Katekeżi fuq ix-Xjuħija – 12. “Titlaqnix meta tħallini saħħti” (Salm 71:9)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

It-talba sabiħa tal-anzjan li nsibu fis-Salm 71 li għadna kemm smajna tħeġġiġna nimmeditaw fuq it-tensjoni qawwija li hemm fil-kundizzjoni tax-xjuħija, meta l-memorja tat-taħbit megħlub u tal-barkiet milqugħa tiġi ppruvata mill-fidi u mit-tama.

Il-prova diġà tippreżenta ruħha bid-dgħufija li ssieħeb il-passaġġ tal-fraġilità u l-vulnerabbiltà tal-età avvanzata. U s-Salmista – anzjan li jdur lejn il-Mulej – isemmi espliċitament il-fatt li dan il-proċess isir okkażjoni ta’ abbandun, ta’ ingann u abbuż ta’ poter u ta’ prepotenza, li xi drabi jaħbtu għal fuq l-anzjan. Għamla ta’ kefrija li din is-soċjetà tagħna qed tispeċjalizza fiha. Huwa minnu! F’din is-soċjetà tal-iskart, din il-kultura tal-iskart, l-anzjani jiġu mwarrba għall-ġenb u jsofru dawn il-ħwejjeġ. Fil-fatt, ma jonqosx min japprofitta mill-età tal-anzjan, biex jidħak bih, biex jintimidah b’elf mod. Spiss naqraw fil-ġurnali jew nisimgħu aħbarijiet dwar anzjani li jiġu mqarrqa bla ebda skruplu biex jeħdulhom dak li jkunu ġemmgħu; jew li jitħallew neqsin mill-protezzjoni jew mitluqa bla ebda kura; inkella jiġu offiżi minn xejriet ta’ disprezz u intimidati biex jiċħdu d-drittijiet tagħhom. Anki fil-familji – u din hi ħaġa gravi, imma qed tiġri anki fil-familji – iseħħu kefrijiet bħal dawn. L-anzjani mormija, abbandunati fid-djar tax-xjuħ, mingħajr ma l-ulied imorru jarawhom jew, jekk immorru, imorru ftit drabi fis-sena. L-anzjan li jiġi mwarrab f’rokna tal-ħajja. U din hi ħaġa li tiġri: tiġri llum, tiġri fil-familji, tiġri dejjem. Jeħtieġ nirriflettu fuq dan.

Hemm don f’li nixjieħu, u hu dak li nintelqu f’idejn il-kura tal-oħrajn, ibda minn dik ta’ Alla nnifsu

Is-soċjetà kollha għandha tħaffef tieħu ħsieb tax-xjuħ tagħha – huma t-teżor! –, dejjem iżjed fil-għadd, u spiss anki iżjed abbandunati. Meta nisimgħu b’anzjani li jiġu misruqa mill-awtonomija tagħhom, mis-sigurtà tagħhom, saħansitra minn darhom, nifhmu li l-ambivalenza tas-soċjetà tal-lum fil-konfront tal-età anzjana mhijiex problema ta’ xi emerġenzi okkażjonali, imma aspett ta’ dik il-kultura tal-iskart li tavvelena d-dinja li qed ngħixu fiha. L-anzjan tas-Salm jafda f’idejn Alla l-periklu li sab ruħu fih: “Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi; dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu. ‘Alla nsieh!’, huma jgħidu, ‘Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu’” (vv. 10-11). Il-konsegwenzi huma fatali. Ix-xjuħija mhux biss titlef id-dinjità tagħha, imma tiddubita saħansitra jekk jixirqilhiex tibqa’ għaddejja. Hekk, aħna lkoll ittentati naħbu l-vulnerabbiltà tagħna, naħbu l-mard tagħna, l-età tagħna u x-xjuħija tagħna, għax nibżgħu li dawn ikunu l-ewwel pass biex nitilfu l-identità tagħna. Nistaqsu lilna nfusna: hi ħaġa umana li jkollna dan is-sentiment? Kif qatt iċ-ċiviltà moderna, li mxiet daqshekk ’il quddiem u hi tant effiċjenti, tħossha daqshekk skomda quddiem il-mard u x-xjuħija, taħbi l-mard, taħbi x-xjuħija? U kif inhi din li l-politika, li tidher tant impenjata biex tiddefinixxi l-limiti ta’ sopravvivenza dinjituża, fl-istess waqt hi insensibbli għad-dinjità ta’ konvivenza max-xjuħ u l-morda mibnija fuq ir-rispett u l-imħabba?

L-anzjan tas-Salm li għadna kemm smajna, dan l-anzjan li jara x-xjuħija tiegħu bħala telfa, jerġa’ jiskopri l-fiduċja fil-Mulej. Iħoss il-bżonn li jiġi megħjun. U jdur lejn Alla. Santu Wistin, meta jikkummenta dan is-Salm, jeżorta lill-anzjan: “La tibżax li tiġi abbandunat fi xjuħitek. […] Għaliex qed tibża’ li [l-Mulej] se jitilqek waħdek, li se jirrifjutak fi żmien xjuħitek meta titilqek saħħtek? Anzi, proprju hemm ikun hu fik il-qawwa tiegħek, meta tonqsok tiegħek” (PL 36, 881-882). U s-Salimista anzjan jitlob: “Salvani u ħarisni; agħtini widen u fittex eħlisni. Kun sur ta’ kenn għalija; int wegħedt li tiġi dejjem issalvani, għax blata u fortizza int għalija” (vv. 2-3). L-invokazzjoni tixhed għall-fedeltà ta’ Alla u tfakkar li hu għandu l-ħila jriegħed il-kuxjenzi mberrdin mill-insensibbiltà għall-firxa tal-ħajja fuq din l-art, li għandha tiġi mħarsa fl-integrità tagħha. Jerġa’ jitlob hekk: “O Alla, toqgħodx ’il bogħod minni; Alla tiegħi, fittex għinni. Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni; jimtela biż-żebliħ u l-għajb minn iridli d-deni” (vv. 12-13).

L-anzjani huma l-memorja tal-familja, il-memorja tal-umanità, il-memorja tal-pajjiż. Inħarsu lill-anzjani li huma l-għerf.

Fil-verità, l-għajb għandu jaqa’ fuq dawk li japprofittaw mid-dgħufija tal-mard u tax-xjuħija. It-talba ġġedded fil-qalb tal-anzjan il-wegħda tal-fedeltà u tal-barka ta’ Alla. L-anzjan jiskopri mill-ġdid it-talb u jagħti xhieda tal-qawwa tiegħu. Ġesù, fil-Vanġelu, qatt ma jiċħad it-talba ta’ min għandu bżonn min jgħinu. L-anzjani, minħabba fid-dgħufija tagħhom, jistgħu jgħallmu lil min qed jgħix f’etajiet oħra tal-ħajja, li lkoll għandna bżonn nintelqu f’idejn il-Mulej u nitolbu l-għajnuna tiegħu. F’dan is-sens, ilkoll jeħtieġ nitgħallmu mix-xjuħija: iva, hemm don f’li nixjieħu, u hu dak li nintelqu f’idejn il-kura tal-oħrajn, ibda minn dik ta’ Alla nnifsu.

Allura hemm “maġisteru tad-dgħufija”, ma naħbux id-dgħufijiet tagħna, le. Huma veri, hemm realtà u hemm maġisteru tad-dgħufija, li x-xjuħija kapaċi tfakkar fih b’mod kredibbli lill-firxa sħiħa tal-ħajja umana. Ma naħbux ix-xjuħija, ma naħbux id-dgħufijiet tax-xjuħija. Din hi tagħlima għalina lkoll. Dan il-maġisteru jiftaħ xefaq deċiżiv għar-riforma tal-istess ċiviltà tagħna. Riforma li llum hi indispensabbli għall-ġid tal-konvivenza ta’ kulħadd. L-emarġinazzjoni tal-anzjani, kemm jekk kunċettwali u kemm jekk prattika, tikkorrompi l-istaġuni kollha tal-ħajja, mhux biss dak tal-anzjanità. Kull wieħed u waħda minna jista’ jaħseb illum fl-anzjani tal-familja tiegħu: kif qed inġib ruħi magħhom, niftakar fihom, immur narahom? Nara li ma jkun jonqoshom xejn? Nirrispettahom? L-anzjani li għandi fil-familja tiegħi, ommi, missieri, nanna, zijiet, ħbieb, ħassarthom minn ħajti? Jew immur inżurhom biex minnhom nixrob l-għerf, l-għerf tal-ħajja? Ftakar li int ukoll għad tkun anzjan jew anzjana. Ix-xjuħija tasal għal kulħadd. U kif int tixtieq li tiġi ttrattat jew ittrattata fi xjuħitek, ittratta int lill-anzjani llum. Huma l-memorja tal-familja, il-memorja tal-umanità, il-memorja tal-pajjiż. Inħarsu lill-anzjani li huma l-għerf. Il-Mulej jagħti lill-anzjani li jagħmlu parti mill-Knisja l-ġenerożità ta’ din l-invokazzjoni u ta’ din il-provokazzjoni. Ħa niddakkru aħna wkoll minn din il-fiduċja fil-Mulej. U dan, għall-ġid ta’ kulħadd, tagħhom u tagħna u ta’ wliedna.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard