Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-Ħadd li għadda l-Liturġija semmgħetna l-Passjoni tal-Mulej. Din tagħlaq b’dawn il-kelmiet: “Marru jissiġillaw il-ġebla” (Mt 27:66): kollox jidher spiċċa. Għad-dixxipli ta’ Ġesù dik il-blata kbira timmarka t-tmiem tat-tama. L-Imgħallem ġie msallab, maqtul bl-aktar mod kiefer u umiljanti, imdendel ma’ patibolu infami ’l barra mill-belt: falliment pubbliku, l-agħar final possibbli – f’dak iż-żmien kien l-agħar wieħed. Issa, dik id-diqa li kienu magħfusin biha d-dixxipli mhix għalkollox barranija għalina llum. Anki fina jinġemgħu ħsibijiet mudlama u sentimenti ta’ frustrazzjoni: għaliex tant indifferenza lejn Alla? Kurjuża din: għaliex tant indifferenza lejn Alla? Għaliex tant ħażen fid-dinja? Imma araw ftit kif fid-dinja ħażen hawn! Għax in-nuqqas ta’ ugwaljanza qed ikompli jikber u l-paċi tant mixtieqa ma tasal qatt? Għaliex aħna tant marbutin mal-gwerra, mal-ħsara li nagħmlu lil xulxin? U fil-qlub ta’ kull wieħed u waħda, kemm tamiet għebu fix-xejn, kemm delużjonijiet! U mill-ġdid, dik is-sensazzjoni li ż-żminijiet tal-imgħoddi kienu aħjar u li fid-dinja, forsi wkoll fil-Knisja, l-affarijiet ma għadhomx kif kienu darba… F’kelma waħda, illum ukoll it-tama xi drabi tidher issiġillata taħt il-ġebla tal-qtigħ ta’ qalb. U nistieden lil kull wieħed u waħda minnkom jaħseb f’dan: fejn hi t-tama tiegħek? Int, għandek tama ħajja u jew issiġillajtha hemm, jew tfajtha f’kexxun bħala tifkira? Imma t-tama tiegħek qed twasslek biex timxi jew hi tifkira romatika bħallikieku kienet ħaġa li ma teżistix? Fejn qiegħda t-tama tiegħek, illum?

F’moħħ id-dixxipli baqgħet imsammra dik ix-xbieha: is-salib. U hemm spiċċa kollox. Fih kien hemm miġbur it-tmiem ta’ kollox. Imma minn hemm ftit wara, proprju fis-salib kellhom jiskopru bidu ġdid. Għeżież ħuti, it-tama ta’ Alla hekk twarrad, tinbet u terġa’ tinbet fil-ħniedaq suwed tat-tamiet mitlufa tagħna; u din, it-tama vera, ma tqarraq qatt bina. Ejjew naħsbu proprju fis-salib: mill-aktar strument terribbli ta’ tortura Alla kisbilna l-ikbar sinjal tal-imħabba. Dik l-għuda tal-mewt, li saret siġra tal-ħajja, tfakkarna li Alla spiss jibda mnejn nispiċċaw aħna. Hekk hu jħobb jagħmel l-għeġubijiet. Illum, allura, ejjew inħarsu lejn is-siġra tas-salib biex twarrad fina t-tama: dik il-virtù ta’ kuljum, dik il-virtù siekta, umli, imma dik il-virtù li żżommna fuq saqajna, li tgħinna nimxu ’l quddiem. Mingħajr tama ma nistgħux ngħixu. Ejjew naħsbu ftit: fejn qiegħda t-tama tiegħi? Illum, ejjew inħarsu lejn is-siġra tas-salib biex twarrad fina t-tama: biex infiqu min-niket – imma, kemm hawn nies imdejqin… Jiena, meta kont għadni niġri fit-toroq, issa m’għadnix nista’ għax ma jħallunix, imma meta kont għadni nista’ nimxi fit-toroq fid-Djoċesi l-oħra, kont nieħu pjaċir ninnota l-ħarsa fuq wiċċ in-nies. Kemm ħarsiet imnikkta! Nies imdejqa, persuni jitkellmu waħidhom, nies miexja biss bil-mowbajl f’widnejha, imma bla sliem, bla tama. U fejn tinsab it-tama tiegħek, illum? Għandna bżonn ftit tat-tama biex infiqu min-niket li bih aħna morda, biex infiqu mill-imrar li bih qed inniġġsu lill-Knisja u lid-dinja. Ħuti, ejjew inħarsu lejn il-Kurċifiss. U x’nilmħu? Nilmħu lil Ġesù għeri, Ġesù mneżża’, Ġesù midrub, Ġesù tturmentat. Hu t-tmiem ta’ kollox? Hemmhekk hemm it-tama tagħna.

Naraw mela kif f’dawn iż-żewġ aspetti t-tama, li donnha mietet, titwieled mill-ġdid. Qabelxejn, naraw lil Ġesù mneżża’: fil-fatt, “sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti” (v. 35). Alla mneżża’: hu li għandu kollox, jiċċaħħad minn kollox. Imma dik l-umiljazzjoni hi t-triq tal-fidwa. Alla b’dan il-mod jegħleb l-apparenzi kollha tagħna. Fil-fatt, aħna nsibuha bi tqila biex nitneżżgħu, biex ngħixu l-verità: dejjem infittxu kif ħa ngħattu l-verità għax ma togħġobniex; nilbsu affarijiet esterjuri li nfittxuhom u nieħdu ħsiebhom, maskri biex ninħbew taħthom u nidhru aħjar milli aħna. Hija xi ftit jew wisq id-drawwa tal-irtokk: l-irtokk minn ġewwa, li nidhru aħjar mill-oħrajn… Naħsbu li l-importanti hu li naqtgħu figura tajba, kif nidhru, hekk li l-oħrajn jistgħu jitkellmu tajjeb fuqna. U nimtlew bl-apparenzi, inżejnu l-apparenza, ħwejjeġ tal-qoxra; imma hekk mhux ħa nsibu l-paċi fina. Imbagħad l-irtokk imur u int tħares fil-mera bil-wiċċ ikrah li għandek, imma dak veru, dak li Alla jħobb, mhux dak “irtukkjat”. U Ġesù mneżża’ minn kollox ifakkarna li t-tama titwieled mill-ġdid billi ngħixu l-verità tagħna nfusna – ngħidu l-verità lilna nfusna – inħallu jaqgħu l-uċuħ b’oħra, neħilsu mill-konvivenza paċifika mal-falzitajiet tagħna. Xi drabi, aħna tant drajna nqarrqu bina nfusna li nispiċċaw ngħixu mal-falzitajiet bħallikieku kienu verità u nispiċċaw avvelenati mill-istess qerq tagħna. Hemm bżonn li nerġgħu lura għall-qalba, għall-essenzjal, għal ħajja sempliċi, imneżżgħa minn tant ħwejjeġ bla siwi, li jieħdu post it-tama. Illum, meta kollox hu kkumplikat u qed nirriskjaw li nitilfu d-direzzjoni, għandna bżonn tas-sempliċità, li niskopru mill-ġdid il-valur tas-sobrjetà, il-valur taċ-ċaħda, innaddfu minn dak li jniġġes il-qalb u jagħmilna mdejqa. Kull wieħed u waħda minna jista’ jaħseb f’xi ħaġa bla siwi li jista’ jeħles minnha biex jerġa’ jsib lilu nnifsu. Aħseb ftit, kemm ħwejjeġ bla siwi. Hawn, ħmistax ilu, f’Santa Marta, fejn ngħix jien – li hi lukanda għal ħafna nies – ġriet il-kelma li għal din il-Ġimgħa Mqaddsa kieku sewwa naraw il-gwardarobba u nneżżgħu, inneħħu dawk l-affarijiet li għandna, li qatt ma nużaw… ma tistgħux timmaġinaw kemm affarijiet ħarġu! Tajjeb li ninżgħu minn dak li ma għandniex bżonn. U dawn marru għand il-foqra, għand min kellu bżonn. Anki aħna, għandna tant ħwejjeġ bla siwi fil-qalb tagħna – u anki barra. Intom araw il-gwardarobba tagħkom: arawha. Din għandi bżonnha, din le… u agħmlu tindifa. Araw il-gwardarobba tar-ruħ: kemm ħwejjeġ bla siwi għandek, kemm illużjonijiet stupidi. Nerġgħu lura għas-sempliċità, għall-ħwejjeġ veri, li ma għandhom bżonn ta’ ebda rtokk. Dan ikun eżerċizzju tajjeb!

Nagħtu t-tieni ħarsa lejn il-Kurċifiss u naraw lil Ġesù midrub. Is-salib juri l-imsiemer li jinfdu jdejh u riġlejh, il-kustat miftuħ. Imma mal-ġrieħi tal-ġisem jiżdiedu dawk tar-ruħ: imma kemm tbatija! Ġesù jinsab waħdu: ittradut, mogħti u miċħud minn ħbiebu, anki mid-dixxipli tiegħu, ikkundannat mill-poter reliġjuż u ċivili, skomunikat, Ġesù jġarrab saħansitra l-abbandun ta’ Alla (ara v. 46). Fuq is-salib tidher ukoll ir-raġuni tal-kundanna, “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud” (v. 37). Iridu jgħadduh biż-żmien: hu, li kien ħarbilhom meta riedu jagħmluh sultan (ara Ġw 6:15), jiġi kkundannat għax għamel lilu nnifsu sultan; imqar jekk ma wettaq ebda reat, jitqiegħed fin-nofs bejn żewġ kriminali u n-nies tippreferi lil Barabba minnu (ara Mt 27:15-21). F’kelma waħda, Ġesù hu midrub fil-ġisem u fir-ruħ. U jien nistaqsi: b’liema mod dan jista’ jgħinna nittamaw? Hekk, Ġesù għeri, nieqes minn kollox, minn kollox: dan x’jgħid dwar it-tama tiegħi, kif se jgħinni?

