Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq nieqaf fuq it-talb li nistgħu nagħmlu b’silta mill-Bibbja. Il-kelmiet tal-Iskrittura Mqaddsa ma ġewx miktuba biex jibqgħu msakkra fuq il-papir, fuq l-iskroll jew fuq il-karta, imma biex jiġu milqugħa minn persuna li titlob, biex tħallihom jagħmlu l-frott f’qalbha. Il-kelma ta’ Alla tinżel fil-qalb. Il-Katekiżmu jistqarr: “It-talb għandu jsieħeb lill-qari tal-Iskrittura – il-Bibbja ma nistgħux naqrawha qisha kienet xi rumanz – biex ikun hemm djalogu bejn Alla u l-bniedem” (n. 2653). Għal dan iwasslek it-talb, għax huwa djalogu ma’ Alla. Dak il-vers qasir tal-Bibbja nkiteb anki għalija, sekli fuq sekli ilu, biex iwassalli kelma ta’ Alla. Inkiteb għal kull wieħed u waħda minna. Din l-esperjenza sseħħ fil-ħajja ta’ dawk kollha li jemmnu: silta mill-Iskrittura, li nkunu ġa smajnieha tant drabi, jum wieħed ħabta u sabta tibda tkellimni u ddawwal sitwazzjoni li qed ngħix. Imma hemm bżonn li jien, dakinhar, inkun hemm, għall-appuntament ma’ dik il-Kelma, inkun hemn, nisma’ l-Kelma. Ta’ kuljum Alla jgħaddi u jixħet żerriegħa fl-art ta’ ħajjitna. Ma nafux jekk illum hix se ssib ħamrija niexfa, xewk, inkella art tajba, li tkabbar dik iż-żerriegħa (ara Mk 4:3-9). Jiddependi minna, mit-talb tagħna, mill-qalb miftuħa li biha nersqu lejn l-Iskrittura biex issir għalina Kelma ħajja ta’ Alla. Alla jgħaddi, kontinwament, permezz tal-Iskrittura. U nerġa’ naqbad dak li għidt il-ġimgħa l-oħra, li qal Santu Wistin: “Nibża’ mill-Mulej għaddej”. Biża’ minn xiex? Li jien ma nagħtix widen għalih, li ma nintebaħx li hu l-Mulej.

Permezz tat-talb isseħħ bħal inkarnazzjoni ġdida tal-Verb. U aħna t-“tabernakli” fejn il-kelmiet ta’ Alla jiġu milqugħa u mħarsa, biex jistgħu jżuru d-dinja. Għalhekk hemm bżonn naqbdu l-Bibbja f’idejna mingħajr skopijiet oħra, mingħajr ma ninqdew biha għall-iskopijiet tagħna. Minn jemmen ma jfittixx fl-Iskrittura Mqaddsa l-appoġġ għall-viżjoni filosofika jew morali tiegħu, imma jagħmel dan għax jittama f’laqgħa; jaf li hi, dawk il-kelmiet, inkitbu fl-Ispirtu s-Santu, u li għalhekk f’dak l-istess Spirtu jridu jiġu milqugħa, mifhuma, biex il-laqgħa sseħħ.

Niddejjaq xi ftit meta nisma’ Nsara jirreċtaw versi mill-Bibbja bħal pappagalli. “Oh, iva, il-Mulej jgħid…, irid hekk…”. Imma int iltqajt mal-Mulej, b’dak il-vers? Mhijiex biss problema tal-memorja: hija problema tal-memorja tal-qalb, dik li tiftħek għal-laqgħa tiegħek mal-Mulej. U dik il-kelma, dak il-vers, iwasslek għal-laqgħa mal-Mulej.

Għalhekk, aħna naqraw l-Iskrittura biex hi “taqra lilna”. U hija grazzja li nistgħu nagħrfu lilna nfusna f’dan jew dak il-persunaġġ, f’din jew dik is-sitwazzjoni. Il-Bibbja mhijiex miktuba għal umanità ġenerika, imma għalina, għalija, għalik, għal bnedmin tad-demm u l-laħam li għandhom isem u kunjom, bħali, bħalek. U l-Kelma ta’ Alla, imxappa fl-Ispirtu s-Santu, meta tiġi milqugħa b’qalb miftuħa, l-affarijiet ma tħallihomx kif kienu qabel, qatt, imma tibdel xi ħaġa. U din hija l-grazzja u l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla.

It-tradizzjoni Nisranija hi għanja b’esperjenzi u b’riflessjonijiet fuq it-talb bl-Iskrittura Mqaddsa. B’mod partikulari, issaħħaħ il-metodu tal-“lectio divina”, li nibet f’ambjent monastiku, imma llum hu pprattikat anki mill-Insara li jiffrekwentaw il-parroċċi. Dan isir qabelxejn billi wieħed jaqra s-silta mill-Bibbja b’attenzjoni, iżjed minn hekk, ngħid, b’“ubbidjenza” għat-test, biex jifhem dak li jfisser fih innifsu. Imbagħad jidħol fi djalogu mal-Iskrittura, biex dawk il-kelmiet isiru motiv ta’ meditazzjoni u ta’ talb: dejjem b’fedeltà għat-test, nibda nistaqsi lili nnifsi dan lili “x’qed jgħidli”. Hu passaġġ delikat dan: ma rridux niżolqu f’interpretazzjonijiet suġġettivistiċi, imma għandna nidħlu fis-saff ħaj tat-Tradizzjoni, li jgħaqqad lil kull wieħed u waħda minna mal-Iskrittura Mqaddsa. U l-aħħar pass tal-lectio divina hija l-kontemplazzjoni. Hawn il-kelmiet u l-ħsibijiet jagħmlu wisa’ għall-imħabba, bħal bejn in-namrati li għalihom xi drabi biżżejjed iħarsu lejn xulxin fis-skiet. It-test bibliku jibqa’, imma bħala mera, bħala ikona biex tiġi kkontemplata. U hekk ikun hemm id-djalogu.

Permezz tat-talb, il-Kelma ta’ Alla tiġi tgħammar fina u aħna ngħammru fiha. Il-Kelma tnebbaħ xewqat tajbin u twieżen l-għemil; tqawwina, tagħtina serenità, u anki meta ddaħħalna fi kriżi, timliena bis-sliem. Fil-jiem “mgħawġa” u ta’ konfużjoni, tiżgura f’qalbna l-fiduċja u l-imħabba li jħarsuha mill-attakki tal-ħażin.

Hekk il-Kelma ta’ Alla titlaħħam – ippermettuli nuża din l-espressjoni: titlaħħam – f’dawk li jilqgħuha fit-talb. F’xi test antik twarrad l-intuwizzjoni li l-Insara tant jidentifikaw ruħhom mal-Kelma li, imqar li kellhom jaħarqu l-Bibbji kollha tad-dinja, xorta wieħed ikun jista’ jsalva l-“forma” grazzi għall-marka li tkun ħalliet fil-ħajja tal-qaddisin. Kemm hi espressjoni sabiħa din.

Il-ħajja Nisranija hija opra, fl-istess waqt, ta’ ubbidjenza u ta’ kreattività. Nisrani tajjeb għandu jkun ubbidjenti, imma għandu jkun kreattiv. Ubbidjenti, għax jisma’ l-Kelma ta’ Alla; kreattiv, għax għandu l-Ispirtu s-Santu ġewwa fih li jġagħlu jipprattikaha, jgħixha. Ġesù dan jgħidu fi tmiem diskors li għamel bil-parabboli, b’dan il-paragun: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu – il-qalb –, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim” (Mt 13:52). L-Iskrittura Mqaddsa hija ħażna, teżor bla qies. Il-Mulej jagħtina, lilna lkoll, li nersqu dejjem iżjed lejha permezz tat-talb. Grazzi.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard