Għeżeież ħuti, il-jum it-tajjeb u s-sena t-tajba!

Il-bidu ta’ sena ġdida hu offrut lil Marija Santissma, li llum qed niċċelebrawha bħala Omm Alla. F’dal-ħin nitolbu bil-ħrara l-interċessjoni tagħha partikolarment għall-Papa Emeritu Benedittu XVI, li lbieraħ filgħodu ħalla din id-dinja. Ningħaqdu flimkien, b’qalb waħda u ruħ waħda, biex niżżu ħajr lil Alla għad-don ta’ dan il-qaddej fidil tal-Evanġelju u tal-Knisja.  Ftit ħin ilu fuq it-tv, fil-programm “A Sua immagine”, konna qed naraw l-attivitajiet kollha u l-ħajja tal-Papa Benedittu.

Filwaqt li għadna qed nikkontemplaw lil Marija fil-grotta fejn twieled Ġesù, nistgħu insaqsu lilna nfusna: b’liema lingwaġġ qed tkellimna l-Verġni Marija?  X’nistgħu nitgħallmu mingħandha għal dis-sena li qed tibda?  Nistgħu ngħidu: “Madonna, għallimna x’għandna nagħmlu matul dis-sena”.

Fis-sewwa, jekk nosservaw ix-xena li qed tippreżentalna l-Liturġija tal-lum,  ninnutaw li Marija ma titkellimx.  Hi tilqa’ bi stagħġib il-misteru li qed tgħix, iżżomm kollox f’qalbha u, fuq kollox, moħħha fil-Bambin, li – jgħid l-Evanġelju – “kien imqiegħed fil-maxtura” (Lq 2,16).  Dan il-verb “imqiegħed” ifisser li għamlet ġest ta’ ħlewwa, u jgħidilna li l-lingwaġġ propju ta’ Marija hu dak tal-maternità: li tieħu ħsieb tal-Bambin bit-tenerezza.  Dan hu l-kobor ta’ Marija: filwaqt li l-anġli jagħmlu festa, ir-rgħajja jmorru jgħaġlu u kulħadd qed ifaħħar lil Alla b’leħen għoli għall-ġrajja li seħħet, Marija tibqa’ fommha sieket, ma tilqax mistednin u toqgħod tispjegalhom x’ġara, ma tisraqx ix-xena – aħna nħobbu ħafna nisirqu x-xena! – bil-maqlub, tqiegħed fiċ-ċentru lit-Tarbija, tieħu ħsiebha bl-imħabba.  Waħda poetessa ktibet dan dwar Marija “kienet taf tkun fommha sieket solennement, (…) għax ma riditx taqla’ għajnejha minn fuq Alla tagħha” (A. Merini, Corpo d’amore.  Un incontro con Ġesù, Milan 2001, 114).  

Dan hu l-lingwaġġ tipiku tal-maternità: it-tenerezza, l-għożża.  Infatti, wara li jġorru f’ġufhom għal disa’ xhur id-don ta’ miraklu misterjuż, l-ommijiet ikomplu jagħtu attenzjoni f’kollox lil uliedhom: imantnuhom, iħaddnuhom f’dirgħajhom, imidduhom bil-ħlewwa fil-benniena.  Tieħu ħsieb b’għożża: dan huwa l-lingwaġġ ta’ Omm Alla wkoll; lingwaġġ ta’ Omm: tieħu ħsieb b’għożża.

Ħuti, bħall-ommijiet kollha, Marija ġġor f’ġufha l-ħajja u, hekk, tkellimna dwar il-ġejjieni tagħna. Imma fl-isess waqt tfakkarna li jekk verament irridu li s-sena l-ġdida tkun tajba, jekk irridu nibnu mill-ġdid it-tama, hemm bżonn nabbandunaw il-lingwaġġi, il-ġesti l-għażliet imnebbħin mill-egoiżmu, u nitgħallmu l-lingwaġġ tal-imħabba li jfisser nieħdu ħsieb bl-għożża.  L-għożża hi lingwaġġ ġdid li joħodha kontra l-lingwaġġi tal-egoiżmu.  Dan hu l-impenn: nieħdu ħsieb ħajjitna – kull wieħed u waħda minna jeħtieġ li nieħdu ħsieb ħajjitna; nieħdu ħsieb il-ħin tagħna, ruħna; nieħdu ħsieb il-maħluq u l-ambjent li ngħixu fih; u, aktar u aktar, nieħdu ħsieb il-proxxmu tagħna, dawk li l-Mulej qiegħed maġenbna, kif ukoll l-aħwa li jinsabu fil-bżonn u qed jitolbu minna attenzjoni u ħniena.  Aħna u nħarsu lejn il-Madonna bil-Bambin, waqt li qiegħda tieħu ħsiebu, nitgħallmu nieħdu ħsieb l-oħrajn, u nieħdu ħsieb tagħna nfusna wkoll, billi nindukraw is-saħħa interjuri tagħna, il-ħajja spiritwali, il-karità.

Aħna u niċċelebraw illum Il-Jum Dinji tal-Paċi, ejjew nerġgħu nsiru konxji mir-responsabbiltà li ġiet fdata f’idejna dwar il-ġejjieni: quddiem il-kriżijiet personali u soċjali li qed ngħixu fihom, quddiem it-traġedja tal-gwerra “għandna sejħa li nagħtu tweġiba għall-isfidi tad-dinja tagħna bir-responsabbiltà u l-kumpassjoni” (Messaġġ għall-LVI Jum Dinji tal-Paċi, 5).  U nistgħu nagħmlu dan jekk nieħdu ħsieb xulxin, u jekk, ilkoll flimkien, nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

Nitolbu bil-ħrara lil Marija Santissma, Omm Alla, sabiex f’din l-epoka mniġġsa min-nuqqas ta’ fiduċja u l-indifferenza, ttina l-ħila nħennu u l-għożża – ħila li jkollna ħniena u ngħożżu -, ħila li “nitqanqlu u nieqfu quddiem l-ieħor kull dabra li jkun meħtieġ” (Eż. App. IL-ferħ tal-Vanġelu, 169).

Sors: laikos.org