Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, jiġifieri l-ewwel Ħadd ta’ tħejjija għall-Milied, ikellimna dwar il-miġja tal-Mulej fl-aħħar taż-żminijiet. Ġesù jħabbar ġrajjiet ta’ niket u tbatija, imma propju f’dal-ħin jistedinna biex ma nibżgħux. Għaliex? Għax kollox se jmur sew? Le, imma għax Hu se jiġi. Ġesù għad jerġa’ jiġi, Ġesù għad jiġi, hekk iwiegħed. Jgħid hekk: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). Sabiħ tisma’ dil-kelma ta’ kuraġġ: inqawwu qalbna u nerfgħu rasna għax propju fil-waqtiet li fihom kollox donnu jidher riesaq lejn tmiemu, jiġi l-Mulej biex isalvana; nistennewh bil-ferħ anki fl-agħar tat-tbatija, waqt il-kriżi tal-ħajja u fid-drammi tal-istorja. Nistennew lill-Mulej. Imma kif nistgħu nqawwu qlubna, ma nħallux id-diffikultajiet, it-tbatijiet, il-telfiet, jegħlbuna? Ġesù jurina t-triq bi twissija qawwija: “Oqogħdu attenti, tħallux qalbkom titmewwet (….) Ishru u itolbu l-ħin kollu” (vv. 34-36).
“Ishru”, is-sahra. Nieqfu ftit dwar dan l-aspett importanti tal-ħajja Nisranija. Minn kliem Ġesù naraw li s-sahra hi marbuta mal-attenzjoni: oqogħdu attenti, ishru, taljenawx ruħkom, jiġifieri ibqgħu mqajmin! Dan ifisser li tishar: tħallix qalbek titgħażżen u l-ħajja spiritwali tiddgħajjef bil-medjokrità. Nishru għax nistgħu nkunu “Nsara mħeddla” – u aħna nafu: hawn ħafna Nsara mħeddla, Insara lluppjati bil-mondanità spiritwali – Insara bla ħeġġa spiritwali, bla ħerqa fit-talb – jitolbu qishom pappagalli – neqsin mill-entużjażmu dwar il-missjoni, mingħajr ‘passjoni’ għall-Evanġelju. Insara li jħarsu dejjem ‘il ġewwa, bla ħila li jgħarrxu x-xefaq. U dan iwassal “għan-ngħas”: imexxu kollox bl-indifferenza, u jaqgħu fl-apatija, indifferenti għalkollox minbarra għal dak li jħossuhom komdi bih. U din hi triq ta’ dwejjaq, li timxi hekk… m’hemmx ferħ fiha.
Jeħtieġ nishru biex jiemna ma nkaxkruhomx bi drawwa, biex ma nittaqqlux – jgħidilna Ġesù – bil-ansjetajiet tal-ħajja (cfr v. 34). L-ansjetajiet tal-ħajja jtaqqluna. Għalhekk illum, hi okkażjoni tajba biex nistaqsu lilna nfusna: x’inhu dak li jtaqqalli qalbi? Xi jtaqqalli l-ispirtu tiegħi? X’inhu dak li jitfagħni komdu fuq il-pultruna tal-għażż? Hu ta’ swied il-qalb tara Nsara “fuq il-pultruna”! Liema huma l-medjokritajiet li qed ixekkluni, il-vizzjijiet, liema huma l-vizzjijiet li jgħaffġuni mal-art u ma jħallunix nerfa’ rasi? U jien attent jew indifferenti għat-toqol li mgħobbijin bih ħuti? Dawn il-mistoqsijiet ġid jagħmlulna għax jgħinu l-qalb biex ma taqax fl-għażż. Imma, missier, għidilna: x’inhu l-għażż? Hu għadu kbir tal-ħajja spiritwali, tal-ħajja Nisranija wkoll. It-telqa hi dak l-għażż li jwaqqgħek, li jżerżqek lejn swied il-qalb, li jneħħilek it-togħma tal-ħajja u r-rieda li tkun attiv. Hu spirtu negattiv, hu spirtu ħażin li lir-ruħ isammarha mal-ħedla u jisirqilha l-ferħ. Bniedem jibda b’dak id-dwejjaq, u jiżżerżaq, jiżżerżaq, u xejn ferħ. Il-Ktieb tal-Proverbji jgħid: “Ħares ‘il qalbek, għax minnha ġejja l-ħajja” (Prov 4:23). Inħarsu qlubna: dan ifisser li tħares, tishar! Ishar, indokra l-qalbek.
