Katekeżi fuq ix-Xjuħija – 11. Koħelet: il-lejl inċert tas-sens u tal-ħwejjeġ tal-ħajja

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fir-riflessjoni tagħna fuq ix-xjuħija – qed inkomplu nirriflettu fuq ix-xjuħija –, illum nikkonfrontaw ruħna mal-Ktieb ta’ Koħelet, ġojjell ieħor ingastat fil-Bibbja. Mal-ewwel qari tiegħu fuq fuq il-ktieb jolqotna u jħallina mifxula bir-ritornell ċelebri tiegħu: “Kollox frugħa”, kollox frugħa: ir-ritornell li spiss jitfaċċa; kollox frugħa, kollox “ċpar”, kollox “duħħan”, kollox “vojt”. Nistagħġbu nsibu dawn l-espressjonijiet, li jpoġġu fid-dubju s-sens tal-eżistenza, fl-Iskrittura Mqaddsa. Fir-realtà, it-tbandil kontinwu ta’ Koħelet bejn is-sens u n-nuqqas tiegħu huwa r-rappreżentazzjoni ironika ta’ għarfien tal-ħajja li jinqata’ mill-passjoni għall-ġustizzja, li tagħha hu garanti l-ġudizzju ta’ Alla. U l-konklużjoni tal-Ktieb turina t-triq li toħroġna mit-tiġrib: “Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu” (12:13). Dan hu l-parir biex insolvu din il-problema.

Quddiem realtà li, f’ċerti mumenti, donnha saret post tal-kuntrarji kollha, imma li għalihom kollha hemm l-istess destin, jiġifieri dak li jispiċċaw fix-xejn, it-triq tal-indifferenza tista’ tidher anki għalina l-uniku rimedju għal delużjoni ta’ wġigħ il-qalb. Iqumu fina mistoqsijiet bħal din: l-isforzi tagħna forsi bidluha d-dinja? Forsi hemm xi ħadd kapaċi jagħti valur lid-differenza bejn dak li hu ġust u dak li hu inġust? Donnu dan kollu hu inutli: allura għaliex nagħmlu ħafna sforzi?

Hi speċi ta’ intuwizzjoni negattiva li tista’ tidher f’kull staġun tal-ħajja, imma bla dubju x-xjuħija tagħmel kważi inevitabbli dan l-appuntament ma’ dan is-sens ta’ delużjoni. Fix-xjuħija jkun hemm din id-delużjoni. U allura r-riżistenza tax-xjuħija għall-effetti demoralizzanti ta’ din id-delużjoni hi importanti ħafna: jekk l-anzjani, li sa dak il-punt ikunu raw minn kollox, iżommu sħiħa fihom il-passjoni għall-ġustizzja, allura hemm tama għall-imħabba, u anki għall-fidi. U għad-dinja kontemporanja sar kruċjali l-passaġġ minn din il-kriżi, kriżi tajba, għaliex? Għax kultura li tippretendi li tista’ tkejjel kollox u timmanipula kollox tispiċċa biex tipproduċi wkoll demoralizzazzjoni kollettiva tas-sens tal-ħajja, demoralizzazzjoni tal-imħabba, demoralizzazzjoni anki ta’ x’inhu tajjeb.

Din id-demoralizzazzjoni tneħħilna x-xewqa li nagħmlu xi ħaġa. Din l-hekk imsejħa “verità”, li tillimita ruħha għal osservazzjoni tad-dinja, tosserva wkoll l-indifferenza tagħha għall-opposti u terħiha, mingħajr fidwa, f’idejn l-influss taż-żmien u d-destin tax-xejn. F’din l-għamla tagħha – imlibbsa bix-xjentifiċità, imma wkoll ħafna insensibbli u ħafna amorali – ir-riċerka moderna tal-verità kienet ittentata tħalli għalkollox warajha l-passjoni għall-ġustizzja. M’għadhiex temmen fid-destin tagħha, fil-wegħda tagħha, fil-fidwa tagħha.

Jekk l-anzjani, li sa dak il-punt ikunu raw minn kollox, iżommu sħiħa fihom il-passjoni għall-ġustizzja, allura hemm tama għall-imħabba, u anki għall-fidi

Għall-kultura moderna tagħna, li prattikament tixtieq tħalli kollox f’idejn l-għarfien eżatt tal-affarijiet, id-dehra ta’ din ir-raġuni ċinika ġdida – li tiġbor ma’ xulxin l-għarfien u l-irresponsabbiltà – hi riperkussjoni iebsa ħafna. Fil-fatt, l-għarfien li jeżonerana mill-moralità mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li hu għajn ta’ libertà, ta’ enerġija, imma malajr jinbidel f’paraliżi tar-ruħ.

Koħelet, bl-ironija tiegħu, jikxef il-maskra ta’ din it-tentazzjoni fatali ta’ omnipotenza tal-għerf – “dellirju ta’ omnixxenza” – li jġib miegħu l-impotenza tar-rieda. Il-monaċi tal-iktar tradizzjoni Nisranija antika kienu identifikaw bi preċiżjoni din il-marda tar-ruħ, li f’daqqa waħda tikxef l-frugħa tal-għarfien mingħajr fidi u mingħajr morali, l-illużjoni tal-verità mingħajr ġustizzja. Kienu jsejħulha “aċċidja”. U din hi waħda mit-tentazzjonijiet ta’ kulħadd, anki tax-xjuħ, imma hi ta’ kulħadd. Mhix sempliċiment l-għażż jew it-telqa: le, hija iżjed minn hekk. Mhix sempliċiment id-dipressjoni: le. Pjuttost, l-aċċidja hija ċ-ċediment għall-għarfien tad-dinja mingħajr iżjed passjoni għall-ġustizzja u għall-azzjoni li toħroġ bħala riżultat tagħha.

Il-vojt mis-sens u minn kull saħħa li jiftaħ dan l-għerf, li jiċħad kull responsabbiltà etika u kull interess fil-ġid veru, ħsara jista’ jagħmel. Mhux biss lir-rieda għal dak li hu tajjeb ineżżagħha minn kull saħħa: bħala konsegwenza, jiftaħ il-bieb għall-aggressività tal-qawwiet tal-ħażen. Huma l-qawwiet ta’ raġuni li ġġennet, li saret ċinika minħabba f’esaġerazzjoni ta’ ideoloġija. Fil-fatt, bil-progress kollu tagħna, bil-benessri kollu li għandna, tassew sirna “soċjetà tal-għeja”. Aħsbu ftit f’dan: aħna s-soċjetà tal-għeja! Suppost ipproduċejna benessri ma’ kullimkien u qed nittolleraw suq xjentifikament selettiv tas-saħħa. Suppost ipproduċejna limitu li ma jinqabiżx tal-paċi, u qed naraw gwerer dejjem iżjed bla ħniena kontra persuni innoċenti. Ix-xjenza miexja ’l quddiem, naturalment, u dan hu ta’ ġid. Imma l-għerf tal-ħajja hu ħaġa oħra, u donnu weħel xi mkien.

Fl-aħħar nett, din ir-raġuni non-affettiva u irresponsabbli tneħħi kull sens u enerġija anki mill-għarfien tal-verità. Mhux ta’ b’xejn li dan tagħna hu ż-żmien tal-fake news, tas-superstizzjonijiet kollettivi u tal-veritajiet psewdo-xjentifiċi. Kurjuża din: f’din il-kultura tal-għerf, li tfittex għarfien ta’ kollox, anki tal-preċiżjoni tal-għerf, xterdu tant sħarijiet, imma sħarijiet kolti. Huma sħarijiet b’ċerta kultura imma li jwassluk għal ħajja ta’ superstizzjoni: minn naħa, irridu nimxu ’l quddiem b’intelliġenza fl-għarfien tal-affarijiet sal-għeruq tagħhom; mill-oħra, ir-ruħ li għandha bżonn ta’ ħaġa oħra u taqbad it-triq tas-superstizzjonijiet u tispiċċa fis-sħarijiet. Ix-xjuħija mill-għerf ironiku ta’ Koħelet tista’ titgħallem l-arti li tikxef għad-dawl l-ingann moħbi tad-dellirju ta’ verità tal-ħsieb sajma mill-imħabba għall-ġustizzja. L-anzjani għonja bl-għerf u l-umoriżmu jistgħu jagħmlu ħafna ġid liż-żgħażagħ! Isalvawhom mit-tentazzjoni ta’ għarfien tad-dinja li hu mdejjaq u nieqes mill-għerf tal-ħajja. Barra minn hekk, dawn l-anzjani jreġġgħu liż-żgħażagħ għall-wegħda ta’ Ġesù: “Henjin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax ikunu mxebbgħin” (Mt 5:6). Ikunu huma li jiżirgħu l-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja fiż-żgħażagħ. Kuraġġ lilna lkoll l-anzjani: kuraġġ u ejjew nimxu ’l quddiem! Aħna għandna missjoni kbira ħafna fid-dinja. Imma, nitlobkom, ma rridux infittxu kenn f’dan l-idealiżmu xi ftit mhux konkret, mhux reali, bla għeruq – ngħiduha ċara: fis-sħarijiet tal-ħajja.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard