Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jirrakkuntalna l-episodju tat-Tieġ ta’ Kana fejn Ġesù jibdel l-ilma f’inbid b’sodisfazzjon għall-għarajjes. U jintemm hekk: “Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11). Ninnutaw li l-evanġelista Ġwanni ma jitkellimx dwar ‘miraklu’, jew aħjar xi fatt ta’ setgħa kbira u straordinarja li jqanqal l-istagħġib. Jikteb li f’Kana kien hemm sinjal, li jixgħel il-fidi tad-dixxipli. Allura nistgħu nistaqsu: x’jista’ hu “s-sinjal” skont l-Evanġelju?

Sinjal hu sintomu li jirrivela l-imħabba t’Alla, li ma jiġbidx l-attenzjoni fuq il-qawwa tal-ġest, imma fuq l-imħabba li wasslet għalih. Jgħallimna xi ħaġa dwar l-imħabba t’Alla, li dejjem hu qrib, teneru u ħanin. L-ewwel sinjal iseħħ fil-ħin li żewġ għarajjes isibu ruħhom f’diffikultà fl-aktar jum importanti ta’ ħajjithom. Fl-isbaħ tal-festa jiġi nieqes element essenzjali, l-inbid, bir-riskju li l-ferħ jispiċċa jsir tmaqdir u n-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tal-mistednin. Naħsbu ftit kif festa ta’ tieġ tista’ ssir bl-ilma biss! Terribbli u l-għarajjes jaqtgħu figura ħażina!

Kienet il-Madonna li ndunat bil-problema, u bid-diskrezzjoni tiġbed l-attenzjoni ta’ Ġesù. U hu jidħol fl-azzjoni mingħajr storbju, kważi bla ħadd ma nduna. Kollox iseħħ fis-satra, “wara l-kwinti”: lill-qaddejja Ġesù jgħidilhom jimlew il-ġarar bl-ilma, li jsir inbid. Hekk jaħdem Alla, bil-qrubija, bid-diskrezzjoni. Id-dixxipli ta’ Ġesù dan jifhmu: jaraw li bis-saħħa tiegħu il-festa tat-tieġ saret isbaħ. U jaraw ukoll il-mod bif iġib ruħu Ġesù, il-mod kif jaqdi bil-moħbi – hekk hu magħmul Ġesù: jgħinna, iservina bil-moħbi, fil-ħin -, tant illi l-kumplimenti  dwar l-inbid tajjeb jingħataw lill-għarus, ħadd ma jinduna, ikunu jafuh biss il-qaddejja. B’hekk tibda tinbet fihom iż-żerriegħa tal-fidi, jiġifieri jibdew jemmnu li f’Ġesù hemm Alla preżenti, l-imħabba t’Alla.

Alla jrid dak li hu l-aħjar għalina, iridna hienja. Ma jagħmilx limiti u ma jitlobniex interessi. 

Sabiħ tifhem li l-ewwel sinjal li jagħmel Ġesù mhux xi fejqan straordinarju jew xi għaġeb fit-tempju ta’ Ġerusalemm, imma ġest li bih jersaq lejn ħtieġa sempliċi u konkreta ta’ bnedmin komuni, ġest domestiku, miraklu, biex ngħidu hekk, “moħbi”, diskret, mistur. Hu lest biex jgħinna, biex jerfagħna. Allura, jekk inkunu għajnejna miftuħin għal dawn is-“sinjali” nintrebħu minn din imħabbtu u nsiru dixxipli tiegħu.

Iżda hemm aspett ieħor li jiddistingwi s-sinjal f’Kana. Ġeneralment l-inbid li kien jingħata lejn l-aħħar tal-festa kien ikun anqas tajjeb; illum ukoll hekk isir, dak il-ħin, in-nies ma jirnexxilhomx jindunaw kif imiss jekk hux inbid tajjeb jew inbid xi ftit mgħammed. Imma Ġesù, jara li l-festa tintemm bl-aħjar inbid. B’mod simboliku dan jgħidilna li Alla jrid dak li hu l-aħjar għalina, iridna hienja. Ma jagħmilx limiti u ma jitlobniex interessi. Fis-sinjal ta’ Ġesù m’hemmx lok għal għanijiet ulterjuri, biex jippretendi xi ħaġa mingħand l-għarajjes. Le, il-ferħ li Ġesù jħalli fil-qalb hu ferħ sħiħ u diżinteressat. Mhux ferħ dgħajjef!

Allura se nissuġġerilkom eżerċizzju ta’ taħriġ li jista’ jkun ta’ fejda kbira. Illum, ejjew nippruvaw nagħrblu l-memorji tagħna biex infittxu xi sinjali li għamel miegħi il-Mulej tul ħajti. Kull wieħed u waħda ngħidu: f’ħajti liema sinjali għamel il-Mulej? Liema ħjiel tal-preżenza tiegħu? Sinjali li hu għamel biex jurina li jħobbna; niftakru f’dak il-mument diffiċli li fih il-Mulej ħallini nġarrab imħabbtu… U nistaqsu lilna nfusna: b’liema sinjali, diskreti u mimlijin attenzjoni, ġagħalni nħoss it-tenerezza tiegħu? Meta ħassejt lill-Mulej l-aktar qribi, meta ġarrabt it-tenerezza tiegħu, il-ħniena tiegħu? Kull wieħed u waħda minna fl-istorja tagħna għaddejna minn dawn il-mumenti. Immorru nfittxu dawn is-sinjali, niftakruhom. Kif skoprejt il-qrubija tiegħu miegħi? Kif baqa’ ġewwa qalbi dan il-ferħ kbir? Ejjew ngħixu mill-ġdid il-mumenti li fihom ġarrabna l-preżenza tiegħu flimkien mal-interċessjoni ta’ Marija. Hi, l-Omm, li bħal f’Kana dejjem attenta, tgħinna napprezzaw is-sinjali li jagħmel Alla fina tul il-ħajja.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-persuni li dawn l-aħħar ġimgħat intlaqtu mix-xita qawwija u mill-għarar, f’diversi reġjuni tal-Brażil. Nitlob b’mod partikolari għall-vittmi u għal qrabathom, u għal dawk li tilfu djarhom. Alla jkun ta’ sostenn għall-impenn ta’ kull min qed jagħti l-għajnuna.

Mit-18 sal-25 ta’ Jannar se ssir il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, li dis-sena qed timmira li tara lilha nfisha bħala mera tal-Maġi, li ġew mill-Orjent sa Betlehem biex jagħtu ġieħ lir-Re Messija. Aħna l-insara wkoll, bid-diversità tal-konfessjonijiet u t-tradizzjonijiet, aħna pellegrini f’mixja lejn l-għaqda sħiħa, u nersqu lejn l-għan aħħari aktar ma nżommu ħarsitna mwaħħla fuq Ġesù, Mulej waħdieni tagħna. Tul il-Ġimgħa ta’ Talb, noffru wkoll l-għejja u t-tbatijiet tagħna għall-għaqda fost l-Insara.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi.  Tislima speċjali lill-grupp Girasoli della Locride minn Locri, flimkien mal-qraba u l-animaturi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

Sors: laikos.org