Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jippreżentalna lil Ġesù li jagħti d-dawl lil wieħed għama mit-twelid (cfr (Ġw 9,1-41).  Iżda varji persuni u gruppi, dal-prodiġju jilqgħuh ħażin. Nidħlu fid-dettalji.

Imma qabel nixtieq ngħidilkom: illum aqbdu l-Evanġelju ta’ Ġwanni u aqraw dan il-miraklu ta’ Ġesù, sabiħ ħafna l-mod kif jirrakkuntah Ġwanni.  Il-kapitlu 9, jinqara f’żewġ minuti.  Juri kif kien jaġixxi Ġesù u kif timxi l-qalb umana: il-qalb umana tajba, il-qalb bierda, il-qalb umana beżżiegħa, il-qalb umana kuraġġuża ħafna.  Il-kapitlu 9 tal-Evanġelju ta’ Ġwanni.  Agħmlu dan illum, ikun ta’ għajnuna kbira.  U b’liema mod jilqgħu das-sinjal in-nies?

Qabel xejn hemm id-dixxipli ta’ Ġesù, li quddiem l-għama mit-twelid jaqgħu fis-seksik: jistaqsu jekk il-ħtija hix tal-ġenituri jew tiegħu (cfr v. 2).  Ifittxu l-ħati; u aħna bosta drabi naqgħu f’dan (l-iżball) għax komdu ħafna: infittxu min hu ħati minflok nagħmlu mistoqsijiet impenjattivi fil-ħajja.  U llum nistgħu ngħidu: xi tfisser għalija l-preżenza ta’ din il-persuna, x’qed titlob minna? Imbagħad, wara li seħħ il-fejqan, ir-reazzjonijiet jiżdiedu.  L-ewwel waħda hi dik ta’ qrabatu li huma xettiċi: “dar-raġel minn dejjem kien għama: mhux possibbli li issa qed jara! Dan xi ħadd ieħor”:  Għalihom dan inaċċettabbli, aħjar jibqa’ kollox kif kien qabel (cfr v.16) u ma nindaħlux f’dil-problema.  Jibżgħu, jibżgħu mill-awtoritajiet reliġjużi u jibqgħu lura, ma jitkellmux (cfr vv. 18-21).  F’dawn ir-reazzjonijiet kollha jidhru qlub magħluqin quddiem is-sinjal ta’ Ġesù, għal diversi raġunjiet: għax qed ifittxu l-ħati, għax ma jafux jistagħaġbu, għax ma jridux jinbidlu, għax il-biża’ twebbishom.  U tant sitwazzjonijiet illum jixxiebħu ma’ dan.  Quddiem ħaġa li hi propju messaġġ ta’ xhieda minn persuna, messaġġ ta’ Ġesù, aħna naqgħu f’dan: infittxu tifsira oħra, marridux ninbidlu, infittxu mnejn se naħarbu b’mod eleganti minflok naċċettaw il-verità.

L-uniku wieħed li jirreaġixxi pożittivament hu l-għama: hu, hieni li qed jara, jagħti xhieda ta’ dak li ġralu bl-aktar mod sempliċi: “Kont għama u issa qed nara” (v. 25).  Jgħid il-verità.  Qabel kellu joqgħod jitlob il-karità biex jgħix u kien vittma tal-preġudizzji tan-nies: “dan fqir u għama mit-twelid, għandu jbati, għandu jħallas għal dnubietu jew għal dawk tal-antenati tiegħu”.  Issa, li hu ħieles fil-ġisem u fl-ispirtu, jagħti xhieda ta’ Ġesù: ma jivvinta xejn u ma jaħbi xejn. “Kont għama u issa qed nara”.  Ma jibżax minn dak li se jgħidu l-oħrajn: it-togħma qarsa tal-emarġinazzjoni kien diġà daqa tul ħajtu kollha, kien diġà ġarrab fih l-indifferenza u d-disprezz ta’ min ikun għaddej, ta’ min kien iqisu skart tas-soċjetà, utli biss biex isib ftit ħniena b’xi ħaġa tal-elemożina. Issa li mfejjaq, dawk l-atteġġjamenti ta’ disprezz ma jibżax aktar minnhom għax Ġesù raddlu lura d-dinjità sħiħa.  U dan hu ċar, jiġri dejjem: meta Ġesù jfejjaqna iroddilna lura d-dinjità, id-dinjità tal-fejqan ta’ Ġesù hi sħiħa, dinjità li tinbet mill-qiegħ tal-qalb, li tkopri l-ħajja kollha; u Huwa, f’jum ia-Sibt, quddiem kulħadd, ħelsu, tah id-don tal-vista bla ma talbu xejn lura, lanqas grazzi, u l-għama jagħti testimonjanza ta’ dan kollu. Din hi d-dinjità ta’ persuna nobbli, ta’ persuna li taf li ġiet imfejqa u terġa’ tibda, titwieled mill-ġdid għall-ħajja, suġġett li kienu qed jiddiskutu fil-programm “A Sua Immagine”: twelid ġdid.

Ħuti, ma’ dawn il-persunaġġi kollha, l-Evanġelju tal-lum iqiegħed lilna wkoll f’dix-xena, tant li nistaqsu lilna nfusna: liema pożizzjoni se nieħu, x’konna ngħidu li konna hemmhekk?  U, fuq kollox, x’qed nagħmlu llum? Nafu naraw ċar, nafu nkunu grati għad-doni li nirċievu, bħall-għama? Nistaqsi: kif inhi d-dinjità tiegħi?  Kif inhi d-dinjità tiegħek”  Aħna nagħtu xhieda ta’ Ġesù jew inkella nxerrdu kritika u suspetti? Aħna liberi quddiem il-preġudizzji jew ningħaqdu ma’ dawk li jxerrdu n-negattivita u s-seksik?” Aħna ngħidu bil-ferħ li Ġesù jħobbna, li jsalvana, jew bħall-ġenituri tal-għama mit-twelid, inħallu l-opinjoni tan-nies tagħlaqna f’gaġġa?  Il-qlub bierda, li ma jaċċettawx il-verità u li m’għandhomx kuraġġ jgħidu: “Le, l-affarijiet hekk huma”.  U aktar, kif nilqgħu d-diffikultajiet u l-indifferenza tal-oħrajn?  Kif nilqgħu lill-persuni li għandhom ħafna limitazzjonijiet fil-ħajja? Kemm fiżiċi, bħal dal-għama; jew soċjali, bħalma huma t-tallaba li niltaqgħu magħhom fit-triq? U dan nilqgħuh bħala saħta jew bħala okkażjoni biex nersqu qribhom bl-imħabba?

Ħuti, illum nitolbu l-grazzja li nistagħġbu kuljum bid-doni t’Alla u li nħarsu lejn iċ-ċirkostanzi tal-ħajja, anki l-aktar diffiċli biex naċċettawhom, bħala okkażjonijiet biex nagħmlu t-tajjeb kif għamel Ġesù mal-għama.  Il-Madonna tgħinna f’dan, flimkien ma’ San Ġużepp, raġel ġust u fidil.

Sors: laikos.org