Katekeżi fuq id-Dixxerniment: 4. L-elementi tad-dixxerniment. Inkunu nafu lilna nfusna

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu nħarsu lejn it-tema tad-dixxerniment. L-aħħar darba rajna kif element indispensabbli tiegħu huwa t-talb, mifhum bħala familjarità u kunfidenza ma’ Alla. It-talb, mhux bħall-pappagalli, imma bħala familjarità u kunfidenza ma’ Alla; talb tal-ulied lill-Missier; talb b’qalb miftuħa. Dan rajnieh fl-aħħar Katekeżi. Illum nixtieq, b’mod kważi kumplimentari, nagħfas fuq kif dixxerniment tajjeb jitlob ukoll l-għarfien tagħna nfusna. Nagħrfu lilna nfusna. U din mhix ħaġa ħafifa. Id-dixxerniment fil-fatt jitlobna nħaddmu l-fakultajiet umani tagħna: il-memorja, l-intellett, ir-rieda, l-emozzjonijiet. Spiss ma nafux niddixxernu għax ma nafux biżżejjed lilna nfusna, u allura ma nafux xi rridu tassew. Smajtuha kemm-il darba: “Imma dik il-persuna, għax ma tirranġax ħajjitha? Qatt ma kienet taf xi trid…”. Bla ma naslu għal dak l-estrem, imma anki lilna jiġrilna li ma nafux tajjeb xi rridu, ma nafux biżżejjed lilna nfusna.

Fil-bażi tad-dubji spiritwali u l-kriżijiet vokazzjonali mhux darba u tnejn ikun hemm nuqqas ta’ djalogu bejn il-ħajja reliġjuża u d-dimensjoni umana, konjittiva u affettiva tagħna. Awtur ta’ spiritwalità kien jinnota kif ħafna diffikultajiet fit-tema tad-dixxerniment ġejjin minn problemi oħra, li rridu nagħrfu x’inhuma u nesplorawhom. Hekk jikteb dan l-awtur: “Wasalt għall-konvinzjoni li l-ikbar xkiel għad-dixxerniment veru (u biex nikbru fit-talb) mhuwiex in-natura intanġibbli ta’ Alla, imma l-fatt li ma nafux biżżejjed lilna nfusna, u lanqas ma rridu nkunu nafu lilna nfusna kif aħna tassew. Kważi lkoll kemm aħna ninħbew wara maskra, mhux biss quddiem l-oħrajn, imma anki meta nħarsu fil-mera” (Thomas Green, Il grano e la zizzania, Roma, 1992, 25). Ilkoll tiġina t-tentazzjoni li nilbsu maskra anki magħna nfusna.

Li ninsew il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tagħna jimxi id f’id mal-injoranza dwarna nfusna – ninjoraw lil Alla u ninjoraw lilna nfusna –, injoranza dwar il-karatteristiċi tal-personalità tagħna u dwar ix-xewqat l-iżjed profondi tagħna.

Li nkunu nafu lilna nfusna mhux diffiċli, imma fih it-taħbit tiegħu: jimplika ħidma kollha sabar ta’ tħaffir ġewwieni. Jitlob il-ħila li nieqfu, li “niddiżattivaw l-awtopilota”, biex niksbu għarfien fuq il-mod kif aħna naġixxu, fuq is-sentimenti li hemm fina, fuq il-ħsibijiet li spiss jiġuna u jikkundizzjonawna, u dan spiss bla ma nintebħu. Jitlob ukoll li nagħrfu nagħżlu bejn l-emozzjonijiet u l-fakultajiet spiritwali. “Inħoss” mhuwiex l-istess bħal “jiena konvint”; “għandi aptit” mhuwiex l-istess bħal “irrid”. Hekk naslu biex nagħrfu li l-ħarsa li għandna fuqna nfusna u fuq ir-realtà xi kultant hi xi ftit mgħawġa. Hija grazzja li nintebħu b’dan! Fil-fatt, ħafna drabi jista’ jiġri li konvinzjonijiet żbaljati fuq ir-realtà, mibnija fuq l-esperjenzi tal-passat, jinfluwenzawna bil-kbir, u jillimitaw il-libertà tagħna li nirriskjaw għal dak li tassew jiswa fil-ħajja.

Nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza, jiġifieri d-drawwa tajba li nerġgħu naqraw bil-kalma dak li jseħħ fil-ġurnata tagħna… Fuq kollox nitgħallem nagħraf x’inhu dak li jaqta’ l-għatx tal-qalb tiegħi. Għax il-Mulej waħdu jista’ jagħtina l-konferma ta’ kemm niswew.

Aħna li qed ngħixu fl-era tal-informatika, nafu kemm hu importanti tkun taf il-password biex tista’ tidħol fil-programmi fejn hemm l-informazzjoni l-iżjed personali u prezzjuża. Imma anki l-ħajja spiritwali għandha l-‘passwords’ tagħha: hemm kliem li jmiss il-qalb għax jurina dak li għalih aħna l-iżjed sensibbli. It-tentatur, jiġifieri x-xitan, jafhom tajjeb dawn il-kelmiet-muftieħ, u importanti li nkunu nafuhom aħna wkoll, biex ma nsibux ruħna hemm fejn ma rridux. It-tentazzjoni mhux bilfors tissuġġerixxi ħwejjeġ ħżiena, imma spiss ħwejjeġ diżordinati, ippreżentati b’importanza eċċessiva. B’dan il-mod tipnotizzana bl-attrattiva li dawn il-ħwejjeġ iqanqlu fina, ħwejjeġ sbieħ imma illużorji, li ma jistgħux jagħtu daqkemm iwiegħdu, u hekk fl-aħħar iħalluna b’sens ta’ vojt u ta’ diqa. Dan is-sens ta’ vojt u diqa huwa sinjal li tlifna t-triq li ma kinitx tajba, li ddiżorjentatna. Jistgħu jkunu, ngħidu aħna, il-lawrja tal-istudju, il-karriera, ir-relazzjonijiet, kollha ħwejjeġ li fihom infushom huma ta’ min ifaħħarhom, imma li minnhom, jekk m’aħniex liberi, nirriskjaw li jkollna aspettattivi irreali, bħal ngħidu aħna l-konferma tal-valur tagħna. Int, ngħidu aħna, meta taħseb fi studju li qed tagħmel, taħseb fih biss biex tippromovi lilek innifsek, għall-interess tiegħek, jew anki biex taqdi lill-komunità? Hekk, nistgħu naraw liema hi l-intenzjoni vera ta’ kull wieħed u waħda minna. Minn dan l-għarfien żbaljat spiss jiġu l-ikbar tbatijiet, għax ebda waħda minn dawk il-ħwejjeġ ma tista’ tkun il-garanzija tad-dinjità tagħna.

Għalhekk, ħuti, hu importanti nkunu nafu lilna nfusna, inkunu nafu l-password tal-qalb tagħna, dak li għalih aħna l-iżjed sensibbli, biex nipproteġu lilna nfusna minn min jippreżenta ruħu bi kliem persważiv biex jimmanipulana, imma anki biex nagħrfu dak li hu tassew importanti għalina, u nagħżluh mill-moda tal-mument jew minn slogans li jiġbdu l-għajn u superfiċjali. Tant drabi dak li jingħad fi programm televiżiv, f’xi pubbliċità li ssir, imissilna qalbna u jmexxina lejn xi naħa mingħajr libertà. Attenti: jiena liberu, jew qed inħalli s-sentiment tal-mument jew il-provokazzjonijiet tal-mument ikaxkruni magħhom?

Għajnuna f’dan hu l-eżami tal-kuxjenza, imma jien m’iniex nitkellem fuq l-eżami tal-kuxjenza li kollha nagħmlu meta mmorru nqerru, le. Dan hu: “Imma jien għamilt dan jew dak id-dnub…”. Le. Eżami tal-kuxjenza ġenerali tal-ġurnata: x’ġara f’qalbi f’din il-ġurnata? “Ġraw tant affarijiet…”. Liema? Għaliex? X’ħallew fil-qalb tiegħi? c Dan jgħidhulna kuljum mis-salib: hu miet għalina, biex jurina kemm aħna prezzjużi f’għajnejh. Ma hemm ebda ostaklu jew falliment li jista’ jwaqqaf it-tħaddina ħelwa tiegħu. L-eżami tal-kuxjenza jgħinna ħafna, għax hekk nistgħu naraw li l-qalb tagħna mhijiex triq mnejn jgħaddi kollox bla ma nafu aħna. Le. Naraw: x’għadda llum? X’ġara? X’ġagħalni nirreaġixxi? X’nikkitni? X’ferraħni? X’kien hemm ikrah u jekk għamiltx deni lil ħaddieħor. Inħares lejn il-mixja tas-sentimenti, tal-ġibdiet tal-qalb tiegħi matul il-jum. Tinsewx! L-aħħar darba tkellimna fuq it-talb; illum qed nitkellmu fuq l-għarfien tagħna nfusna.

It-talb u l-għarfien tagħna nfusna jagħtuna li nikbru fil-libertà. Dan biex nikbru fil-libertà! Huma elementi bażiċi tal-ħajja Nisranija, elementi prezzjużi biex nistgħu nsibu postna fil-ħajja. Grazzi.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard