Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Wara l-mixja twila ddedikata lit-talb, illum nagħtu bidu għal ċiklu ġdid ta’ katekeżijiet. Nawgura li b’din il-mixja tat-talb, irnexxielna nitolbu xi ftit aħjar, nitolbu xi ftit iżjed. Illum nixtieq nirrifletti fuq xi temi li l-Appostlu Pawlu jipproponi fl-Ittra tiegħu lill-Galatin. Hija Ittra importanti ħafna, anzi ngħid li hi deċiżiva, mhux biss biex insiru nafu aħjar lill-Appostlu, imma fuq kollox biex inqisu xi argumenti li hu jaffronta b’mod profond, u hekk juri l-ġmiel tal-Vanġelu. F’din l-Ittra, Pawlu jagħtina ħafna riferimenti bijografiċi, li jgħinuna nifhmu l-konverżjoni tiegħu u d-deċiżjoni tiegħu li jqiegħed ħajtu għas-servizz ta’ Ġesù Kristu. Barra dan, hu jaffronta xi temi importanti ħafna għall-fidi, bħal dik tal-libertà, tal-grazzja u tal-mod kif jgħix in-Nisrani, li huma estremament attwali għax imissu tant aspetti tal-ħajja tal-Knisja fi żmienna. Din hija Ittra attwali ħafna. Donnha miktuba proprju għal żminijietna.

L-ewwel aspett li joħroġ minn din l-Ittra huwa l-opra kbira ta’ evanġelizzazzjoni li wettaq l-Appostlu, li kien żar mill-inqas darbtejn il-komunitajiet tal-Galazja tul il-vjaġġi missjunarji tiegħu. Pawlu jdur fuq l-Insara ta’ dak it-territorju. Ma nafux preċiż għal liema żona ġeografika qed jirriferi, lanqas nistgħu naffermaw b’ċertezza d-data li fiha kiteb din l-Ittra. Nafu li l-Galatin kienu poplu antik Ċeltiku li, wara ħafna avventuri, beda joqgħod f’dak ir-reġjun vast tal-Anatolja li l-belt l-aktar importanti tiegħu kienet Anċira, illum Ankara, il-kapitali tat-Turkija. Pawlu jtarrfilna biss li, minħabba xi mard, kellu jieqaf f’dak ir-reġjun (ara Gal 4:13). Imma San Luqa, fl-Atti tal-Appostli, isib motivazzjoni iżjed spiritwali. Jgħid li “qasmu mbagħad il-Friġja u l-art tal-Galazja, għax l-Ispirtu s-Santu ma ħallihomx ixandru l-kelma fl-Asja” (16:6). Iż-żewġ fatti mhumiex kontra xulxin: pjuttost jindikaw li t-triq tal-evanġelizzazzjoni ma tiddependix dejjem mir-rieda tagħna u mill-proġetti tagħna, imma titlob id-disponibbiltà li niġu ffurmati u li ngħaddu minn toroq oħra li ma kinux previsti. Fostkom hemm familja li sellmitli: qaluli li jridu jitgħallmu l-Latvjan, u ma nafx liema lingwa oħra, għax se jmorru missjunarji f’dawk l-artijiet. L-Ispirtu anki llum jieħu lil ħafna missjunarji li jħallu art twelidhom u jmorru f’art oħra biex jagħmlu missjoni. Dak li naraw, imma, hu li fl-opra ta’ evanġelizzazzjoni bla waqfien tiegħu l-Appostlu kien irnexxielu jwaqqaf diversi komunitajiet żgħar, mifruxa mar-reġjun tal-Galazja. Pawlu, meta kien jasal f’belt, f’reġjun, ma kienx imur jibni dritt katidral kbir, le. Kien joħloq il-komunitajiet żgħar li huma l-ħmira tal-kultura Nisranija tagħna tal-lum. Kien jibda billi jagħmel komunitajiet żgħar. U dawn il-komunitajiet żgħar kienu jikbru, jikbru u jibqgħu mexjin ’il quddiem. Anki llum dan il-metodu pastorali jsir f’kull reġjun missjunarju. Il-ġimgħa l-oħra rċivejt ittra mingħand missjunarju f’Papua New Guinea; qalli li qed jipprietka l-Vanġelu fil-foresta, lil nies li mank kienu jafu min hu Ġesù Kristu. Xi ġmiel! Jibdew jinbnew il-komunitajiet żgħar. Anki llum dan il-metodu huwa l-metodu tal-ewwel evanġelizzazzjoni.

Dak li importanti ninnotaw hu t-tħassib pastorali ta’ Pawlu li għandu qalbu nar iħeġġeġ. Wara li waqqaf dawn il-Knejjes, hu jintebaħ b’periklu kbir – ir-ragħaj hu bħall-missier jew l-omm li dritt jintebħu bil-perikli li jinsabu fihom uliedhom, li jħaffu jgħinuhom jikbru fil-fidi. Jikbru u jitfaċċaw il-perikli. Kif qal wieħed: “Jiġu l-avultuni biex jagħmlu ħerba mill-komunità”. Fil-fatt kienu ndiehsu fin-nofs xi Nsara li ġew mir-reliġjon Lhudija, li b’ċertu ħażen bdew jiżirgħu teoriji kuntrarji għat-tagħlim tal-Appostlu, u waslu saħansitra biex imaqdru l-persuna tiegħu. Bdew bid-duttrina “din le, din iva”, u mbagħad jiskreditaw lill-Appostlu. Din hi t-triq ta’ dejjem: tipprova tneħħi l-awtorità tal-Appostlu. Kif qed naraw, hija prattika antika din, li f’xi okkażjonijiet issib min jippreżenta ruħu bħallikieku kienu l-uniku proprjetarju tal-verità – il-puri – u jipprova jġib fix-xejn anki bil-kalunnja l-ħidma li għamel ħaddieħor. Dawn l-avversarji ta’ Pawlu sostnew li anki l-pagani kellhom jgħaddu mill-istess ċirkonċiżjoni u jgħixu skont ir-regoli tal-liġi ta’ Mosè. Reġgħu lura għall-osservanzi ta’ qabel, il-ħwejjeġ li l-Vanġelu sa issa kien diġà ssupera. Għalhekk, kienu qed jitolbu mill-Galatin li jiċħdu l-identità kulturali tagħhom biex joqogħdu għal normi, għal preskrizzjonijiet u drawwiet tipiċi tal-Lhud. Mhux hekk biss. Dawk l-avversarji kienu qed isostnu li Pawlu ma kienx veru appostlu u allura ma kellu l-ebda awtorità jipprietka l-Vanġelu. U tant drabi narawha din. Ejja naħsbu f’xi komunità Nisranija jew f’xi djoċesi: jibdew l-istejjer u mbagħad jispiċċaw jiskreditaw lill-kappillan, lill-isqof. Din hi sewwasew it-triq tal-ħażin, ta’ dawn il-persuni li jġibu l-firda, li ma jafux jibnu. U f’din l-Ittra lill-Galatin naraw din il-proċedura.

Il-Galatin sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ kriżi. X’ħa jagħmlu? Jisimgħu u jimxu wara dak li pprietkalhom Pawlu, jew jisimgħu minn dawn il-predikaturi ġodda li kienu qed jixluh? Faċli nimmaġinaw il-qagħda ta’ inċertezza li kienet qed tmexxi lil qlubhom. Għalihom, li saru jafu b’Ġesù u emmnu fl-opra tas-salvazzjoni li ġab bil-mewt u l-qawmien tiegħu, kien tabilħaqq il-bidu ta’ ħajja ġdida, ta’ ħajja ta’ libertà. Kienu qabdu mixja li biha setgħu saflaħħar ikunu ħielsa, minkejja li l-istorja tagħhom kienet minsuġa minn tant xorta ta’ jasar vjolenti, mhux b’inqas dik li kellhom joqogħdu għall-imperatur ta’ Ruma. Għalhekk, quddiem il-kritika tal-predikaturi l-ġodda, ħassewhom mifxula u inċerti fuq kif għandhom iġibu ruħhom: “Min għandu raġun? Dan Pawlu, jew dawn in-nies li issa ġew jgħallmu xort’oħra? Minn min għandi nisma’?”. Fi ftit kliem, ir-riskju kien veru kbir!

Din il-qagħda mhix tant imbiegħda mill-esperjenza li bosta Nsara qed jgħixu llum. Fil-fatt, illum ukoll m’aħniex neqsin minn predikaturi li, fuq kollox permezz tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni, jistgħu jgerfxu lill-komunitajiet. Jersqu qabelxejn mhux biex ixandru l-Vanġelu ta’ Alla li jħobb lill-bniedem f’Ġesù li miet u rxoxta, imma biex jisħqu b’insistenza, bħala l-veri “ħarriesa tal-verità” – hekk isejħu lilhom infushom –, fuq liema hu l-aħjar mod li nkunu Nsara. U bis-saħħa kollha jgħidu li l-Kristjaneżmu veru hu dak li miegħu huma marbutin huma, spiss identifikat ma’ ċerti forom tal-passat, u li s-soluzzjoni għall-kriżijiet tal-lum hi li nerġgħu lura biex ma nitilfux il-ġenwinità tal-fidi. F’kelma waħda, anki llum, bħal dak iż-żmien, hemm it-tentazzjoni li ningħalqu f’ċerti ċertezzi li ksibna fi tradizzjonijiet li għaddew. Imma kif nistgħu nagħrfuhom dawn in-nies? Ngħidu aħna, waħda mill-karatteristiċi tal-mod kif huma jimxu hi r-riġidità. Quddiem il-predikazzjoni tal-Vanġelu li jeħlisna, jagħtina l-hena, dawn jibqgħu riġidi. Dejjem bir-riġidità: trid tagħmel hekk, trid tagħmel il-ħaġa l-oħra… Ir-riġidità hi ħaġa ta’ dawn in-nies. Jekk nimxu skont it-tagħlim tal-Appostlu Pawlu fl-Ittra lill-Galatin jiswielna biex nifhmu xi triq għandna naqbdu. Dik li wriena l-Appostlu hija t-triq ħelliesa u dejjem ġdida ta’ Ġesù Msallab u Rxoxt; hija t-triq tat-tħabbira, li titwettaq bl-umiltà u l-fraternità – il-predikaturi ġodda ma jafux x’inhi l-umiltà, x’inhi l-fraternità; hija t-triq tal-fiduċja ħelwa u ubbidjenti – il-predikaturi ġodda ma jafux x’inhi l-qalb ħelwa u lanqas l-ubbidjenza. U din it-triq ħelwa u ubbidjenti tmexxina ’l quddiem fiċ-ċertezza li l-Ispirtu s-Santu jaħdem f’kull żmien fil-Knisja. Fl-aħħar nett, il-fidi fl-Ispirtu s-Santu preżenti fil-Knisja, tmexxina ’l quddiem u ssalvana.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard