Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 9. Ġuditta. Żagħżugħa ammirevoli, xjuħija ġeneruża

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum se nitkellmu fuq Ġuditta, erojina biblika. L-għeluq tal-ktieb li jġib isimha – smajna silta minnu – jiġbor l-aħħar parti tal-ħajja ta’ din il-mara, li ddefendiet lil Iżrael mill-għedewwa tiegħu. Ġuditta kienet armla żagħżugħa u twajba Lhudija li, grazzi għall-fidi tagħha, għall-ġmiel tagħha u għall-għaqal tagħha, salvat il-belt ta’ Betulja u l-poplu ta’ Ġuda mill-assedju ta’ Oloferne, ġeneral ta’ Nebukadnessar, is-sultan tal-Assirja, għadu prepotenti u mistkerrah ta’ Alla. U hekk, bl-aġir ta’ waħda li moħħha jilħqilha, kienet kapaċi tħanxar id-dittatur li ħadha kontra pajjiżha. Kienet qalbiena, din il-mara, imma kellha l-fidi.

Wara l-avventura kbira li tagħha kienet protagonista, Ġuditta reġgħet lura tgħix f’beltha, Betulja, fejn għexet xjuħija sabiħa sa ma kellha 105 snin. Kien wasal għaliha ż-żmien tax-xjuħija kif jasal għal ħafna nies: xi drabi wara ħajja intensa ta’ xogħol, xi drabi wara ħajja avventuruża, jew ta’ dedikazzjoni kbira. L-eroiżmu mhuwiex biss dak tal-ġrajjiet kbar li jarahom kulħadd, bħal ngħidu aħna dik ta’ Ġuditta li qatlet id-dittatur: imma spiss l-eroiżmu ssibu fil-qlubija tal-imħabba msawba f’familja diffiċli jew favur komunità mhedda.

Ġuditta għexet fuq mitt sena, barka partikulari. Imma mhuwiex rari, illum il-ġurnata, li jifdallek tant snin x’tgħix wara l-istaġun tal-pensjoni. Kif ninterpretaw, kif se naraw li dan iż-żmien għad-dispożizzjoni tagħna jħalli l-frott? Jiena llum ħiereġ bil-pensjoni, u fadalli ħafna snin, u x’nista’ nagħmel, f’dawn is-snin, kif nista’ nikber – l-età timxi waħidha – imma kif nista’ nikber fl-awtorità, fil-qdusija, fl-għerf?

Il-perspettiva tal-pensjoni għal ħafna taħbat ma’ dik ta’ mistrieħ mistħoqq u mixtieq minn ħidmiet impenjattivi u ta’ taħbit. Imma jiġri wkoll li t-tmiem tal-ħajja tax-xogħol jirrappreżenta għajn ta’ tħassib u jkun hemm min jistennieh b’ċertu tferfir: “Issa x’se naqbad nagħmel, issa li ħajti se titbattal minn dak li bih kienet mimlija għal tant żmien?”: din hi l-mistoqsija. Ix-xogħol ta’ kuljum ifisser ukoll ġabra ta’ relazzjonijiet, is-sodisfazzjon li taqla’ biex tgħix, l-esperjenza li jkollok rwol, li l-oħrajn jagħtu kasek kif jixraqlek, żmien mimli li jmur lil hemm mis-sempliċi orarju tax-xogħol.

Bla dubju, hemm l-impenn, hieni u fih ix-xogħol, li tieħu ħsieb in-neputijiet, u llum in-nanniet għandhom rwol kbir ħafna fil-familja biex irabbu n-neputijiet; imma nafu li llum ulied dejjem qed jitwieldu inqas, u l-ġenituri spiss huma mbiegħda, iżjed suġġetti għal spostamenti, b’sitwazzjonijiet xejn favorevli ta’ xogħol u ta’ fejn joqogħdu. Xi drabi wkoll iżommu lura milli jafdaw lin-nanniet spazji ta’ edukazzjoni, u jikkonċedulhom biss dawk strettament marbuta mal-bżonn ta’ assistenza. Imma xi ħadd qalli, bi ftit tbissima ironika: “Illum, in-nanniet, f’din is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, saru iżjed importanti, għax għandhom il-pensjoni”. Hemm esiġenzi ġodda, anki fil-qasam tar-relazzjonijiet edukattivi u parentali, li jitolbu minna li nerġgħu nagħġnu l-patt tradizzjonali bejn il-ġenerazzjonijiet.

Il-preżenza tal-ġenerazzjonijiet li jgħixu flimkien fil-verità qed titwal. Qed infittxu, ilkoll flimkien, li nagħmluhom iżjed umani, iżjed rispettabbli, iżjed ġusti, fil-kundizzjonijiet ġodda tas-soċjetajiet moderni?

Imma, nistaqsu: qed nagħmlu dan l-isforz ta’ “rimudellar”? Jew qegħdin sempliċiment inġarrbu b’mod passiv il-kundizzjonijiet materjali u ekonomiċi? Il-preżenza tal-ġenerazzjonijiet li jgħixu flimkien fil-verità qed titwal. Qed infittxu, ilkoll flimkien, li nagħmluhom iżjed umani, iżjed rispettabbli, iżjed ġusti, fil-kundizzjonijiet ġodda tas-soċjetajiet moderni? Għan-nanniet, parti importanti mill-vokazzjoni tagħhom hi li jwieżnu lill-ulied fl-edukazzjoni tat-tfal. Iċ-ċkejknin jitgħallmu l-qawwa tal-ħlewwa u r-rispett għad-dgħufija: lezzjonijiet li xejn ma jista’ jeħdilhom posthom, li man-nanniet iżjed faċli tagħtihom u tirċevihom. In-nanniet, min-naħa tagħhom, jitgħallmu li l-ħlewwa u d-dgħufija mhumiex biss sinjali li huma sejrin lura: għaż-żgħażagħ, huma passaġġi li jagħmlu l-futur aktar uman.

Ġuditta sfat armla bikri u ma kellhiex ulied, imma, meta xjaħet, kienet kapaċi tgħix staġun ta’ sħuħija u ta’ serenità, fl-għarfien li għexet għalkollox il-missjoni li l-Mulej kien fdalha. Għaliha dan kien iż-żmien li tħalli l-wirt it-tajjeb tal-għerf, tal-ħlewwa, tad-doni għall-familja u għall-komunità: wirt ta’ tjieba u mhux biss ta’ ġid materjali. Meta naħsbu fil-wirt, ħafna drabi naħsbu fil-ġid materjali, u mhux fit-tajjeb li jkun sar u nżera’ fix-xjuħija, dak il-ġid li hu l-aqwa wirt li nistgħu nħallu.

Proprju fix-xjuħija tagħha, Ġuditta “tat il-ħelsien lill-qaddejja preferuta tagħha”. Dan hu sinjal ta’ ħarsa attenta u umana fil-konfront ta’ min kien qrib tagħha. Din il-qaddejja kienet akkumpanjatha fil-mument ta’ dik l-avventura biex tirbaħ lid-dittatur u taqtagħlu rasu. Meta nixjieħu, nitilfu xi ftit mill-viżta imma l-ħarsa ta’ ġewwa ssir iżjed penetranti: naraw bil-qalb. Insiru kapaċi naraw l-affarijiet li qabel kienu jaħarbulna. Ix-xjuħ jafu jħarsu u jafu jaraw… Hekk hu: il-Mulej ma jafdax it-talenti tiegħu biss liż-żgħażagħ u lil min hu b’saħħtu: għandu għal kulħadd, bil-qies ta’ kull wieħed, anki għax-xjuħ. Il-ħajja tal-komunitajiet tagħna għandha tagħraf tgawdi t-talenti u l-kariżmi ta’ tant anzjani, li għar-Reġistru Ċivili huma diġà pensjonanti, imma li huma għana li għandna nivvalorizzaw. Dan jitlob, min-naħa tal-istess anzjani, attenzjoni kreattiva, attenzjoni ġdida, disponibbiltà ġeneruża. Il-ħiliet ta’ qabel fil-ħajja attiva jitilfu l-parti tagħhom ta’ obbligu u jsiru riżorsi ta’ għotja: jgħallmu, jagħtu pariri siewja, jibnu, jikkuraw, jisimgħu… Preferibbilment favur dawk l-aktar żvantaġġjati, li ma jifilħux iħallsu għall-edukazzjoni jew huma mitluqa għas-solitudni tagħhom.

Ġuditta ħelset lill-qaddejja tagħha u kienet attenta għal kulħadd. Bħala żagħżugħa kienet rebħet l-istima tal-komunità bil-kuraġġ li kellha. Bħala anzjana, immeritatha għall-ħlewwa li biha għaniet il-libertà u l-imħabba tal-oħrajn. Ġuditta mhijiex pensjonanta li tgħix fil-melankonija l-vojt tagħha: hi anzjana appassjonata li timla bid-doni ż-żmien li Alla jagħtiha. Jiena nirrakkomandalkom: f’xi waħda minn dawn il-ġranet, abqdu l-Bibbja u sibu l-Ktieb ta’ Ġuditta: qasir ħafna, taqrah ma ddumx, 10 paġni kollox, mhux iżjed. Aqraw din l-istorja ta’ mara qalbiena li tispiċċa hekk, bil-ħlewwa, bil-ġenerożità, mara ta’ kalibru kbir. U hekk nixtieqhom jien lin-nanniet tagħna. Kollha hekk: qalbiena, għorrief u li jħallulna l-wirt mhux tal-flus, imma l-wirt tal-għerf, miżrugħ fin-neputijiet tagħhom.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard