Ir-rakkont bibliku – bil-lingwaġġ simboliku tal-epoka li fih inkiteb – jgħidilna ħaġa impressjonanti: Alla tant iddispjaċieh għall-ħażen li kien infirex fost il-bnedmin, tant li kien sar stil ta’ ħajja normali, li hu ħaseb li żbalja li ħalaqhom u qatagħha li jneħħihom. Soluzzjoni radikali. Seta’ jkollha wkoll implikazzjonijiet paradossali ta’ ħniena. Daqshekk bnedmin, daqshekk storja, daqshekk ġudizzju, daqshekk kundanna. U ħafna vittmi ppredestinati għall-korruzzjoni, għall-vjolenza, għall-inġustizzja kienu jiġu meħlusa għal dejjem.

Forsi dan ma jiġrix lilna wkoll – mifnija mis-sens ta’ impotenza kontra l-ħażen jew iddemoralizzati mill-“profeti tal-iżventura” – li naħsbu li kien ikun aħjar kieku ma twelidna xejn? Għandna nagħtu importanza lil ċerti teoriji riċenti, li jikkundannaw l-ispeċi umana bħala dannu evoluttiv għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna? Kollox hu negattiv? Le.

Fil-verità, aħna taħt pressjoni, esposti għal tqanqiliet opposti li jgerfxulna moħħna. Minn naħa, għandna l-ottimiżmu ta’ żgħożija eterna, imkebbsa mill-progressi straordinarji tat-teknoloġija, li tpinġi futur mimli magni iżjed effiċjenti u iżjed intelliġenti minna, li se jfejqu l-mard tagħna u jaħsbulna għal soluzzjonijiet aħjar biex ma mmutux: id-dinja tar-robots. Min-naħa l-oħra, il-fantasija tagħna tidher dejjem iżjed ikkonċentrata fuq ir-rappreżentazzjoni ta’ katastrofi finali li teqridna. Dak li fil-fatt jiġri jekk ikollna gwerra atomika. L-“għada” li jseħħ dan – jekk inkunu għadna hawn, ġranet u bnedmin – ikollna nerġgħu nibdew mix-xejn. Neqiedu kollox biex nerġgħu nibdew mix-xejn. Ma rridx nibbanalizza t-tema tal-progress, naturalment. Imma donnu s-simbolu tad-dilluvju qed jerġa’ jitla’ fil-wiċċ tal-inkonxju tagħna. Il-pandemija attwali, mill-bqija, tpoġġi piż mhux ħafif fuq il-ħsieb imtajjar tagħna fuq x’inhu dak li jiswa, għall-ħajja u għad-destin tagħha.

Meta nitilfu l-perċezzjoni ta’ x’inhi korruzzjoni, u l-korruzzjoni ssir ħaġa normali: kollox għandu l-prezz tiegħu, kollox! Nixtru, inbigħu, opinjonijiet, atti ta’ ġustizzja…

Fir-rakkont bibliku, meta jiġi biex isalva l-ħajja tal-art mill-qerda u mid-dilluvju, Alla jafda l-biċċa xogħol lill-fedeltà tal-ixjeħ fost kulħadd, Noè l-“ġust”. Ix-xjuħija se ssalva d-dinja, nistaqsi? F’liema sens? U kif se ssalva lid-dinja, ix-xjuħija? U x-xefaq x’inhu? Il-ħajja lil hemm mill-mewt jew biss is-sopravivenza sad-dilluvju?

Kelma ta’ Ġesù, li tfakkar fi “żmien Noè”, tgħinna ninżlu iktar fil-fond tat-tifsira tal-paġna biblika li għadna kemm smajna. Ġesù, meta jitkellem fuq l-aħħar żminijiet, jgħid: “U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll” (Lq 17:26-27). Fil-verità, li nieklu u nixorbu, li niżżewġu, huma ħwejjeġ normali ħafna u ma jidhrux li huma eżempji ta’ korruzzjoni. Fejn qiegħda l-korruzzjoni? Fejn kienet il-korruzzjoni f’dan? Fir-realtà, Ġesù jpoġġi l-aċċent fuq il-fatt li l-bnedmin, meta jillimitaw ruħhom biss għal li jgawdu l-ħajja, jitilfu saħansitra l-perċezzjoni tal-korruzzjoni, li tissagrifika d-dinjità tagħha u tintoska s-sens tagħha. Meta nitilfu l-perċezzjoni ta’ x’inhi korruzzjoni, u l-korruzzjoni ssir ħaġa normali: kollox għandu l-prezz tiegħu, kollox! Nixtru, inbigħu, opinjonijiet, atti ta’ ġustizzja… Dan, fid-dinja tan-negozju, fid-dinja ta’ tant mestieri, hu komuni. U ngħixu bla ħsieb ta’ xejn ukoll il-korruzzjoni, bħallikieku kienet parti min-normalità tal-ġid tal-bniedem. Meta int tmur biex tagħmel xi ħaġa u dik il-ħaġa tieħu l-ħin, dak il-proċess ikun xi ftit bil-mod, kemm drabi tisma’ min jgħidlek: “Jekk tagħtini xi ħaġa iżjed, ngħaġġilha din”. Ħafna drabi. “Agħtini xi ħaġa iżjed, u nħaffef iktar”. Dan nafuh tajjeb, ilkoll kemm aħna. Id-dinja tal-korruzzjoni tidher parti min-normalità tal-bniedem; u din hi ħaġa veru kerha. Dalgħodu tkellimt ma’ wieħed li qalli b’din il-problema f’pajjiżu. Il-ġid tal-ħajja jikkunsmawh u jgawduh mingħajr l-iċken ħsieb tal-kwalità spiritwali tal-ħajja, mingħajr kura għall-ħabitat tad-dar komuni. Jisfruttaw kollox, mingħajr ma jagħtu kas tat-tbatija u tal-avviliment li ħafna jispiċċaw ibatu, u lanqas tal-ħażen li javvelena l-komunità. Sakemm il-ħajja normali tista’ timtela bil-“ġid”, ma jinteressaniex naħsbu f’dak li jbattalha mill-ġustizzja u mill-imħabba. “Imma jien mhux tajjeb qiegħed! Għaliex għandi naħseb fil-problemi, fil-gwerer, fil-miżerja umana, f’daqstant faqar, f’daqstant ħażen? Le, jien sew għaddej. Ma jimpurtanix mill-oħrajn”. Dan hu l-ħsieb inkonxju li jżommna għaddejjin biex ngħixu fi stat ta’ korruzzjoni.

Il-korruzzjoni tista’ ssir normalità, nistaqsi? Ħuti, b’xorti ħażina iva. Nistgħu nieħdu n-nifs fl-arja tal-korruzzjoni kif nieħdu n-nifs tal-ossiġnu. “Imma din ħaġa normali; jekk trid li ħaġa nagħmilhielek malajr, kemm sa tagħtini?”. Normali! Normali, imma hi ħaġa kerha, mhix tajba! X’inhu dak li jiftħilha t-triq? Ħaġa waħda: li wieħed ma jagħti kas ta’ xejn ħlief tiegħu nnifsu: dan hu x-xaqq li jiftaħ il-bieb għall-korruzzjoni li tinfed fil-fond tal-ħajja ta’ kulħadd. Il-korruzzjoni tikseb vantaġġ kbir minn dan in-nuqqas ta’ ħsieb li mhuwiex tajjeb. Meta għal xi ħadd jgħaddi kollox u ma jimpurtahx mill-oħrajn: dan in-nuqqas ta’ ħsieb idgħajjef id-difiżi tagħna, idallam il-kuxjenza u jagħmilna – anki jekk ma rridux – kompliċi. Għax il-korruzzjoni qatt ma timxi waħidha: persuna dejjem għandha kompliċi magħha. U l-korruzzjoni dejjem titwessa’, titwessa’.

Ix-xjuħija qiegħda f’pożizzjoni addattata biex tagħraf l-ingann ta’ din in-normalizzazzjoni ta’ ħajja ossessjonata bit-tgawdija u battala mill-interjorità: ħajja bla ħsieb, bla sagrifiċċju, bla interjorità, bla ġmiel, bla verità, bla ġustizzja, bla mħabba: dan kollu hu korruzzjoni. Is-sensibbiltà speċjali tagħna x-xjuħ, tal-età anzjana, għall-attenzjoni, il-ħsibijiet u s-sentimenti li jagħmluna umani, għandha ssir mill-ġdid vokazzjoni ta’ ħafna. U tkun għażla ta’ mħabba tal-anzjani lejn il-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Aħna li nistgħu nagħtu l-allarm, navżaw lil kulħadd: “Iftħu għajnejkom sewwa, għax din hi l-korruzzjoni, u ma twasslek imkien”. L-għerf tax-xjuħ għandna bżonnu ħafna, illum, biex neħduha kontra l-korruzzjoni. Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda minna x-xjuħ, minna l-anzjani qed jistennew kelma li tkun profezija, li tiftaħ bibien u perspettivi ġodda barra minn din id-dinja ta’ ħsiebha mtajjar, id-dinja tal-korruzzjoni, li drat il-ħwejjeġ korrotti. Il-barka ta’ Alla tagħżel ix-xjuħija, minħabba f’din il-kariżma umana u li tagħmilna umani. X’sens fiha x-xjuħija tiegħi? Kull wieħed u waħda minna x-xjuħ nistgħu nistaqsu lilna nfusna. Is-sens huwa dan: li nkun profeta kontra l-korruzzjoni u ngħid lill-oħrajn: “Ieqfu, jiena mxejtha dik it-triq u ma twasslek imkien! Issa jiena se ngħidlex minn xiex għaddejt jien”. Aħna l-anzjani għandna nkunu profeti kontra l-korruzzjoni, kif Noè kien il-profeta kontra l-korruzzjoni ta’ żmienu, għax kien l-uniku wieħed li fih fada Alla. Jien nistaqsi lilkom kollha – u nistaqsi wkoll lili nnifsi –: qalbi hi miftuħa biex inkunu profeta kontra l-korruzzjoni tal-lum? Hemm ħaġa kerha, meta l-anzjani ma jimmaturawx u jixjieħu bl-istess drawwiet korrotti taż-żgħażagħ. Biżżejjed naħsbu fir-rakkont bibliku tal-imħallfin ta’ Susanna: huma l-eżempju ta’ xjuħija korrotta. U aħna, bi xjuħija bħal din ma nkunux kapaċi nkunu profeti għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.

U Noè hu l-eżempju ta’ din ix-xjuħija li tnissel: mhijiex korrotta, imma tnissel il-ħajja. Noè ma jagħmilx prietki, ma jgergirx, ma jilmentax, imma jieħu ħsieb tal-futur tal-ġenerazzjoni li tinsab fil-periklu. Aħna l-anzjani jeħtieġ nieħdu ħsieb taż-żgħażagħ, tat-tfal li huma fil-periklu. Hu jibni l-arka li tilqa’ fiha bnedmin u annimali. Fl-għożża għall-ħajja, fix-xejriet kollha tagħha, Noè jwettaq il-kmand ta’ Alla billi jtenni l-ġest ħelu u ġeneruż tal-ħolqien, li fir-realtà huwa l-istess ħsieb li jnebbaħ il-kmand ta’ Alla: barka ġdida, ħolqien ġdid (ara Ġen 8:15-9:17). Il-vokazzjoni ta’ Noè tibqa’ dejjem attwali. Il-patrijarka qaddis jeħtieġ jinterċedi għalina mill-ġdid. U aħna, irġiel u nisa ta’ ċerta età – biex ma ngħidx xjuħ, għax forsi jkun hawn min jeħodha b’offiża – ma ninsewx li għandna l-possibbiltà tal-għerf, li nistgħu ngħidu lill-oħrajn: “Ħares, din it-triq tal-korruzzjoni ma twasslek imkien”. Aħna jeħtieġ inkunu l-inbid it-tajjeb li fl-aħħar meta jkun mgħobbi bis-snin jista’ jwassal messaġġ tajjeb u mhux ħażin.

Illum insejjaħ lill-persuni kollha li għandhom ċerta età, biex ma ngħidx xjuħ. Attenti: intom għandkom ir-responsabbiltà li tikkundannaw il-korruzzjoni umana li fiha qed tgħixu u li fiha jibqa’ għaddej dan il-mod ta’ ħajja ta’ relattiviżmu, totalment relattiv, bħallikieku kollox kien leċitu. Ejjew nimxu ’l quddiem. Id-dinja għandha bżonn, għandha ħtieġa ta’ żgħażagħ qawwija, li jimxu ’l quddiem, u ta’ xjuħ għorrief. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja tal-għerf.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard