Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’din is-serje ta’ katekeżi noqogħdu fl-iskola ta’ xi qaddisin irġiel u nisa li, bħala xhieda eżemplari, jgħallmuna ż-żelu appostoliku. Niftakru li qed nitkellmu fuq iż-żelu appostoliku, dak li għandu jkollna aħna biex inxandru l-Vanġelu.

Eżempju kbir ta’ qaddis b’passjoni għall-evanġelizzazzjoni llum immorru nsibuh f’art imbiegħda ħafna, jew aħjar, fil-Knisja Koreana. Ejjew inħarsu lejn il-martri u l-ewwel saċerdot Korean Sant’Andrija Kim Tae-gon. Imma l-evanġelizzazzjoni tal-Korea saret mil-lajċi. Kienu l-lajċi mgħammdin li għaddew il-fidi, ma kienx hemm saċerdoti, għax ma kellhomx: dawn ġew iktar tard, u għalhekk l-ewwel evanġelizzazzjoni għamluha l-lajċi. Aħna kapaċi nagħmlu ħwejjeġ bħal dawn? Ejjew naħsbu ftit: din hi ħaġa interessanti. U dan hu wieħed mill-ewwel saċerdoti, Sant’Andrija. Ħajtu kienet u tibqa’ xhieda elokwenti ta’ żelu għax-xandir tal-Vanġelu.

Xi 200 sena ilu, l-art Koreana kienet teatru ta’ persekuzzjoni severa ħafna: l-Insara kienu ppersegwitati u mqaċċta min-nofs. Li temmen f’Ġesù Kristu, fil-Korea ta’ dak iż-żmien, kien ifisser tkun lest li tagħti xhieda sal-mewt. B’mod partikulari, l-eżempju ta’ Sant’Andrija Kim nistgħu nsibuh f’żewġ aspetti konkreti ta’ ħajtu.

L-ewwel huwa l-mod li kellu juża biex jiltaqa’ mal-fidili. Minħabba l-kuntest ta’ intimidazzjoni qawwija, il-qaddis kellu jfittex li jkun qrib tal-Insara fil-moħbi, u dejjem fil-preżenza ta’ persuni oħra, bħallikieku kienu ilhom żmien jitkellmu. Allura, biex seta’ jagħraf l-identità Nisranija ta’ min ikun qed jitkellem miegħu, Sant’Andrija kien isib din is-soluzzjoni: qabelxejn, kien hemm sinjal miftiehem minn qabel li minnu kien jagħrafhom: int se tiltaqa’ ma’ dan in-Nisrani u hu se jkollu dan is-sinjal fuq ħwejġu u f’idu; wara dan, hu kien jagħmel bil-moħbi l-mistoqsija, minn taħt l-ilsien: “Int dixxiplu ta’ Ġesù?”. Billi kien ikun hemm persuni oħra jassistu għall-konverżazzjoni, il-qaddis kien ikollu jitkellem b’vuċi baxxa, u jlissen biss ftit kelmiet, dawk l-aktar essenzjali. Allura, għal Andrija Kim, l-espressjoni li kienet tiġbor fiha l-identità kollha tal-Nisrani kienet “dixxiplu ta’ Kristu”: “Int dixxiplu ta’ Kristu?”, imma minn taħt l-ilsien għax kien perikoluż. Ma stajtx tkun Nisrani. 

Fil-fatt, li tkun dixxiplu tal-Mulej ifisser timxi warajh, timxi fit-triq tiegħu. U n-Nisrani hu min-natura tiegħu wieħed li jipprietka u jagħti xhieda ta’ Ġesù. Kull komunità Nisranija tirċievi mill-Ispirtu s-Santu din l-identità, u hekk ukoll il-Knisja kollha, sa minn dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin (ara Konċilju Vatikan II, Digriet Ad gentes, 2). U minn dan l-Ispirtu li aħna nirċievu tinbet il-passjoni, il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni, dan iż-żelu appostoliku kbir: huwa don tal-Ispirtu. U mqar jekk il-kuntest ma jkunx favorevoli, bħal dak Korean ta’ Andrija Kim, il-passjoni ma tinbidilx, anzi, tikseb valur ikbar. Sant’Andrija Kim u l-fidili l-oħra Koreani wrew li x-xhieda tal-Vanġelu mogħtija fi żmien ta’ persekuzzjoni tista’ ġġib ħafna frott lill-fidi.

Issa ħa naqbdu t-tieni eżempju konkret. Meta kien għadu seminarista, Sant’Andrija ried isib mod kif jilqa’ bil-moħbi lill-missjunarji li kienu ġejjin minn barra. Din ma kinitx biċċa xogħol ħafifa, għax ir-reġim ta’ dak iż-żmien kien jipprojbixxi rigorożament lill-barranin kollha milli jidħlu fit-territorju. Kien għalhekk li – qabel dan – kien tant diffiċli li ssib saċerdot li jiġi jagħmel missjoni: il-missjoni għamluha l-lajċi. Darba – aħsbu ftit f’dan li għamel Sant’Andrija – darba hu mexa taħt il-borra u s-silġ, bla ma kiel xejn, tant fit-tul li waqa’ fl-art bla saħħa, u rriskja li jitlef is-sensi u li jibqa’ hemm iffriżat. Hawn, ħabta u sabta sema’ leħen: “Qum, imxi!”. Xħin sema’ dak il-leħen, Andrija reġa’ qam fuq saqajh, u lemaħ bħal dell ta’ xi ħadd li kien qed jiggwidah. 

Din l-esperjenza ta’ dan ix-xhud kbir Korean turina aspett importanti ħafna taż-żelu appostoliku. Dan hu l-kuraġġ li wieħed jerġa’ jqum fuq saqajh meta jaqa’. Imma l-qaddisin jaqgħu? Iva! U sa mill-ewwel żminijiet: aħsbu f’San Pietru: għamel dnub kbir, imma sab il-qawwa fil-ħniena ta’ Alla u reġa’ qam. U f’Sant’Andrija aħna naraw din il-qawwa: hu kien waqa’ fiżikament imma sab il-qawwa li jmur, imur, imur biex iwassal il-messaġġ ’il quddiem. Tkun kemm tkun iebsa s-sitwazzjoni, imqar meta xi drabi tidher li mhix tħalli wisa’ għall-messaġġ tal-Vanġelu, ma rridux inċedu u ma għandniex nibqgħu lura milli mmexxu dak li hu essenzjali fil-ħajja Nisranija tagħna, jiġifieri l-evanġelizzazzjoni. Din hija t-triq. U kull wieħed u waħda minna jista’ jaħseb: “Imma jien, kif nista’ nevanġelizza?”. Imma int ħares ftit lejn dawn in-nies kbar u aħseb fiċ-ċokon tiegħek, ejjew naħsbu fiċ-ċokon tagħna: nevanġelizzaw il-familja, nevanġelizzaw il-ħbieb, nitkellmu fuq Ġesù, imma nitkellmu fuq Ġesù u nevanġelizzaw bil-qalb mimlija ferħ, mimlija qawwa. U dan hu li jagħti l-Ispirtu s-Santu. Ejjew inħejju ruħna biex nilqgħu lill-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin li ġej u nitolbuh din il-grazzja, il-grazzja tal-kuraġġ appostoliku, il-grazzja li nevanġelizzaw, li nwasslu dejjem ’il quddiem il-messaġġ ta’ Ġesù.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard