Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq ninżel fil-fond tal-figura ta’ San Ġużepp bħala missier fil-ħlewwa.

Fl-Ittra appostolika Patris corde (8 ta’ Diċembru 2021) irriflettejt magħkom fuq dan l-aspett tal-ħlewwa, aspett ieħor tal-personalità ta’ San Ġużepp. Fil-fatt, imqar jekk il-Vanġeli ma jagħtuniex dettalji fuq kif hu ħaddem il-paternità tiegħu, nistgħu nibqgħu żguri li l-fatt li kien raġel “ġust” nistgħu nittraduċuh ukoll fl-edukazzjoni li hu ta lil Ġesù. “Ġużeppi ra jikber lil Ġesù jum wara jum ‘fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin’ (Lq 2:52). Kif għamel il-Mulej ma’ Iżrael, hekk hu ‘għallmu jimxi, refgħu fuq dirgħajh: kien għalih bħal missier li jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha jmil jitmagħha’ (ara Hos 11:3-4)” (Patris corde, 2). Kemm hi sabiħa din id-definizzjoni tal-Bibbja li turi x’rabta għandu Alla mal-poplu ta’ Iżrael. U l-istess relazzjoni naħsbu li kellu San Ġużepp ma’ Ġesù.

Il-Vanġeli jistqarru li Ġesù uża dejjem il-kelma “missier” biex jitkellem dwar Alla u dwar imħabbtu. Ħafna parabboli għandhom bħala protagonista l-figura ta’ missier.[i] Fost l-iżjed famużi żgur li hemm dik tal-Missier ħanin, li jirrakkontalna l-evanġelista Luqa (ara Lq 15:11-32). Proprju din il-parabbola, barra fuq l-esperjenza tad-dnub u tal-maħfra, tisħaq anki fuq il-mod li bih il-maħfra tasal għand il-persuna li żbaljat. It-test jgħid hekk: “Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (v. 20). It-tifel kien qed jistenna kastig, ġustizzja li l-iktar l-iktar setgħet tagħtih il-post ta’ wieħed mill-qaddejja, imma sab ruħu mdawwar mit-tgħanniqa tal-missier. Il-ħlewwa hi xi ħaġa ikbar mil-loġika tad-dinja. Huwa mod mhux mistenni kif issir ġustizzja. Dan hu għaliex ma għandna qatt ninsew li lil Alla ma jbeżżgħuhx id-dnubiet tagħna: ejjew indaħħluha sew ġo moħħna din. Alla ma jibżax mid-dnubiet tagħna, huwa ikbar mid-dnubiet tagħna: hu missier, hu mħabba, hu ħlewwa. Ma jbeżżgħuhx id-dnubiet tagħna, l-iżbalji tagħna, il-waqgħat tagħna, imma li jbeżżgħu hu l-għeluq tal-qalb tagħna – dan iva, iġagħlu jbati – ibeżżgħu n-nuqqas ta’ fidi tagħna fi mħabbtu. Hemm ħlewwa kbira fl-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla. U kemm hi ħaġa sabiħa meta naħsbu li l-ewwel li dewwaq lil Ġesù din ir-realtà kien sewwasew Ġużeppi. Fil-fatt il-ħwejjeġ ta’ Alla jaslulna dejjem permezz tal-medjazzjoni tal-esperjenzi umani. Żmen ilu – dan ma nafx hux diġà rrakkuntajtu xi darba – grupp ta’ żgħażagħ tat-teatru, grupp ta’ żgħażagħ pop, moderni, laqtithom din il-parabbola tal-missier ħanin u ddeċidew li jagħmlu opra ta’ teatru pop b’dan l-argument, b’din l-istorja. U ħadmuh tajjeb. U l-argument kollu hu, fl-aħħar mill-aħħar, li ħabib jisma’ lit-tifel li kien tbiegħed minn missieru, li ried jerġa’ lura d-dar imma kien qed jibża’ li missieru jkeċċih u jikkastigah. U l-ħabib jgħidlu, f’dik l-opra pop: “Ibgħat messaġġier u għidlu li trid terġa’ lura d-dar, u jekk il-missier lest jilqgħek, ħa jdendel maktur mat-tieqa, dik li inti tara malli tibda miexi ’l hemm”. U hekk sar. U l-opra, b’ħafna kant u żfin, tkompli sal-mument li l-iben jidħol fl-aħħar triq u jilmaħ id-dar. U meta jgħolli rasu, jilmaħ id-dar mimlija mkatar bojod: mimlija. Mhux wieħed, imma tlieta, erbgħa ma’ kull tieqa. Hekk hi l-ħniena ta’ Alla. Ma jibżax mill-passat tagħna, mill-ħwejjeġ koroh li għamilna: jibża’ biss mill-għeluq. Ilkoll għandna kontijiet xi nħallsu; imma li tagħmel il-kontijiet ma’ Alla hi ħaġa sabiħa ħafna, għax aħna nibdew nitkellmu u hu jaqbad jgħannaqna. Il-ħlewwa!

Ejjew naħsbu f’ħutna fil-ħabs, u naħsbu fil-ħlewwa ta’ Alla għalihom u nitolbu għalihom, biex f’dik it-tieqa ta’ tama jsibu triq li toħroġhom u twassalhom għal ħajja aħjar.

Allura nistgħu nistaqsu jekk aħna stess għamilniex esperjenza ta’ din il-ħlewwa, u jekk aħna min-naħa tagħna sirniex xhieda tagħha. Fil-fatt il-ħlewwa mhijiex qabelxejn kwistjoni ta’ emozzjoni jew sentiment: hija l-esperjenza li nħossuna maħbuba u milqugħa proprju fil-faqar tagħna u fil-miżerja tagħna, u allura mibdulin mill-imħabba ta’ Alla.

Alla ma jafdax biss fuq it-talenti tagħna, imma wkoll fuq id-dgħufija mifdija tagħna. Dan hu, ngħidu aħna, li jgħid lil San Pawl, li hemm proġett anki fuq id-dgħufija tiegħu. Fil-fatt hekk jikteb lill-komunità ta’ Korintu: “U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni […]. Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: ‘Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef’” (2 Kor 12:7-9). Il-Mulej ma jeħdilniex id-dgħufijiet kollha, imma jgħinna nimxu bid-dgħufijiet tagħna, billi jaqbdilna jdejna. Jaqbad minn idejhom id-dgħufijiet tagħna u joqgħod qrib tagħna. U din hija l-ħlewwa. L-esperjenza tal-ħlewwa tikkonsisti f’li naraw il-qawwa ta’ Alla għaddejja proprju minn dak li jagħmilna l-iżjed dgħajfa; imma bil-patt li nduru lura mill-ħarsa tal-Ħażin li “jġagħalna nħarsu b’ġudizzju negattiv lejn id-dgħufija tagħna”, waqt li l-Ispirtu s-Santu “jixħet dawl ħelu fuqha” (Patris corde, 2). “Hija l-ħlewwa l-aħjar mod kif immissu dak li hu dgħajjef fina”. Araw kif l-infermiera jmissu l-feriti tal-morda: bil-ħlewwa, biex ma jweġġgħuhomx. U hekk il-Mulej imiss il-ġrieħi tagħna, b’dik l-istess ħlewwa. “Għalhekk hu importanti li niltaqgħu mal-Ħniena ta’ Alla, speċjalment fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni”, fit-talb personali ma’ Alla, “u hekk nagħmlu esperjenza tal-verità u l-ħlewwa. Paradossalment anki l-Ħażin jista’ jgħidilna l-verità”: hu l-giddieb, imma jara kif jgħidilna l-verità biex iwassalna għall-gidba, “imma, jekk jagħmel hekk, dan jagħmlu biex jikkundannana”. Imma l-Mulej jgħidilna l-Verità u jaqbdilna jdejna biex isalvana. “Imma aħna nafu li l-Verità li tiġi minn Alla ma tikkundannaniex, imma tilqagħna, tgħannaqna, tweżinna, taħfrilna” (Patris corde, 2). Alla dejjem jaħfer: daħħluha ġo raskom u ġo qalbkom din. Alla jaħfer dejjem. Aħna li negħjew nitolbuh maħfra. Imma hu dejjem jaħfer, anki l-iktar ħwejjeġ koroh.

Nagħmlu sew mela nħarsu fil-mera tal-paternità ta’ Ġużeppi li hija mera tal-paternità ta’ Alla, u nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex inħallu lill-Mulej iħobbna bil-ħlewwa tiegħu, jibdel lil kull wieħed u waħda minna fi bnedmin li kapaċi nħobbu hekk. Mingħajr din ir-“rivoluzzjoni tal-ħlewwa” – kemm għandna bżonnha din ir-rivoluzzjoni tal-ħlewwa! – nirriskjaw li nibqgħu fil-ħabs ta’ ġustizzja li ma jħalliniex inqumu malajr u li jifxel il-fidwa mal-kastig. Għalhekk, illum nixtieq niftakar b’mod partikulari f’ħutna li jinsabu fil-ħabs. Ġustament min żbalja għandu jħallas għall-iżball tiegħu, imma daqshekk ieħor hu ġust li min żbalja jista’ jinħeles mill-iżball tiegħu. Ma jistax ikun hemm kundanni mingħajr twieqi ta’ tama. Kull kundanna dejjem għandha tieqa ta’ tama. Ejjew naħsbu f’ħutna fil-ħabs, u naħsbu fil-ħlewwa ta’ Alla għalihom u nitolbu għalihom, biex f’dik it-tieqa ta’ tama jsibu triq li toħroġhom u twassalhom għal ħajja aħjar.

U nagħlqu b’din it-talba:

San Ġużepp, missier fil-ħlewwa,
għallimna naċċettaw li aħna maħbuba proprju f’dak li hu l-iżjed dgħajjef fina.
Agħmel li ma npoġġu ebda impediment
bejn il-faqar tagħna u l-kobor tal-imħabba ta’ Alla.
Qanqal fina x-xewqa li nersqu għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni,
biex niġu maħfura u mogħnija bil-ħila li nħobbu bil-ħlewwa
lil ħutna fil-faqar tagħhom.
Kun qrib ta’ dawk li żbaljaw u għalhekk qed iħallsu l-prezz;
għinhom biex, flimkien mal-ġustizzja, isibu wkoll il-ħlewwa biex jistgħu jerġgħu jibdew.
U għallimhom li l-ewwel mod kif jerġgħu jibdew
hu li b’sinċerità jitolbu maħfra, biex iħossu fuqhom iż-żegħila tal-Missier.


[i] Ara Mt 15:13; 21:28-30; 22:2; Lq 15:11-32; Ġw 5:19-23; 6:32-40; 14:2; 15:1,8.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard