Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 10. Ġob. Il-prova tal-fidi, il-barka tal-istennija

Is-silta mill-Bibbja li għadna kemm smajna tagħlaq il-Ktieb ta’ Ġob, wieħed mill-klassiċi tal-letteratura universali. Aħna niltaqgħu ma’ Ġob fil-mixja tagħna tal-katekeżi fuq ix-xjuħija: niltaqgħu miegħu bħala xhud tal-fidi li ma taċċettax “karikatura” ta’ Alla, imma qed tipprotesta quddiem il-ħażen, sa ma Alla jwieġeb u juri wiċċu. U fl-aħħar Alla jwieġeb, bħal dejjem b’mod sorprendenti: juri lil Ġob il-glorja tiegħu imma mingħajr ma jgħaffġu, anzi, bi ħlewwa sovrana, kif jaf jagħmel Alla, dejjem, bi ħlewwa. Hemm bżonn naqraw tajjeb il-paġni ta’ dan il-ktieb, mingħajr preġudizzji, mingħajr cliché, biex nifhmu l-qawwa tal-karba ta’ Ġob. Nagħmlu sew noqogħdu fl-iskola tiegħu, biex negħlbu t-tentazzjoni tal-moraliżmu quddiem id-dwejjaq u l-avviliment għan-niket li tilef kollox.

F’din is-silta konklużiva tal-ktieb – aħna niftakruha l-istorja, Ġob li tilef kollox f’ħajtu, tilef il-ġid, tilef il-familja, tilef lil ibnu u tilef anki s-saħħa u baqa’ hemm, midrub, fi djalogu ma’ tlitt iħbieb, imbagħad ir-raba’ wieħed, li marru jsellmulu: din hi l-istorja – u f’din is-silta tal-lum, is-silta tal-għeluq tal-ktieb, meta Alla fl-aħħar jiftaħ fommu (u dan id-djalogu ta’ Ġob ma’ sħabu qisu bħal triq li twassal għall-ħin li fih Alla jitkellem) Ġob jiġi mfaħħar għax hu fehem il-misteru tal-ħlewwa ta’ Alla moħbija wara s-skiet tiegħu. Alla jċanfar lil sħab Ġob li ħasbu li jafu kollox, jafu lil Alla u t-tbatija, u ġew biex ifarrġu lil Ġob imma spiċċaw biex iġġudikawh bl-iskemi tagħhom li fasslu minn qabel. Ħa jħarisna Alla minn dan il-pjetiżmu ipokrita u prużuntuż! Ħa jħarisna Alla minn dik ir-reliġjożità moralistika u dik ir-reliġjożità ta’ preċetti li tagħtina ċerta preżjunzjoni u twassal għall-Fariżejiżmu u għall-ipokrezija.

Ara kif jesprimi ruħu l-Mulej fil-konfront tagħhom. Hekk jgħid il-Mulej: “Jiena inkurlat għalik[om] […] għax intom ma għedtux is-sewwa fuqi bħalma għamel il-qaddej tiegħi Ġob. […]”: dan hu li jgħid il-Mulej lil sħab Ġob: “Ġob, il-qaddej tiegħi, jitlob għalikom u jiena minħabba fih ma nikkastigakomx għall-bluha li wrejtu meta ma tkellimtux is-sewwa fuqi bħal Ġob il-qaddej tiegħi” (42:7-8). Id-dikjarazzjoni ta’ Alla tissorprendina, għax qrajniehom il-paġni bil-protesta rrabjata ta’ Ġob, li ħallewna mifxula. Imma – jgħid il-Mulej – Ġob tkellem tajjeb, anki meta kien irrabjat u rrabjat kontra Alla, imma tkellem tajjeb, għax hu rrifjuta li jaċċetta li Alla hu “Persekutur”, Alla hu ħaġa oħra. U bi premju Alla jrodd lil Ġob id-doppju tal-ġid kollu tiegħu, wara li talbu biex jitlob għal dawn il-ħbieb ħżiena tiegħu.

Il-punt ta’ żvolta tal-konverżjoni tal-fidi jseħħ proprju fil-quċċata tal-iżvog ta’ Ġob, hemm fejn hu jgħid: “Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj u fl-aħħar fuq it-trab iqum, u wara li jintemm ġildi, għoddni bla laħam, nara ’l Alla. Lilu narah b’ħabib tiegħi, Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani!” (19:25-27). Din is-silta hi sabiħa ħafna. Jiġini f’moħħi t-tmiem ta’ dak l-oratorju ġenjali ta’ Handel, il-Messiah, meta wara dik il-festa tal-Hallelujah is-sopran tkanta bil-mod dan il-passaġġ: “Jiena naf li l-Feddej tiegħi ħaj”, bis-sliem. U hekk, wara din il-biċċa kollha ta’ tbatija u ta’ ferħ ta’ Ġob, leħen il-Mulej hu differenti. “Jiena naf li l-Feddej tiegħi ħaj”: hi ħaġa sabiħa wisq. Nistgħu ninterpretawha hekk: “Alla tiegħi, jiena naf li int m’intix il-Persekutur. Alla tiegħi ġej u se jagħmilli ġustizzja”. Hija l-fidi sempliċi fil-qawmien ta’ Alla, il-fidi sempliċi f’Ġesù Kristu, il-fidi sempliċi li l-Mulej dejjem insibuh jistenniena u għad jiġi.

It-talb hekk għandu jkun, spontanju, bħal dak ta’ iben ma’ missieru, li jgħidlu kulma jiġih f’ħalqu għax jaf li l-missier jifhmu

Il-parabbola tal-ktieb ta’ Ġob tirrappreżenta b’mod drammatiku u eżemplari dak li fil-ħajja jseħħ realment. Jiġifieri li fuq persuna, fuq familja jew fuq poplu jaħbtu provi tqal wisq, provi sproporzjonati għaċ-ċokon u d-dgħufija umana. Fil-ħajja spiss, kif jingħad, “il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien”. U xi persuni jispiċċaw mgħaffġa taħt wisq ħażen li jiġi tassew eċċessiv u inġust. U ħafna nies jiġrilhom hekk.

Kollha ltqajna ma’ nies hekk. Impressjonatna l-karba tagħhom, imma spiss bqajna wkoll milquta bl-ammirazzjoni quddiem il-fidi soda tagħhom u l-imħabba tagħhom fis-skiet. Qed jiġuni f’moħħi l-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltajiet serji jew min jgħix f’mard permanenti jew il-familjari li jkunu qribhom… Sitwazzjonijiet li spiss isiru iżjed serji minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi ekonomiċi. F’ċerti ċirkustanzi tal-istorja, dawn l-akkumulazzjonijiet ta’ piżijiet jidhru qishom xi appuntament kollettiv. Dan hu li ġara f’dawn is-snin bil-pandemija tal-Covid-19 u qed jiġri bħalissa bil-gwerra fl-Ukrajna.

Nistgħu niġġustifikaw dawn l-“eċċessi” bħala razzjonalità superjuri għan-natura u għall-istorja? Nistgħu nberkuhom reliġjożament bħala tweġiba ġustifikata għall-ħtijiet tal-vittmi, li kien jixirqilhom li jiġrilhom hekk? Le, ma nistgħux. Teżisti għamla ta’ dritt tal-vittma għall-protesta, fil-konfront tal-misteru tal-ħażen, dritt li Alla jagħti lil kulħadd, anzi, li hu stess huwa dak li jnebbħu. Xi drabi nsib min jiġi għandi u jgħidli: “Imma, Dun, jiena pprotestajt kontra Alla għax għandi din il-problema, dik l-oħra…”. Imma int taf, għażiż, li l-protesta hija mod ta’ talb, meta tagħmel hekk. Meta t-trabi, it-tfal jipprotestaw kontra l-ġenituri, dan ikun mod kif jiġbdu l-attenzjoni u jitolbu min jieħu ħsiebhom. Jekk int għandek f’qalbek xi pjaga, xi tbatija, u trid tipprotesta, ipprotesta wkoll kontra Alla, Alla qed jisimgħek, Alla hu Missier, Alla ma jibżax mit-talb tagħna ta’ protesta, le! Alla jifhem. Imma int ħossok liberu, ħossok libera fit-talba tiegħek, la tjassarx it-talba tiegħek bl-iskemi prekunċettwali! It-talb hekk għandu jkun, spontanju, bħal dak ta’ iben ma’ missieru, li jgħidlu kulma jiġih f’ħalqu għax jaf li l-missier jifhmu. Is-“skiet” ta’ Alla, fl-ewwel mument tat-traġedja, hekk ifisser. Alla ma jevitax il-konfront, imma fil-bidu jħalli lil Ġob jipprotesta u jiżvoga, u Alla jisma’. Forsi, xi drabi, hemm bżonn nitgħallmu minn Alla dan ir-rispett u din il-ħlewwa. U lil Alla ma togħġbux din l-enċiklopedija – ħa nsejħulha hekk – ta’ spjegazzjonijiet, ta’ riflessjoni li jagħmlu l-ħbieb ta’ Ġob. Dak hu biss paroli fuq l-ilsien, u mhux sew: hija dik ir-reliġjożità li trid tfisser kollox, imma l-qalb tibqa’ bierda. Alla dan ma jogħġbux. Iktar togħġbu l-protesta ta’ Ġob jew is-skiet ta’ Ġob.

L-istqarrija ta’ fidi ta’ Ġob – li toħroġ proprju mit-talba bla waqfien tiegħu lil Alla, l-appell għal ġustizzja ogħla – tasal sal-aħħar bl-esperjenza kważi mistika, ngħid jien, li ġġagħlu jgħid: “Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek” (42:5). Kemm nies, kemm minna wara esperjenza xi ftit kerha, xi ftit mudlama, jagħmlu pass u jsiru jafu lil Alla aħjar minn qabel! U nistgħu ngħidu, bħal Ġob: “Jiena kont nafek minn dak li smajt, imma issa rajtek b’għajnejja, għax iltqajt miegħek”. Din ix-xhieda hi partikularment kredibbli jekk ix-xjuħija tagħmilha tagħha, fid-dgħufija u t-telfa progressiva tagħha. Ix-xjuħ raw wisq minn dan fil-ħajja! U raw ukoll l-inkonsistenza tal-wegħdiet tal-bnedmin. Bnedmin tal-liġi, nies ta’ xjenza, saħansitra nies tar-reliġjon, li jħawdu l-persekutur mal-vittma, u jgħabbu lil din tal-aħħar bir-responsabbiltà sħiħa tat-tbatija tagħhom. Jiżbaljaw!

Ix-xjuħ li jsibu t-triq ta’ din ix-xhieda, li tibdel ir-rabja għat-telfa fil-perseveranza tal-istennija għall-wegħda ta’ Alla – hemm bidla, mir-rabja għat-telfa lejn perseveranza biex wieħed jilqa’ l-wegħda ta’ Alla – dawn ix-xjuħ huma armata insostitwibbli għall-komunità biex taffronta l-eċċess tal-ħażen. Il-ħarsa ta’ min jemmen li ddur lejn il-Kurċifiss titgħallem proprju dan. Ħa nitgħallmuh aħna wkoll, minn tant nanniet, minn tant anzjani li, bħal Marija, jgħaqqdu t-talba tagħhom, li xi drabi hi waħda ta’ qlub imċarrta, ma’ dik tal-Iben ta’ Alla li fuq is-salib jintelaq f’idejn il-Missier. Inħarsu lejn l-anzjani, inħarsu lejn ix-xjuħ, ix-xjuħ nett; inħarsu lejhom bi mħabba, inħarsu lejn l-esperjenza personali tagħhom. Huma batew ħafna fil-ħajja, tgħallmu ħafna fil-ħajja, għaddew minn ħafna, imma fl-aħħar ikollhom din il-paċi, paċi – ngħid jien – kważi mistika, jiġifieri l-paċi tal-laqgħa ma’ Alla, tant li jistgħu jgħidu: “Jien qabel kont nafek minn dak li smajt fuqek, imma issa rawk għajnejja”. Dawn ix-xjuħ jixbhu dik il-paċi tal-Iben ta’ Alla fuq is-salib li jintelaq f’idejn il-Missier.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard