L-istatwa tal-Madonna tal-Libanu b’idejha miftuħa fuq Bejrut, fis-Santwarju Marjan f’Ħarissa.

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfr Mt 14,22-33) tirrakkonta li Ġesù mexa fuq l-ilmijiet tal-għadira waqt tempesta.  Wara li kien tema’ l-folla b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet – kif rajna l-Ħadd li għadda – Ġesù jordna lid-dixxipli biex jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor.  Hu jibgħat in-nies u jitla’ fuq l-għolja, waħdu, biex jitlob.  Jitwaħħad f’komunjoni mal-Missier.

Waqt il-vjaġġ billejl fuq l-għadira, id-dgħajsa tad-dixxipli tibqa’ mblukkata minħabba tempesta tar-riħ għal għarrieda.  Fl-għadira din ħaġa normali.  Ħin minnhom huma jaraw lil xi ħdd miexi fuq l-ilma riesaq lejhom.  Bil-fixla jaħsbu li kien xi fantażma u bdew jgħajtu minħabba l-biża’.  Ġesù jserrħilhom rashom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”  Allura Pietru – Pietru, li kien tant deċiż – iwieġeb: “Mulej, jekk huwa int, ordna li niġi ħdejk fuq l-ilma”.  Sfida.  u Ġesù jgħidlu: “Ejja!”.  Pietru jinżel mid-dgħajsa u jagħmel xi ftit passi; imbagħad ir-riħ u l-mewġ ibeżżgħuh u jibda jegħreq.  Beda jgħajjat: “Mulej, salvani!”, u Ġesù jaqbdu minn idu u jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”

Dar-rakkont hu stedina biex aħna nintelqu bil-fiduċja f’Alla f’kull waqt tal-ħajja tagħna, speċjalment fil-waqt tal-prova u tal-konfużjoni.  Meta nħossu d-dubju kbir u l-biża’ donnhom se jgħerrquna, fil-mumenti diffiċli tal-ħajja, fejn kollox isir dlam, m’għandniex nistħu u ngħajtu bħal Pietru “Mulej, salvani!” (v. 30).  Inħabbtu fuq il-qalb ta’ Alla, fuq il-qalb ta’ Ġesù: “Mulej, salvani!”.  Hija talba sabiħa.  Nistgħu ntennuha bosta drabi: “Mulej, salvani!”  U l-ġest ta’ Ġesù li jnewwel idu minnufih u jaqbad dik ta’ ħabibu għandna nikkuntemplawh fit-tul: dan hu Ġesù, dan jagħmel Ġesù, Ġesù huwa l-id ta’ Alla li qatt ma jabbandunana; l-id qawwija u fidila tal-Missier li jrid dejjem u biss il-ġid tagħna.  Alla mhux il-ħoss kbir, Alla  mhuwiex l-uragan, mhux in-nar qerriedi, mhux terremot – kif ifakkarna llum ukoll ir-rakkont tal-Profeta Elija -; Alla hu ż-żiffa ħelwa – hekk jgħid litteralment: hu “dik il-ħajta ta’ silenzju li jtarrax” li ma jimponix ruħu imma jitlobna nisimugħ (ara 1 Slaten 19,11-13).  Li jkollna l-fidi jfisser, qalb it-tempesta, li nżommu qlubna merfugħin lejn Alla, lejn imħabbtu, lejn it-tenerezza tiegħu ta’ Missier.  Dan ried jgħallem Ġesù lil Pietru u lid-dixxipli wkoll, u lilna wkoll illum.  Fil-waqtiet tad-dlam, fil-mumenti ta’ swied il-qalb, fil-waqtiet tan-niket, Hu jaf tajjeb li l-fidi tagħna hi fqira – ilkoll kemm aħna nies ta’ fidi dgħajfa, ilkoll, jiena wkoll, ilkoll – u li l-mixja tagħna tista’ tkun imqallba, imblukkata minn qawwiet kuntrarji.  Imma Hu qam!  Ma ninsewhx dan: Hu l-Mulej li għadda mill-mewt biex iwassalna għas-salvazzjoni.  Sa minn qabel ma nibdew infittxuh aħna, Hu jkun preżenti ħdejna.  u meta nerġgħu nqumu mill-waqgħat tagħna, isaħħilna l-fidi.  Forsi fid-dlam, aħna ngħajtu: “Mulej!  Mulej!” għax naħsbu li jkun imbiegħed.  U Hu jgħidilna: “Jien hawn!”.  Ah, kien diġà miegħi!  Hekk hu magħmul il-Mulej.

Id-dgħajsa titħabat mat-tempesta hi xbieha tal-Knisja, li f’kull epoka tiltaqa’ ma rjieħ kontriha, kultant provi iebsin ħafna: niftakru fil-persekuzzjonijiet twal u akkaniti tas-seklu li għadda, u llum ukoll f’xi nħawi.  F’dawk is-sitwazzjonijiet jista’ jkollha t-tentazzjoni li taħseb li Alla abbandunaha.  Imma fir-realtà hu propju f’dawk il-waqtiet li tiddi l-aktar ix-xhieda tal-fidi, ix-xhieda tal-imħabba, ix-xhieda tat-tama.  Hi l-preżenza ta’ Kristu Rxoxt fil-Knisja tiegħu li tagħti l-grazzja lix-xhieda sal-mewt, li minnha jwarrdu insara ġodda u frott ta’ rikonċiljazzjoni u paċi għad-dinja kollha.

L-interċessjoni ta’ Marija tgħinna nipperseveraw fil-fidi u fl-imħabba fraterna, meta d-dlam tat-tempesta tal-ħajja jitfgħu fi kriżi l-fiduċja tagħna f’Alla.


Wara l-Anġelus

Għeżież ħuti,

nhar is-6 u d-9 ta’ Awwissu 1945, 75 sena ilu, seħħew il-bumbardamenti atomiċi traġiċi fuq Hiroshima u Nagasaki.  Filwaqt li niftakar b’kommozzjoni u gratitudni ż-żjara li għamilt f’dawk il-postijiet is-sena l-oħra, inġedded l-istedina biex nitolbu u nimpenjaw ruħna ħalli d-dinja tkun ħielsa għal kollox mill-armi nuklejari.

F’dal-ġranet ħsiebi qed ikun spiss fil-Libanu – hemmhekk qed nara bandiera tal-Libanu, grupp ta’ Libaniżi.  Il-katastrofi ta’ nhar it-Tlieta li għadda hi sejħa lil kulħadd, ibda mil-Libaniżi, biex jikkollabora għall-ġid ta’ dan il-pajjiż maħbub.  Il-Libanu għandu identità partikolari, frott tal-laqgħa bejn bosta kulturi, li feġġet matul iż-żmien bħala mudell ta’ għejxien flimkien.  Żgur li dil-konvivenza issa hi fraġli ħafna, nafuha, imma jien nitlob sabiex bl-għajnuna t’Alla u l-parteċipazjzoni leali ta’ kulħadd, (il-Libanu) jkun jista’ jitwieled mill-ġdid ħieles u qawwi.  Nistieden lill-Knisja tal-Libanu biex tkun qrib il-poplu fil-kalvarju tiegħu, kif qed tagħmel f’dal-ġranet, bis-solidarjetà u l-kumpassjoni, b’qalbha u jdejha miftuħin għall-kondiviżjoni.  Minbarra hekk, inġedded l-appell tiegħi biex min-naħa tal-komunità internazzjonali tingħata għajnuna ġeneruża.  U, jekk jgħoġobkom, nitlob lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti u lir-reliġjużi tal-Libanu biex ikunu qrib il-poplu u biex jgħixu stil ta’ ħajja mmarkat mill-faqar evanġeliku, mingħajr lussu, għax il-poplu tagħkom qed ibati u qed ibati ħafna.

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi – hawn ħafna bnadar hawnhekk – familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.  Insellem b’mod partikolari liż-żgħażagħ minn Pianengo, fid-djoċesi ta’ Crema – hemm huma….., storbjużi, li mxew tul il-‘Via Francigena’ minn Viterbo sa Ruma.  Bravi u kumplimenti!

Nibgħat tislima minn qalbi lill-parteċipanti tat-‘Tour de Pologne’ – hawn ħafna Pollakki hawnhekk! – tellieqa internazzjonali bir-roti li dis-sena qed issir b’tifkira ta’ San Ġwanni Pawlu II fiċ-ċentinarju mit-twelid tiegħu.

Lilkom nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Source: Laikos.org
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber