Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, ir-raba’ Ħadd tal-Avvent, jirrakkonta ż-żjara li għamlet Marija lil Eliżabetta (cfr Lq 1:39-45).  Wara li rċeviet it-tħabbira tal-anġlu, il-Verġni Marija ma baqgħetx id-dar, thewden fuq dak li ġralha u taħseb dwar il-problemi u x’seta jinqala’, li ċertament ma kinux se jonqsu: għax, miskina, ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel wara dik l-aħbar, minħabba l-kultura tal-epoka….  Ma setgħetx tifhem…  Bil-maqlub, l-ewwel ma ħasbet kien dwar min jinsab fil-bżonn: minflok ingħalqet fiha nfisha, fil-problemi tagħha, taħseb f’min hu fil-bżonn, taħseb f’Eliżabetta, qariba tagħha, li hi mgħobbija biż-żmien u tqila: ħaġa stramba, mirakoluża. Bil-ġenerożità, Marija tibda vjaġġ, bla ma beżgħet mill-inkonvenjenzi tat-triq, billi wieġbet qisha b’molla minn ġewwa li sejħitilha biex tkun qrib u tagħti l-għajnuna. Triq twila, kilometri fuq kilometri, u ma kienx hemm tal-linja! Kella tmur bil-mixi.  Hi toħroġ biex tmur tgħin, biex taqsam il-ferħ tagħha. Lil Eliżabetta Marija ttiha l-ferħ ta’ Ġesù, il-ferħ li kellha f’qalbha u f’ġufha. Tmur għandha u tistqarr dak li qed tħoss, u din l-istqarrija mbagħad, saret talba, il-Magnificat, li lkoll kemm aħna nafuh. U t-test jgħid li Marija “qamet u telqet tħaffef” (v. 39).

Qamet u telqet.  F’dawn l-aħħar jiem tal-mixja tal-Avvent ejjew inħallu dawn iż-żewġ verbi jmexxuna. Inqumu u mmorru ngħaġġlu: huma ż-żewġ movimenti li għamlet Marija waqt li tistedinna biex nagħmlu bħalha issa li qed joqrob il-Milied. Qabel kollox, inqumu. Wara t-tħabbira tal-anġlu kien se jibda żmien diffiċli għall-Verġni Marija: bit-tqala mhux mistennija tagħha kienet se ssib li min ma jifhimhiex u tiftaħha wkoll għal kastigi ħorox, anki għat-tħaġġir, skont il-kultura ta’ dak iż-żmien. Nimmaġinaw kemm ħsibijiet u taħbil il-moħħ kellha! Madankollu ma taqtax qalbha, ma titgħakkisx, imma tqum. Ma ddawwarx ħarsitha ‘l isfel, lejn il-problemi, imma ‘l fuq, lejn Alla. U ma qagħditx taħseb kif se tfittex l-għajnuna imma lil min tista’ tagħti l-għajnuna. Dejjem taħseb fl-oħrajn: hekk hi Marija, taħseb dejjem fil-ħtiġijiet tal-oħrajn. L-istess tagħmel aktar tard, waqt it-Tieġ ta’ Kana, meta tintebaħ li naqashom l-inbid.  Kienet problema ta’ ħaddieħor, imma Hi taħseb f’dak li ġara u tipprova ssib soluzzjoni. Marija dejjem taħseb fl-oħrajn. Taħseb fina wkoll.

Ejjew nitgħallmu mill-Madonna u nagħmlu tagħna dan it-tip ta’ reazzjoni: inqumu, speċjalment meta d-diffikultajiet idaħħluna fir-riskju li nitgħattnu. Inqumu biex ma nibqgħux imwaħħlin mal-problemi, u negħrqu nitħassru lilna nfusna, inkella naqgħu fi swied il-qalb li jipparalizzana. Imma għalfejn inqumu? Għax Alla hu kbir u lest jerfagħna jekk innewlulu jdejna. Allura ejjew nitfgħu f’idejh il-ħsibijiet negattivi, il-biżgħat li jimblukkaw kull ħerqa u ma jħalluniex nibqgħu mexjin ‘il quddiem. U mbagħad nagħmlu bħal Marija: nagħtu ħarsa madwarna u nfittxu xi persuna li nkunu nistgħu ntuha l-għajnuna! Hemm xi anzjan li nafu u li nista’ ntih xi daqqa t’id, ftit kumpanija? Kulħadd jaħseb dwar dan. Jew nista’ nkun ta’ servizz lil xi persuna, inkun ġentili u nċemplilha? Imma lil min nista’ nagħti ftit għajnuna? Inqum u nagħti l-għajnuna. Meta ngħinu lil ħaddieħor inkunu qed ngħinu lilna nfusna, nintrefgħu mid-diffikultajiet tagħna.

It-tieni moviment hu nimxu b’pass mgħaġġel. Ma jfissirx li nimxu bl-ansjetà, b’nifisna maqtugħ, le, mhux dan ifisser. Ifisser li jiemna ngħadduhom b’pass hieni, inħarsu ‘l quddiem bil-fiduċja, bla ma nħallu s-sens li kollox nagħmlu fuq il-qalb ikaxkarna, ilsiera tat-tgemgim – dan it-tgemgim jirvina bosta ħajjiet, għax bniedem jibda jilmenta u jilmenta u ħajtu titgħarraq. It-tgemgim dejjem iġagħlek tfittex il-ħtija f’ħaddieħor. Hi u sejra lejn id-dar ta’ Eliżabetta, Marija timxi bil-pass ħafif ta’ min għandu qalbu mimlija b’Alla, mimlija bil-ferħ tiegħu. Allura, nistaqsu lilna nfusna, biex jisfagħlna ta’ ġid: kif inhu “l-pass” tiegħi? Jien propożittiv jew nitlajja fil-malinkonija, fis-swied il-qalb? Nimxi ‘l quddiem bit-tama jew wieqaf nibki xortija? Jekk nimxu bil-pass għajjien tat-tgemgim u t-tqassis lil ħadd ma nwasslulu lil Alla, inwasslu biss imrar, affarijiet koroh. Jagħmlilna tajjeb, minflok, li jkollna ftit umoriżmu san, kif kellhom, pereżempju, San Tumas More u San Filippu Neri. Nistgħu nitolbu wkoll dil-grazzja, il-grazzja tal-umoriżmu san: jagħmlilna tajjeb ħafna. Ma ninsewx li l-ewwel att ta’ karità li nistgħu nagħmlu lill-proxxmu hu li noffrulu wiċċ seren u mbissem. U nwasslulu l-ferħ ta’ Ġesù, kif għamlet Marija lil Eliżabetta.

Omm Alla tmexxina minn idejna, tgħinna biex inqumu u nħaffu l-pass lejn il-Milied!


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti, nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjonijiet tal-Filippini li ntlaqtu minn tifun qawwi li qered bosta djar. Jalla l-Bambin Ġesù (is-Santo Niño) jnissel il-faraġ u t-tama fil-familji li l-aktar jinsabu f’diffikultà; u lilna lkoll jispirana biex ngħinu b’mod konkret! L-ewwel għajnuna konkreta hi t-talb, u mbagħad l-għajnuniet l-oħra.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi. Insellem b’mod partikolari lill-komunità Peruvjana ta’ Ruma u l-grupp folkloristiku miġburin hawn fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ad unur ta’ Niño Jesús Andino ta’ Choqcca, post imnejn ġie l-presepju li għandna f’dil-pjazza. Grazzi! Insellem lill-Banda Mużikali minn Soriano al Cimino.  Nixtieq nismagħhom wara… [il-banda tibda iddoqq Happy Birthday]. Kemm idoqqu tajjeb dawn! Insellem lill-fidili minn Terni, lill-iScouts minn Marigliano u lill-adolexxenti minn Cingoli (Macerata).

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja t-tajba f’dawn l-aħħar jiem tal-Avvent li qed iħejjijna għat-twelid ta’ Ġesù. Jalla jkun għal kulħadd żmien ta’ stennija u kollaborazzjoni: tama, tama u talb, fil-kumpanija tal-Verġni Marija, mara tal-istennija. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci. U issa l-banda, ħalli jdoqqu xi ħaġa sabiħa!

Sors: laikos.org