħna f’kull ġerħa, f’kull biża’: l-ebda ħażen, l-ebda dnub ma għandu l-aħħar kelma. Alla jirbaħ, imma l-palma tar-rebħa tgħaddi mill-għuda tas-salib. Għalhekk il-palm u s-salib jinsabu flimkien.

Ejjew nitolbu l-grazzja li nkunu kapaċi nistagħġbu. Il-ħajja Nisranija, mingħajr stagħġib, issir monotona. Kif nistgħu nagħtu xhieda tal-ferħ tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, jekk ta’ kuljum ma nħallux l-imħabba tal-għaġeb tiegħu tgħaġġibna, hu li jaħfrilna u jerġa’ jgħinna nibdew mill-ġdid? Jekk il-fidi titlef is-sens ta’ stagħġib, hi tittarrax: ma tibqax tħoss il-kobor tal-Grazzja, ma tħossx iżjed il-gost tal-Ħobż tal-ħajja u tal-Kelma, ma tħossx iżjed il-ġmiel tal-aħwa u d-don tal-ħolqien. U ma jibqgħalhiex triq oħra għajr li tistkenn fil-legaliżmi, fil-klerikaliżmi u f’dawk il-ħwejjeġ kollha li Ġesù jikkundanna fil-kapitlu 23 ta’ Mattew.

F’din il-Ġimgħa Mqaddsa, ejjew nerfgħu ħarsitna lejn is-salib biex nilqgħu l-grazzja tal-istagħġib. San Franġisk ta’ Assisi, huwa u jħares lejn il-Kurċifiss, jiskanta kif il-patrijiet tiegħu ma jibkux. U aħna, għadna nħallu l-imħabba ta’ Alla tqanqalna? Għaliex m’għadx għandna l-ħila nistagħġbu quddiemu? Għaliex? Forsi għax il-fidi tagħna xxejnet mid-drawwa. Forsi għax nibqgħu magħluqin fid-dispjaċiri tagħna u nħallu n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħna jipparalizzana. Forsi għax tlifna l-fiduċja f’kollox u saħansitra naħsbu li aħna fl-iżball. Imma wara kull “forsi” hemm il-fatt li m’aħniex miftuħa għad-don tal-Ispirtu li huwa Dak li jagħtina l-grazzja li nistagħġbu.

Ejjew nerġgħu mmiddu l-ewwel passi tal-istagħġib; inħarsu lejn il-Kurċifiss u ngħidulu: “Mulej, kemm tħobbni! Kemm jiena għażiż f’għajnejk!”. Inħallu lil Ġesù jgħaġġibna biex nerġgħu nibdew ngħixu, għax il-kobor tal-ħajja mhux qiegħed f’kemm ikollok u f’kemm tafferma ruħek, imma f’kemm tiskopri li int maħbub. Dan hu l-kobor tal-ħajja: li niskopru li aħna maħbubin. U l-kobor tal-ħajja qiegħed proprju fil-ġmiel tal-imħabba. Fil-Kurċifiss nilmħu lil Alla umiljat, Dak li jista’ kollox isir skart. U bil-grazzja tal-istagħġib nifhmu li meta nilqgħu lil min iħossu mormi, meta nersqu qrib ta’ min hu umiljat mill-ħajja, inkunu nħobbu lil Ġesù: għax hu jinsab f’dawk tal-aħħar post, fl-imwarrbin, f’dawk li l-kultura Fariżajka tagħna tikkundannahom.

Illum, dritt wara l-mewt ta’ Ġesù, il-Vanġelu jurina l-isbaħ ikona tal-istagħġib. Hija x-xena taċ-ċenturjun, li “meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: ‘Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!’” (Mk 15:39). Baqa’ mistagħġeb bl-imħabba. Kif rah imut lil Ġesù? Rah imut iħobb, u b’dan baqa’ mistagħġeb. Kien qed ibati, kien wasal fl-aħħar, imma kompla jħobb. Araw dan l-istagħġib quddiem Alla, li jaf jimla bl-imħabba anki l-mument tal-mewt. F’din l-imħabba mogħtija b’xejn u li qatt ma dehret oħra bħalha qabel, iċ-ċenturjun, pagan, isib lil Alla. Dan kien tassew Bin Alla! Il-frażi tiegħu tissiġilla l-Passjoni. Ħafna qablu fil-Vanġelu ammiraw lil Ġesù għall-mirakli u l-għeġubijiet tiegħu u għarfu fih l-Iben ta’ Alla, imma Kristu nnifsu sikkithom, għax kien hemm ir-riskju li jieqfu mal-ammirazzjoni mondana, mal-idea ta’ Alla li jridu jqimuh u jibżgħu minnu għax hu qawwi u terribbli. Imma issa daqshekk, taħt is-salib ma hemmx iżjed miżinterpretazzjonijiet: Alla kixef lilu nnifsu u jsaltan biss bil-qawwa mneżżgħa u li tneżża’ tal-imħabba.

Ħuti, illum Alla għadu jgħaġġeb lill-ħsieb u l-qalb tagħna. Ejjew inħallu dan l-istagħġib jaħkimna, inħarsu lejn il-Kurċifiss u ngħidu aħna wkoll: “Inti tassew l-Iben ta’ Alla. Int Alla tiegħi”.

Source: Laikos