U nżidu ingredjent essenzjali: is-sigriet biex nishru hu t-talb. Infatti Ġesù jgħid: “Ishru u itolbu l-ħin kollu” (Lq 21:36). It-talb iżomm qalbna mixgħula. Speċjalment meta nħossu li l-entużjażmu qed inin, it-talb jerġa’ jaħjih għax jerġa’ jressaqna lejn Alla, iċ-ċentru ta’ kollox. It-talb jerġa’ jqajjem lir-ruħ min-ngħas u jiffukaha fuq dak li jgħodd, l-għan tal-eżistenza. Anki fil-ġranet mimlijin daqs bajda, qatt m’għandna ninsew it-talb. Issa kont qed nara, fil-programm A sua immagine, riflessjoni sabiħa dwar it-talb: hi għajnuna għalina, jekk narawha tagħmlilna tajjeb. Jista’ jkun għajnuna għalina t-talb sieket, intennu spiss xi invokazzjoni qasira. Fl-Avvent nieħdu drawwa ngħidu, pereżempju: “Ejja, Mulej Ġesù”. Din biss, imma ngħiduha: “Ejja, Mulej Ġesù”. Daż-żmien ta’ tħejjija għall-Milied hu sabiħ: naħsbu fil-prespeju, naħsbu fil-Milied u ngħidu minn qalbna: “Ejja, Mulej Ġesù”: hi talba li nistgħu ngħiduha tliet darbiet ilkoll flimkien. “Ejja, Mulej Ġesù”, “Ejja, Mulej Ġesù”, “Ejja, Mulej Ġesù”.
U issa nitolbu lill-Madonna: hi li bis-sahra ta’ qalbha stenniet lill-Mulej, takkumpanjana fil-mixja tal-Avvent.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Ilbieraħ iltqajt ma’ membri ta’ assoċjazzjonijiet u gruppi ta’ migranti flimkien ma’ persuni, li bi spirtu ta’ fraterntà, jaqsmu l-mixja magħhom. Qegħdin hawn fil-pjazza, b’dik il-bandiera tant kbira! Merħba! Imma kemm hawn migranti – naħsbu ftit – li huma esposti, anki f’dal-ġranet, għal perikli kbar u kemm jitilfu ħajjithom fuq il-fruntieri tagħna! Inħoss niket kbir meta nisma’ aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha tant minnhom: dawk li mietu fl-English Channel; dawk tal-konfini mal-Belarussja, li bosta minnhom huma tfal; dawk li jegħrqu fil-Mediterran. Nitnikket ħafna jien u naħseb fihom. Dawk li treġġgħu lura lejn artijiethom fl-Afrika ta’ Fuq, li nħatfu mit-traffikanti li jagħmluhom ilsiera: ibigħu n-nisa, jittorturaw lill-irġiel… Dawk li anki dil-ġimgħa stess, ippruvaw jaqsmu l-Mediterran ifittxu art li tilqagħhom u minflok, sabu qabarhom; u tant oħrajn. Lill-migranti li jinsabu f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi niżgurahom li nitlob għalihom u ntihom qalbi: kunu afu li jien dejjem qribkom. Nitolbu u nwettqu. Irrodd ħajr lill-istituzzjonijiet kollha, kemm dawk tal-Knisja Kattolika u wkoll oħrajn, speċjalment lil Caritas nazzjonali u dawk kollha li huma impenjati biex itaffu t-tbatijiet tagħhom. Inġedded l-appell lil dawk li jistgħu jagħtu sehemhom biex isolvu dawn il-problemi, partikolarment l-Awtoritajiet ċivili u militari, sabiex sa fl-aħħar il-ftehim u d-djalogu jegħlbu kull għamla ta’ strumentalizzazzjoni u jmexxu l-isforzi lejn soluzzjonijiet li jirrispettaw l-umanità ta’ dawn il-persuni. Niftakru fil-migranti, fit-tbatijiet tagħhom, u nitolbu fis-skiet… (waqt ta’ skiet).
Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi: hawn ħafna bnadar ta’ pajjiżi differenti. Insellem lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet. Insellem b’mod partikolari lill-fidili ġejjin minn Timor Est – qed nara l-bandiera hemmhekk – mill-Polonja u minn Lisbona; kif ukoll lil dawk minn Tivoli.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba, u l-mixja t-tajba lejn il-Milied, lejn il-Mulej. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org