Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum itina sentenza mill-isbaħ, li nitolbuha dejjem fl-Angelus, u li waħedha turina liema hu s-sens tal-Milied: “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14).  Dal-kliem, jekk naħsbu sew, fihom paradoss. Iqiegħdu flimkien żewġ realtajiet opposti: Il-Verb l-laħam. “Il-Verb” juri li Ġesù hu l-Kelma eterna tal-Missier, Kelma infinita, li kienet teżisti minn dejjem, qabel kull ħaġa maħluqa; iżda l-kelma “laħam” tikxef ir-realtà tagħna, realtà maħluqa, fraġli, bil-limitazzjonijiet, li tmut. Qabel Ġesù kien hemm żewġ dinjiet mifrudin minn xulxin: is-Sema, l-oppost tal-art, l-infinit, oppost ta’ dak li jintemm, l-ispirtu oppost għall-materja. U hemm ukoll oppost ieħor fil-Prologu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, par ieħor: dawl u dlam (cfr v. 5). Ġesù hu d-dawl t’Alla li rifes id-dlam tad-dinja. Dawl u dlam. Alla hu dawl: fih m’hemmx titpin; iżda fina hemm ħafna dellijiet. Issa, permezz ta’ Ġesù d-dawl u d-dlam jiltaqgħu”: qdusija u ħtija, grazzja u dnub. Ġesù, l-inkarnazzjoni ta’ Ġesù hi propju l-post fejn jiltaqgħu, tal-laqgħa bejn Alla u l-bnedmin, il-laqgħa bejn il-grazzja u d-dnub.

Xi jrid iħabbar l-Evanġelju b’dawn it-termini opposti? Ħaġa meraviljuża: il-mod kif jaħdem Alla. Quddiem id-dgħufija tagħna, il-Mulej ma jinġibidx lura. Ma jibqax jimraħ fl-eternità beata tiegħu u fid-dawl infinit tiegħu, imma joqrob, isir laħam, jinżel fid-dlam, jgħammar fl-artijiet li għalih huma stranġieri. U għalfejn jagħmel dan Alla? Għaliex jinżel fostna? Jagħmel dan għax ma jirrassenjax ruħu għall-fatt li nistgħu nintilfu billi nitbiegħdu minnu, bogħod mill-eternità, bogħod mid-dawl. Din hi l-opra t’Alla: li jiġi fostna. Jekk ma nħossuniex denji, xorta ma jżommux lura, Hu jiġi. Jekk niċħduh, ma jegħjiex ifittixna. Jekk m’aħniex lesti u disposti li nilqgħuh, xorta waħda jippreferi jiġi. U jekk nagħlqulu l-bieb f’wiċċu, Hu jistenna.  Hu propju r-Ragħaj it-Tajjeb. Hu l-isbaħ xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb. Il-Verb li jsir laħam biex jaqsam magħna ħajjitna. Ġesù hu r-Ragħaj it-Tajjeb li jiġi jfittixna hemm, fejn inkunu: fil-problemi tagħna, fil-miżerja tagħna. Hu hemmhekk jiġi.

Għeżież ħuti, spiss inżommu bogħod minn Alla għax naħsbu li m’aħniex denji tiegħu, għal raġunijiet oħra. U hu minnu. Imma l-Milied jistedinna biex inħarsu lejn l-affarijiet mill-mod kif iħares Hu. Alla jixtieq isir laħam. Jekk qalbek hi mniġġsa mill-ħażen, jidhirlek li fiha d-diżordni, jekk jogħġbok, tingħalaqx, tibżax: Hu jiġi. Ftakar fl-istalla ta’ Betlehem. Ġesù hemm twieled, f’dak il-faqar, biex jgħidlek li żgur ma jibżax iżur qalbek, li jgħammar f’ħajja mgerfxa. Din hi l-kelma: jgħammar. Jgħammar hi l-kelma li juża l-Evanġelju tal-lum biex jispjega dir-realtà: jesprimi twaħħid sħiħ, intimità kbira. U dan irid Alla: irid jgħammar magħna, ma jridx jgħammar fina, jibqa’ mbiegħed.

U nistaqsi lili nnifsi, u lilkom ilkoll: aħna rridu nagħmlulu l-wisgħa?  Bil-kliem iva; ħadd mhu se jgħid: “Jiena le”; imma konkretament? Forsi hemm xi aspetti tal-ħajja li rridu nżommuhom għalina, esklussivi, jew xi rkejjen interjuri li nibżgħu nħallu l-Evanġelju jidħol fihom, fejn ma rridux lil Alla jindaħlilna. Illum nistedinkom biex tkunu konkreti. Liema huma l-ħwejjeġ interjuri li nemmen li lil Alla ma jogħġbuhx? Liema hi r-rokna li rrid inżomm għalija u ma rridx lil Alla jidħol fiha? Ejjew ilkoll inkunu konkreti u nwieġbu dan. “Iva, iva, jien irrid lil Ġesù jiġi, basta ma jmissx dan: u dan le, u dan…” Kull wieħed u waħda minna għandna dnubna – ħalli nsejħulu b’ismu – u Hu ma jibżax minn dnubietna: ġie biex ifejjaqna. Għall-anqas ejjew nuruh dan, ejjew inħalluh jara dnubna. Inkunu kuraġġużi, ngħidu: “Mulej, ninsab f’dis-sitwazzjoni, ma rridx ninbidel. Imma, inti, jekk jogħġbok, titbegħidx wisq”. Talba sabiħa din. Ejjew illum inkunu sinċieri.

F’dal-jiem tal-Milied jagħmlilna tajjeb jekk nilqgħu lill-Mulej propju hemmhekk. Kif? Pereżempju billi noqogħdu ftit quddiem il-presepju, għax dan jurina li Ġesù ġie jgħammar fil-ħajja konkreta kollha tagħna, fil-ħajja ta’ kuljum, fejn mhux kollox imur lixx, fejn hemm bosta problemi – uħud ħtija tagħna, drabi oħra ħtija ta’ ħaddieħor – u Ġesù jiġi. Hemmhekk naraw il-pasturi jaħdmu qatigħ, lil Erodi li jhedded lill-innoċenti, faqar kbir… Imma f’nofs dan kollu, qalb tant problemi – u qalb il-problemi tagħna wkoll – hemm Alla, hemm Alla li jrid jgħammar magħna. U jistenna li nippreżentawlu s-sitwazzjonijiet tagħna, ħajjitna. Allura, quddiem il-presepju, nitkellmu ma’ Ġesù dwar dak li jiġrilna konkretament fil-ħajja ta’ kuljum. Nistednuh uffiċjalment f’ħajjitna, speċjalment fl-irkejjen oskuri: “Ara, Mulej, hemmhekk m’hemmx dawl, l-elettriku ma jasalx, imma jekk jogħġbok, tmiss xejn, għax ma nħossx li għandi noħroġ minn dis-sitwazzjoni”. Niktellmu ċar, bil-konkretezza. L-irkejjen mudlama, “l-istalel interjuri” tagħna, kull wieħed u waħda minna għandna minnhom. U bla biża’ nirrakkuntawlu anki l-problemi soċjali, il-problemi ekkleżjali ta’ żmienna; il-problemi personali tagħna, anki dawk l-aktar koroh: Alla jħobb jgħammar fl-istalla tagħna.

Omm Alla, li fiha l-Verb sar bniedem, tgħinna nikkultivaw intimità akbar mal-Mulej.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

minn qalbi nsellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra: qed nara bnadar Pollakki, Brażiljani, Urugwajani, Arġentini, Paragwajani, Kolombjani, Venezwelani: merħba lkoll! Insellem lill-familji, lill-assoċjazzjonijiet, lill-gruppi parrokkjali, partikolarment lil dawk minn Postioma u Porcellengo, fid-djoċesi ta’ Treviso, kif ukoll lill-adolexxenti tal-Federazzjoni Regnum Christi u liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

F’dan l-ewwel Ħadd tas-sena l-ġdida nġedded lil kulħadd l-awguri tal-paċi u ġid fil-Mulej. Fil-waqtiet hienja u f’dawk ta’ niket, nafdaw fih, Hu li hu l-qawwa tagħna u t-tama tagħna. U tinsewx: nistiednu lill-Mulej jiġi ġewwa fina, jiġi fir-realtà tagħna, kerha kemm hi kerha, qisu ġej fi stalla: “Mulej, ma rridx li tidħol, imma ħares lejha, ibqa’ qribha”.  Ejjew nagħmluh dan.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  U tinsewx titolbu għalija. Arrivederci!

Sors: laikos.org