Katekeżi fuq ix-Xjuħija – 17. Ix-“Xiħ fil-għomor”. Ix-xjuħija tiżgurana dwar id-destinazzjoni għall-ħajja li ma tmut qatt

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-kelmiet tal-ħolma ta’ Danjel, li għadna kemm smajna, jevokaw viżjoni ta’ Alla misterjuża u fl-istess waqt splendenti. Jerġa’ jaqbadha l-ftuħ tal-ktieb tal-Apokalissi biex jirriferi għal Kristu Rxoxt, li jidher lil Ġwanni bħala l-Messija, Saċerdot u Sultan, etern, jaf kollox u ma jinbidilx (1:12-15). Hu jqiegħed idu fuq spallet Ġwanni u jiżgurah: “Tibżax; jien hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem” (vv. 17-18). Hekk jiġġarraf l-aħħar ħajt tal-biża’ u tal-mistħija li t-teofanija minn dejjem ġabet magħha: il-Ħaj jiżgurana, jagħtina ċertezza. Huwa wkoll għadda mill-mewt, imma issa jinsab fil-post iddestinat għalih: dak tal-Ewwel u l-Aħħar.

F’din in-nisġa ta’ simboli – hawn għandna ħafna simboli – hemm aspett li forsi jista’ jgħinna nifhmu aħjar ir-rabta ta’ din it-teofanija, din id-dehra ta’ Alla, maċ-ċiklu tal-ħajja, iż-żmien tal-istorja, il-ħakma ta’ Alla fuq id-dinja maħluqa minnu. U dan l-aspett proprju għandu x’jaqsam max-xjuħija. Kif għandu x’jaqsam? Ħa naraw.

Il-viżjoni tikkomunika impressjoni ta’ qawwa u saħħa, ta’ kobor, ta’ ġmiel u ta’ seħer. L-ilbies, l-għajnejn, il-leħen, ir-riġlejn, kollox hu ta’ ġmiel tal-għaġeb f’dik il-viżjoni: għax din hi viżjoni! Imma mbagħad xuxtu hi bajda: bħas-suf, bħas-silġ. Bħax-xagħar ta’ wieħed xwejjaħ. It-terminu bibliku l-iżjed imxerred biex jindika xi ħadd anzjan hu “zaqen”: minn “zaqan”, li tfisser “daqna”. Ix-xagħar abjad huwa s-simbolu antik ta’ żmien twil ħafna, ta’ passat li ħadd ma jiftakar, ta’ eżistenza eterna. Mat-tfal ma għandniex għalfejn niddemitoloġizzaw kollox: ix-xbieha ta’ Alla xwejjaħ b’xagħru abjad mhijiex simbolu bla sens, hi xbieha biblika, hi xbieha għanja u anki xbieha ħelwa. Il-Figura li fl-Apokalissi tinsab bejn il-kandelabri tad-deheb hi bħal dik tax-“Xiħ fil-għomor” fil-profezija ta’ Danjel. Hu xiħ bħall-umanità kollha, imma anki iżjed. Hu antik u ġdid bħall-eternità ta’ Alla. Għax l-eternità ta’ Alla hija hekk, antika u ġdida, għax Alla dejjem jissorprendina bil-ġdid tiegħu, dejjem jiġi jiltaqa’ magħna, ta’ kuljum b’manjiera speċjali, għal dak il-mument, għalina. Dejjem jiġġedded: Alla hu etern, hu minn dejjem, nistgħu ngħidu li hemm bħal xjuħija f’Alla, mhux hekk, imma hu etern, jiġġedded.

Fil-Knejjes tal-Lvant, il-Festa tal-Laqgħa mal-Mulej, li tiġi ċċelebrata fit-2 ta’ Frar, hija waħda mill-ikbar tnax-il festa tas-sena liturġika. Hi tagħti importanza lil-laqgħa ta’ Ġesù max-xwejjaħ Xmun fit-Tempju, hi tagħti importanza lil-laqgħa bejn l-umanità, irrappreżentata mix-xwejħa Xmun u Anna, u Kristu l-Mulej ċkejken, l-Iben etern ta’ Alla magħmul bniedem. Ikona sabiħa ħafna tagħha nistgħu nammirawha f’Ruma fil-mużajċi ta’ Santa Maria in Trastevere.

Il-liturġija Biżantina titlob flimkien ma’ Xmun: “Dan hu Dak li wildet il-Verġni: huwa l-Verb, Alla minn Alla, Dak li għalina ħa l-ġisem u salva lill-bniedem”. U tkompli: “Jinfetħu llum il-bibien tas-Sema: il-Verb etern tal-Missier, li daħal fiż-żmien, mingħajr ma ħareġ mid-divinità tiegħu, minn jeddu resaq fit-tempju tal-Liġi tal-Omm Verġni u x-xwejjaħ laqgħu f’dirgħajh”. Dawn il-kelmiet jesprimu l-istqarrija tal-fidi tal-ewwel erba’ Konċilji ekumeniċi, li huma għeżież għall-Knejjes kollha. Imma l-ġest ta’ Xmun hu wkoll l-isbaħ ikona għall-vokazzjoni speċjali tax-xjuħija: fi Xmun nilmħu l-isbaħ ikona tax-xjuħija: jippreżenta t-trabi li jiġu fid-dinja bħala don bla waqfien ta’ Alla, għax jaf li wieħed minnhom huwa l-Iben imnissel fl-istess intimità ta’ Alla, qabel kull żmien.

Hu ta’ swied il-qalb – u ta’ ħsara – tara li l-etajiet tal-ħajja qed jitqiesu bħala dinjiet separati, f’kompetizzjoni bejniethom, li jfittxu li jgħixu kull wieħed spejjeż tal-ieħor: dan mhuwiex sew

Ix-xjuħija, miexja lejn dinja fejn tista’ saflaħħar tilma mingħajr xkiel l-imħabba li Alla qiegħed fil-Ħolqien, trid twettaq dan il-ġest ta’ Xmun u ta’ Anna, qabel it-tluq tagħha minn hawn. Ix-xjuħija għandha tagħti xhieda­ – għalija din hi l-qalba ta’ kollox, l-iżjed ħaġa ċentrali tax-xjuħija – ix-xjuħija għandha tagħti xhieda lit-tfal tal-barka tagħhom: din tikkonsisti fl-inizjazzjoni tagħhom – sabiħa u tqila – għall-misteru ta’ destinazzjoni għall-ħajja li ħadd ma jista’ jeqred. Lanqas il-mewt. Meta tagħti xhieda ta’ fidi quddiem tifel jew tifla tkun qed tiżra’ din il-ħajja; dik li jagħtu wkoll xhieda ta’ umanità u ta’ fidi hija l-vokazzjoni tal-anzjani. Jagħtu lit-tfal ir-realtà li huma għexu bħala xhieda, jagħtu xhieda. Aħna x-xjuħ għal dan imsejħin, biex nagħtu x-xhieda, biex huma jistgħu jkomplu jmexxuha ’l quddiem.

Ix-xhieda tal-anzjani hi kredibbli għat-tfal: iż-żgħażagħ u l-adulti mhumiex kapaċi jagħmluha daqshekk awtentika, hekk ħelwa, hekk tqanqal il-qalb, daqskemm jistgħu jagħmluha l-anzjani, in-nanniet. Meta l-anzjan ibierek il-ħajja tiegħu, u jkeċċi kull rabja għall-ħajja li qed taħrablu minn taħt idejh, isir irreżistibbli. Ma jimliex qalbu bl-imrar għax iż-żmien għaddej u hu wasal biex jitlaq: le. Hu b’dak il-ferħ tal-inbid it-tajjeb, tal-inbid li sar bnin bis-snin. Ix-xhieda tal-anzjani tgħaqqad l-etajiet tal-ħajja u l-istess dimensjonijiet taż-żmien: passat, preżent u futur, għax huma mhumiex biss il-memorja, huma l-preżent u anki l-wegħda. Hu ta’ swied il-qalb – u ta’ ħsara – tara li l-etajiet tal-ħajja qed jitqiesu bħala dinjiet separati, f’kompetizzjoni bejniethom, li jfittxu li jgħixu kull wieħed spejjeż tal-ieħor: dan mhuwiex sew. L-umanità hi antika, antika ħafna, jekk inħarsu lejn iż-żmien tal-arloġġ. Imma l-Iben ta’ Alla, li twieled minn mara, huwa l-Bidu u t-Tmiem ta’ kull żmien. Dan ifisser li ħadd ma jaqa’ barra min-nisel etern tiegħu, barra mill-qawwa tal-għaġeb tiegħu, barra mill-qrubija kollha mħabba tiegħu.

Il-patt – u ngħid pattil-patt ta’ bejn ix-xjuħ u t-tfal isalva l-familja umana. Fejn it-tfal, fejn iż-żgħażagħ jitkellmu max-xjuħ, hemm futur; jekk ma jkunx hemm dan id-djalogu bejn xjuħ u żgħażagħ, il-futur ma narawhx ċar. Il-patt tax-xjuħ u tat-tfal isalva l-familja umana. Nitlobkom, nistgħu rroddu lura lit-tfal, li jridu jitgħallmu jitwieldu, ix-xhieda ħelwa ta’ anzjani li għandhom l-għerf ta’ kif imutu? Din l-umanità, li bil-progress kollu tagħha tidhrilna qisha xi adolexxent li twieled ilbieraħ, jista’ jerġa’ jkollha l-grazzja ta’ xjuħija li żżomm sħiħ ix-xefaq tad-destinazzjoni tagħna? Il-mewt ċertament hi passaġġ diffiċli tal-ħajja, għalina kollha: hi passaġġ diffiċli. Ilkoll jeħtieġ ngħaddu minn hemm, imma mhuwiex faċli. Imma l-mewt hi wkoll il-passaġġ li jagħlaq iż-żmien tal-inċertezza u jarmi l-arloġġ: diffiċli, għax dak hu l-passaġġ tal-mewt. Għax is-sabiħ tal-ħajja, li ma għadx għandha iżjed skadenza, jibda proprju hemm. Imma jibda mill-għerf ta’ dak ir-raġel u ta’ dik il-mara, anzjani, li kapaċi jagħtu x-xhieda tagħhom liż-żgħażagħ. Naħsbu fid-djalogu, fil-patt tax-xjuħ u tat-tfal, tax-xjuħ maż-żgħażagħ, u nagħmlu mezz li din ir-rabta ma tinqatax. Ħa jkollhom ix-xjuħ il-ferħ li jitkellmu, li jesprimu ruħhom maż-żgħażagħ, u ħa jfittxu ż-żgħażagħ lix-xjuħ biex jirċievu minnhom l-għerf tal-ħajja.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard