Katekeżi. Il-Vjaġġ Appostoliku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fis-Sudan ta’ Isfel

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-ġimgħa li għaddiet żort żewġ pajjiżi Afrikani: ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan ta’ Isfel. Nirringrazzja lil Alla li tani li nagħmel dan il-vjaġġ, li ilu tant mixtieq. Żewġ “ħolmiet”: li nżur il-poplu tal-Kongo, ħarries ta’ pajjiż immens, pulmun aħdar tal-Afrika: flimkien mal-Amażonja, huma ż-żewġ pulmuni tad-dinja. Art għanja b’riżorsi u mċappsa bid-demm ta’ gwerra li ma tista’ tispiċċa qatt għax dejjem hemm min qed irewwaħ in-nar. U li nżur il-poplu tas-Sudan ta’ Isfel, f’pellegrinaġġ ta’ paċi flimkien mal-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby u l-Moderatrur ġenerali tal-Knisja tal-Iskozja, Iain Greenshields: flimkien morna biex nagħtu xhieda li hu possibbli u dmirna nikkollaboraw fid-diversità, speċjalment jekk għandna l-istess fidi f’Ġesù Kristu. 

L-ewwel tlitt ijiem kienu f’Kinshasa, kapitali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Nixtieq inġedded il-gratitudni tiegħi lejn il-President u l-Awtoritajiet l-oħra tal-pajjiż għall-merħba li tawni. Dritt wara l-wasla tiegħi, fil-Palazz Presidenzjali, indirizzajt il-messaġġ lin-Nazzjon: il-Kongo hu bħal djamant, minħabba n-natura tiegħu, minħabba r-riżorsi tiegħu, fuq kollox minħabba n-nies tiegħu; imma dan id-djamant sar motiv ta’ tilwim, ta’ vjolenzi, u paradossalment ta’ tfaqqir tal-poplu. Hija dinamika li narawha wkoll f’reġjuni Afrikani oħra, u li b’mod ġenerali tgħodd għal dak il-kontinent: kontinent ikkolonizzat, sfruttat, misruq. Quddiem dan kollu lissint żewġ kelmiet: l-ewwel waħda hi negattiva: “daqshekk!”, daqshekk sfruttament tal-Afrika! Għidtha drabi oħra li fl-inkonxju kollettiv hemm li “l-Afrika qiegħda biex nisfruttawha”: daqshekk minn dan! Dan li għidt. It-tieni hi pożittiva: flimkien, flimkien b’dinjità, ilkoll flimkien, b’rispett reċiproku, flimkien f’isem Kristu, it-tama tagħna, nimxu ’l quddiem flimkien. Mhux nisfruttaw, imma nimxu ’l quddiem flimkien.

U f’isem Kristu nġbarna għaċ-Ċelebrazzjoni kbira Ewkaristika.

Dejjem f’Kinshasa, imbagħad inżammu d-diversi laqgħat: dik mal-vittmi tal-vjolenza fil-punent tal-pajjiż, ir-reġjun li ilu snin mifni mill-gwerra bejn gruppi armati mmanuvrati minn interessi ekonomiċi u politiċi. Ma stajtx immur Goma. In-nies tgħix fil-biża’ u fl-inċertezza, issagrifikata fuq l-altar tal-affarijiet illeċiti. Smajt ix-xhieda qawwija ta’ xi vittmi, speċjalment nisa, li qiegħdu f’riġlejn is-salib armi u strumenti oħra ta’ mewt. Magħhom għidt “le” għall-vjolenza, “le” għar-rassenjazzjoni, “iva” għar-rikonċiljazzjoni u għat-tama. Batew ħafna u għadhom qed ibatu.

Imbagħad iltqajt mar-rappreżentanti ta’ diversi opri ta’ karità preżenti fil-pajjiż, biex nirringrazzjahom u nagħmlilhom kuraġġ. Ix-xogħol tagħhom mal-foqra u għall-foqra ma jagħmilx storbju, imma jum wara l-ieħor ikabbar il-ġid komuni. U fuq kollox bil-promozzjoni: l-inizjattivi ta’ karità għandhom ikunu dejjem fl-ewwel post, għall-promozzjoni, mhux biss għall-għajnuna imma għall-promozzjoni. Għajnuna iva, imma promozzjoni.

Mument entużjażmanti kien dak maż-żgħażagħ u l-katekisti tal-Kongo fl-istadju. Kienet bħal immersjoni fil-preżent ipproġettata lejn il-futur. Ejjew naħsbu fil-qawwa ta’ tiġdid li tista’ ġġib din il-ġenerazzjoni ġdida ta’ Nsara, iffurmati u animati mill-ferħ tal-Vanġelu! Lilhom, liż-żgħażagħ, urejthom ħames toroq: it-talb, il-komunità, l-onestà, il-maħfra u l-qadi. Liż-żgħażagħ tal-Kongo għidtilhom: it-triq tagħkom hija din: talb, ħajja komunitarja, onestà, maħfra u qadi. Il-Mulej jisma’ l-karba tagħhom għall-paċi u l-ġustizzja.

Il-Kongo hu bħal djamant, minħabba n-natura tiegħu, minħabba r-riżorsi tiegħu, fuq kollox minħabba n-nies tiegħu; imma dan id-djamant sar motiv ta’ tilwim, ta’ vjolenzi, u paradossalment ta’ tfaqqir tal-poplu

Imbagħad, fil-Katidral ta’ Kinshasa ltqajt mas-saċerdoti, id-djakni, l-ikkonsagrati u s-seminaristi. Huma ħafna u huma żgħażagħ, għax il-vokazzjonijiet huma ħafna: hi grazzja ta’ Alla. Ħeġġiġthom biex ikunu qaddejja tal-poplu bħala xhieda tal-imħabba ta’ Kristu, waqt li jegħlbu t-tentazzjonijiet: il-medjokrità spiritwali, il-kumdità mondana u s-superfiċjalità. Li huma tentazzjonijiet – ngħid jien – universali, għas-seminaristi u għall-qassisin. Daż-żgur, il-medjokrità spiritwali, meta qassis jaqa’ fil-medjokrità, hi kerha; il-kumdità mondana, jiġifieri l-mondanità, li hi waħda mill-agħar xejriet ta’ ħażen li jista’ jiġrilha l-Knisja; u s-superfiċjalità. Fl-aħħar nett, mal-Isqfijiet tal-Kongo qsamt il-ferħ u t-taħbit tas-servizz pastorali. Stedinthom iħallu tfarraġhom il-qrubija ta’ Alla u jkunu profeti għall-poplu, bil-qawwa tal-Kelma ta’ Alla, ikunu sinjali ta’ kif huwa l-Mulej, tal-atteġġjament li għandu l-Mulej magħna: il-kompassjoni, il-qrubija u l-ħlewwa. Huma tliet modi ta’ kif il-Mulej jimxi magħna: jersaq qrib tagħna – il-qrubija – bil-kompassjoni u bil-ħlewwa. Dan hu li tlabt lill-qassisin u lill-isqfijiet.

Imbagħad, it-tieni parti tal-Vjaġġ għamiltha f’Giuba, kapitali tas-Sudan ta’ Isfel, Stat li twieled fl-2011. Din iż-żjara kellha fiżjonomija partikulari għall-aħħar, espressa mill-motto li jerġa’ jaqbad il-kliem ta’ Ġesù: “Nitlob li jkunu lkoll ħaġa waħda” (ara Ġw 17:21). Fil-fatt dan kien pellegrinaġġ ekumeniku tal-paċi, li għamiltu flimkien mal-Kapijiet ta’ żewġ Knejjes storikament preżenti f’dik l-art: il-Komunjoni Anglikana u l-Knisja tal-Iskozja. Kien il-punt tal-wasla ta’ mixja li bdejna xi snin ilu, li ratna miġburin f’Ruma fl-2019, flimkien mal-Awtoritajiet tas-Sudan ta’ Isfel, biex ħadna l-impenn li negħlbu l-kunflitt u nibnu l-paċi. Fl-2019 sar irtir spiritwali hawn, fil-Kurja, ta’ jumejn, ma’ dawn il-politiċi kollha, ma’ dawn in-nies kollha li kienu qed jaspiraw għal xi pożizzjonijiet, xi wħud għedewwa bejniethom, imma kienu kollha għall-irtir. U dan tana qawwa biex nibqgħu mexjin ’il quddiem. B’xorti ħażina l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni ma tantx avvanza, u l-pajjiż ġdid tas-Sudan ta’ Isfel hu vittma tal-loġika qadima tal-poter, tar-rivalità, li tipproduċi gwerra, vjolenzi, rifuġjati u nies li fil-pajjiż stess jisfaw bla saqaf fuq rashom. Nirringrazzja ħafna lis-Sur President għall-akkoljenza li tana u għal kif qed ifittex li jmexxi f’din it-triq xejn faċli, biex jgħid “le” għall-korruzzjoni u għat-traffikar tal-armi u “iva” għal-laqgħa u għad-djalogu. U din ħaġa tal-mistħija: tant pajjiżi hekk imsejħa ċivilizzati joffru għajnuna lis-Sudan ta’ Isfel, u l-għajnuna tikkonsisti f’armi, armi, armi biex irewħu l-gwerra. Din ħaġa tal-mistħija. U iva, nimxu ’l quddiem billi ngħidu “le” għall-korruzzjoni u għat-traffikar tal-armi u “iva” għal-laqgħa u għad-djalogu. Hekk biss jista’ jkun hemm żvilupp, in-nies tkun tista’ taħdem fis-sliem, u l-morda jkollhom kura, it-tfal imorru l-iskola.

Il-karattru ekumeniku taż-żjara fis-Sudan ta’ Isfel deher b’mod partikulari fil-mument ta’ talb iċċelebrat flimkien mal-aħwa Anglikani u dawk tal-Knisja tal-Iskozja. Flimkien smajna l-Kelma ta’ Alla, flimkien ressaqnielu talb ta’ tifħir, ta’ supplika u ta’ interċessjoni. F’realtà ta’ tilwim kbir bħal dik tas-Sudan ta’ Isfel, dan is-sinjal hu fundamentali, u ma għandniex neħduh bħala ovvju, għax b’xorti ħażina hemm min qed jabbuża mill-isem ta’ Alla biex jiġġustifika vjolenzi u abbużi ta’ poter u tirannija.

Ħuti, is-Sudan ta’ Isfel hu pajjiż ta’ xi 11-il miljun ruħ – żgħir ħafna! –, li minnhom, minħabba l-ġlied bl-armi, żewġ miljuni spiċċaw bla dar u daqshekk ieħor ħarbu lejn pajjiżi li jmissu miegħu. Għalhekk jiena ridt niltaqa’ ma’ grupp kbir ta’ rifuġjati interni, nismagħhom u nurihom li l-Knisja hi qrib tagħhom. Fil-fatt, il-Knejjes u l-organizzazzjonijiet ta’ ispirazzjoni Nisranija ssibhom fuq quddiem nett ma’ dawn in-nies imsejkna, li ilhom snin jgħixu fil-kampijiet għar-rifuġjati. B’mod partikulari indirizzajt lin-nisa – hemm nisa kuraġġjużi hemm –, li huma l-qawwa li tista’ tibdel il-pajjiż; u ħeġġiġt lil kulħadd biex ikun żerriegħa ta’ Sudan ta’ Isfel ġdid, bla vjolenza, irrikonċiljat u fil-paċi.

Imbagħad, fil-laqgħa mar-Ragħajja u l-ikkonsagrati ta’ dik il-Knisja lokali, ħarisna lejn Mosè bħala mudell ta’ doċilità għal Alla u ta’ perseveranza fl-interċessjoni.

U fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, l-aħħar tappa taż-żjara fis-Sudan ta’ Isfel u anki fil-vjaġġ kollu, sirt eku tal-Vanġelu billi ħeġġiġt lill-Insara jkunu “melħ u dawl” f’dik l-art tant imġarrba. Alla jqiegħed it-tama tiegħu mhux fil-kbar u s-setgħana, imma fiċ-ċkejknin u fl-umli. U dan hu l-mod kif jaġixxi Alla.

Nirringrazzja lill-awtoritajiet tas-Sudan ta’ Isfel, lis-Sur President, l-organizzaturi tal-vjaġġi u dawk kollha li poġġew l-enerġija tagħhom, il-ħidma tagħhom biex iż-żjara setgħet tmur tajjeb. Grazzi lil ħuti, Justin Welby u Iain Greenshields, li akkumpanjawni f’dan il-vjaġġ ekumeniku.

Nitolbu biex, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fis-Sudan ta’ Isfel, u fl-Afrika kollha, twarrad iż-żerriegħa tas-Saltna tiegħu ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ sliem.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard