Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Italja u f’nazzjonijiet oħra qed niċċelebraw is-solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, Corpus Domini.  Fit-tieni qari tal-liturġija tal-lum, San Pawl jerġa’ jkebbes il-fidi tagħna f’dal-misteru ta’ komunjoni (cfr i Kor 10,16-17).  Huwa jisħaq dwar żewġ effetti tal-kalċi li nixorbu u tal-ħobż li naqsmu: l-effett mistiku u l-effett komunitarju.

L-ewwel, l-Appostlu jafferma: “Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu?  U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?” (v. 16).  Dal-kliem jesprimi l-effett mistiku jew, nistgħu ngħidu, l-effett spiritwali tal-Ewkaristija: dan hu l-għaqda ma’ Kristu li fil-ħobż u l-inbid joffri ruħu għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.  Ġesù huwa preżenti fis-sagrament tal-Ewkaristija biex ikun il-manteniment tagħna, biex nitwaħħdu miegħu u fina jsir dik il-qawwa li ġġedded u li ttina mill-ġdid l-enerġija, issaħħaħ fina r-rieda li nerġgħu nibdew il-mixja wara kull waqfa jew wara kull waqgħa.   Imma jeħtieġ li dan aħna nkunu rriduh, inkunu disponibbli li nibdlu lilna nfusna, il-mod kif naħsbu u kif inġibu ruħna; inkella ċ-ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi li nieħdu sehem fihom jispiċċaw biex isru qieshom att soċjali, mimli rispett, imma soċjali.  Iżda l-misteru hu xi ħaġa oħra: huwa Ġesù preżenti li jiġi biex jitmagħna.

It-tieni effett hu dak komunitarju u San Pawl jesprimih b’dal-kliem: “La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed” (v.17).  Hija l-komunjoni reċiproka bejn dawk kollha li jieħdu sehem fl-Ewkaristija, sal-punt li kollha flimkien isiru ġisem wieħed, bħalma huwa wieħed il-ħobż li jinqasam u jitqassam.  Aħna komunità mitmugha bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu.  L-għaqda  mal-ġisem ta’ Kristu huwa sinjal effikaċi tal-għaqda, tal-komunjoni, ta’ dak li naqsmu bejnietna.  Ma nistgħux nieħdu sehem fl-Ewkaristija bla ma nimpenjaw ruħna fi fraternità bejnietna, li tkun sinċiera.  Imma l-Mulej jaf tajjeb li l-ħiliet umani tagħna mhumiex biżżejjed biex jaslu għal dan.  Anzi jaf li bejn id-dixxipli dejjem se jkun hemm it-tentazzjoni tal-pika, tal-għejra, tal-preġudizzju, tal-firda….  Ilkoll kemm aħna nafuhom dawn l-affarijiet.  Hu għalhekk ukoll li Hu ħallielna s-Sagrament tal-Preżenza reali, konkreta u dejjiema, sabiex hekk kif nibqgħu magħqudin miegħu inkunu nistgħu nirċievu dejjem id-don tal-imħabba fraterna.  “Ibqgħu fi mħabbti” (Ġw 15,9), qal Ġesù; u dan huwa possibbli bis-saħħa tal-Ewkaristija.  Nibqgħu fil-ħbiberija, fl-imħabba.  Dal-frott doppju tal-Ewkaristija: l-ewwel, l-għaqda ma’ Kristu u t-tieni, il-komunjoni bejn kull min jitmantna bih, inissel u jġedded bla heda l-komunità nisranija.  Hija l-Knisja li tagħmel l-Ewkaristija, imma hu aktar fundamentali li l-Ewkaristija tagħmel il-Knisja, u tippermettilha tkun il-missjoni tiegħu, qabel ma tasal għall-milja tagħha.  Dan hu l-misteru tal-komunjoni bl-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù biex jittrasformana minn ġewwa u nirċievu lil Ġesù biex bejnietna jkun hemm l-għaqda u mhux il-firda.

Il-Verġni Qaddisa tgħinna nilqgħu dejjem bi stgħaġib u gratitudni d-don kbir li tana Ġesù meta ħallielna s-Sagrament ta’ Ġismu u ta’ Demmu.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Qed insegwi b’inkwiet u b’niket kbir is-sitwazzjoni drammatika fil-Libja.  Ilha preżenti fit-talb tiegħi għal dawn l-aħħar jiem.  Jekk jogħġobkom, inħeġġeġ lill-organiżazzjonijiet internazzjonali u lil kull min għandu responsabbiltà politika u militari biex jergħhu jibdew ifittxu b’konvinzjoni u determinazzjoni t-triq li twassal biex tieqaf il-vjolenza, li twassal għall-paċi, għall-istabbiltà u l-għaqda fil-pajjiż.  Nitlob ukoll għall-eluf ta’ migranti, rifuġjati, dawk li jitolbu l-ażil u l-Libjani stess imxerrdin.  Is-sitwazzjoni sanitarja ħażżnet il-qagħda tagħhom, qagħda li diġà kienet imwiegħra u għamlithom aktar vulnerabbli għall-isfruttament u l-vjolenza.  Hemm il-krudeltà.  Nistieden lill-komunità internazzjonali, jekk jogħġobkom, biex tagħmlu tagħkom il-kundizzjoni li dawn jinsabu fiha, tfittxu toroq u tagħtu l-mezzi biex ikollhom il-protezzjoni li jeħtieġu, kundizzjoni dinjituża u futur ta’ tama.  Ħuti, aħna lkoll responsabbli ta’ dan, ħadd minna ma jista’ jqis li hu meħlus minn dan id-dmir.  Ni8tolbu lkoll fis-skiet għal-Libja.

Illum jaħbat il-Jum Dinji tal-Għoti tad-Demm.  Hija okkażjoni biex tistimula lis-soċjetà tkun solidali u sensibbli lejn min hu fil-bżonn.  Insellem lill-volontarji preżenti u nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn kull min jagħmel dan l-att sempliċi imma importanti ħafna biex jgħin lill-proxxmu: jagħti d-demm.

Insellem lilkom, fidili rumani u pellegrini.  Nawguralkom flimkien ma’ dawk magħqudin magħna permezz tal-medja, il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Maqlub għall-Malti minn Joe Huber