Aħna wkoll midruba: min mhuwiex fil-ħajja? U ħafna drabi, bi ġrieħi moħbija li naħbuhom għax iġagħluna niregħxu. Min ma jġorrx fuqu l-marki ta’ għażliet passati, tad-drabi meta ma fehmuhx, ta’ mrar li jibqa’ magħluq ġo fih u jsibha bi tqila jegħleb? Imma anki ta’ deni li ġarrab, ta’ kliem li jaqta’, ta’ ġudizzji bla ħniena? Alla ma jaħbix minn quddiem għajnejna l-ġrieħi li nifdu l-ġisem u r-ruħ tiegħu. Jurihom biex jurina li fl-Għid nistgħu niftħu triq ġdida: nagħmlu mill-ġrieħi tagħna toqob tad-dawl. “Imma, Santità, tesaġerax”, forsi nsib min jgħidli. Le, hu minnu dan: ipprova; ipprova. Ipprova agħmel dan. Aħseb fil-ġrieħi tiegħek, dawk li inti biss tafhom, li kull wieħed u waħda għandu moħbija f’qalbu. U ħares lejn il-Mulej. U tara, tara kif minn dawk il-ġrieħi joħorġu toqob tad-dawl. Ġesù minn fuq is-salib ma jakkużax, imma jħobb. Iħobb u jaħfer lil min iferih (ara Lq 23:34). Hekk jibdel il-ħażen fit-tajjeb, hekk jibdel it-tbatija fi mħabba.

Ħuti, il-punt mhuwiex kemm ġejna midruba mill-ħajja, il-punt hu x’se nagħmel bil-ġrieħi tiegħi. Dawk żgħar ħafna, il-kbar, dawk li jħallu marka f’ġismi, f’ruħi għal dejjem. X’se nagħmel jien, bil-ġrieħi tiegħi? X’se tagħmel int u int bil-ġrieħi tiegħek? “Le, Dun, jien m’għandix, ġrieħi” – “Attent, aħsibha darbtejn qabel ma tgħid hekk”. U nistaqsik: x’qed tagħmel bil-ġrieħi tiegħek, dawk li tafhom inti biss? Int tista’ tħallihom idennu fil-korla, fid-diqa, jew tista’ tgħaqqadhom ma’ dawk ta’ Ġesù, biex anki l-pjagi tiegħek isiru dawl. Aħsbu ftit f’kemm żgħażagħ ma jittollerawx il-ġrieħi tagħhom u jfittxu triq ta’ salvazzjoni fis-suwiċidju: illum, fil-bliet tagħna, tant, tant żgħażagħ li mhumiex jaraw triq oħra, li ma għandhomx tama u jippreferu jmorru għad-droga, biex jinsew… imsejkna. Aħsbu f’dawn. U int, liema hi d-droga tiegħek, biex tgħatti l-ġrieħi li għandek? Il-ġrieħi tagħna jistgħu jsiru għejun ta’ tama meta, flok noqogħdu nibku lilna nfusna jew naħbuhom, nixxuttaw id-dmugħ tal-oħrajn; meta, flok inbejtu fina rabja għal dak li tteħdilna, nieħdu ħsieb ta’ dak li jonqoshom l-oħrajn; meta, flok noqogħdu nduru żugraga fuqna nfusna, nitbaxxew qrib ta’ min qed ibati; meta, flok inkunu għatxana għall-imħabba lejna nfusna, intaffu l-għatx ta’ min għandu bżonna. Għax aħna nistgħu nsibu lilna nfusna biss jekk nieqfu naħsbu fina nfusna. Imma jekk inkomplu naħsbu fina nfusna, ma nsibu qatt lilna nfusna. U jekk nagħmlu hekk – tgħid l-Iskrittura – ma ddumx ma tagħlqilna l-ġerħa tagħna (ara Iż 58:8), u terġa’ twarrad it-tama. Aħsbu ftit: x’nista’ nagħmel għall-oħrajn? Jiena midrub, jiena midrub mid-dnub, midrub mill-istorja, kull wieħed u waħda għandu l-istorja personali tiegħu. X’ħa nagħmel: noqgħod nilgħaq il-ġrieħi hekk, ħajti kollha? Jew inħares lejn il-ġrieħi tal-oħrajn u bl-esperjenza midruba tal-ħajja tiegħi mmur infejjaq, ngħin lill-oħrajn? Din hi l-isfida tal-lum, għalikom kollha, għal kull wieħed u waħda minnkom, għal kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej jgħinna nibqgħu mexjin.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard