Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum, bl-għajnuna tal-Kelma ta’ Alla li smajna, niftħu passaġġ li jgħaddi mid-dgħufija tal-età anzjana, immarkata b’mod speċjali mill-esperjenzi ta’ konfużjoni u ta’ taqtigħ il-qalb, ta’ telfa u ta’ abbandun, ta’ diżillużjoni u ta’ dubju. Naturalment, l-esperjenzi tad-dgħufija tagħna, quddiem is-sitwazzjonijiet drammatiċi – f’xi waqtiet traġiċi – tal-ħajja, jistgħu jseħħu f’kull żmien tal-ħajja. Madankollu, fl-età anzjana dawn jistgħu jħallu inqas impressjoni u jwasslu biex bħal jindraw, biex ma ngħidux ukoll jibdew jagħtu fastidju. Kemm drabi smajna jew ħsibna: “Ix-xjuħ jagħtuna fastidju”. Għidnieha, ħsibnieha… L-aktar ġrieħi gravi tat-tfulija u taż-żgħożija jipprovokaw, ġustament, sens ta’ inġustizzja u ta’ ribelljoni, reazzjoni qawwija u li ġġagħlek tirreaġixxi kontra. Imma l-ġrieħi, anki gravi, tal-età anzjana inevitabbilment huma msieħba mis-sensazzjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, il-ħajja mhix qed tikkontradixxi lilha nfisha, għax diġà ġiet mgħixa. U hekk ix-xjuħ xi ftit jew wisq jiġu mbiegħda wkoll mill-esperjenza tagħna: naraw kif ħa nbegħduhom.

Fl-esperjenza umana komuni, l-imħabba – kif ngħidu – hi dixxendenti: ma tirritornax fuq il-ħajja li ħallejna wara daharna bl-istess saħħa li biha tissawwab fuq il-ħajja li għad hemm quddiemna. Anki l-gratwità tal-imħabba tidher f’dan: il-ġenituri dan jafuh sa minn dejjem, ix-xjuħ ma jdumux ma jitgħallmuh. Minkejja dan, ir-Rivelazzjoni tiftaħ triq għal restituzzjoni differenti tal-imħabba: hija t-triq li tweġġaħ lil min ġie qabilna. It-triq li tweġġaħ il-persuni li ġew qabilna tibda minn hawn: weġġaħ lill-anzjani.

Din l-imħabba speċjali li tiftaħ it-triq fl-għamla ta’ ġieħ – jiġifieri, ħlewwa u rispett fl-istess ħin – iddestinat għall-età anzjana hi ssiġillata mill-kmandament ta’ Alla. “Weġġaħ lil missierek u lil ommok” huwa impenn solenni, l-ewwel wieħed fuq it-“tieni tavla” tal-Għaxar Kmandamenti. Dan ma jmissx biss lill-missier u l-omm ta’ dak li jkun. Imiss il-ġenerazzjoni u l-ġenerazzjonijiet li ġew qabel, li t-tluq tagħhom jista’ wkoll jieħu ż-żmien u jitwal sew, hekk li joħloq żmien u spazju ta’ konvivenza fit-tul mal-faxex l-oħra tal-ħajja. Fi kliem ieħor, din hi x-xjuħija tal-ħajja.

Ġieħ hi kelma tajba biex ninkwadraw dan il-qasam ta’ restituzzjoni tal-imħabba li tmiss lill-età anzjana. Jiġifieri, aħna rċivejna l-imħabba mill-ġenituri tagħna, min-nanniet u issa aħna rroddu lura din l-imħabba lilhom, lill-anzjani, lin-nanniet. Aħna llum erġajna skoprejna t-terminu “dinjità”, biex nuru x’inhu l-valur tar-rispett u tal-għożża għall-ħajja ta’ kull persuna. Hawnhekk dinjità sostanzjalment hi bħall-ġieħ: li tweġġaħ lil missierek u ommok, tweġġaħ lill-anzjani, ifisser tagħraf li għandhom dinjità.

Ejjew naħsbu tajjeb f’din il-konjugazzjoni sabiħa tal-imħabba, jiġifieri l-ġieħ. L-istess kura tal-marid, is-sostenn ta’ min ma jistax jagħmel l-affarijiet waħdu, il-garanzija tas-sosteniment, jistgħu jonqsu mill-ġieħ. Il-ġieħ jonqos meta l-kunfidenza żejda, flok li timxi b’delikatezza u mħabba, ħlewwa u rispett, tinbidel f’guffaġni u abbuż tal-poter. Meta d-dgħufija tiġi mċanfra, u saħansitra kkastigata, bħallikieku kienet xi ħtija. Meta t-taħwid u l-konfużjoni jsiru okkażjoni għaż-żuffjett u l-vjolenza. Dan jista’ saħansitra jseħħ bejn il-ħitan tad-djar, fid-djar tal-morda u l-anzjani, kif ukoll fl-uffiċċji u fl-ispazji miftuħa tal-belt. Meta ninkuraġġixxu fiż-żgħażagħ, imqar indirettament, atteġġjament ta’ suffiċjenza – u saħansitra ta’ disprezz – lejn l-età anzjana, lejn id-dgħufijiet tagħha u l-limitazzjonijiet tagħha, dan iwassal għal ħwejjeġ tal-biża’. Jiftaħ it-triq għal eċċessi li mank timmaġinahom. Iż-żgħażagħ li jagħtu n-nar lil kutra ta’ fqir fit-triq – rajnieh dan –, għax jarawh bħala skart uman, huma  biss il-quċċata ta’ iceberg, jiġifieri tad-disprezz lejn ħajja li, bogħod mill-attrazzjonijiet u mill-impulsi taż-żgħożija, diġà tidher qisha ħajja ta’ skart. Kemm drabi naħsbu li x-xjuħ huma l-iskart u nixħtuhom aħna fl-iskart; niddisprezzaw lix-xjuħ u narmuhom minn ħajjitna, għax inwarrbuhom.

Dan id-disprezz, li jonqos lill-anzjan mill-ġieħ, fir-realtà jonqos mill-ġieħ lilna lkoll. Jekk jiena nonqos mill-ġieħ lill-anzjan, inkun nonqos mill-ġieħ lejja nnifsi. Is-silta mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, li smajna fil-bidu, hi ġustament qawwija fil-konfront ta’ min ma jagħtix dan il-ġieħ, u tgħajjat vendetta quddiem Alla. Fl-istorja ta’ Noè hemm silta ħafna espressiva f’dan ir-rigward. Ix-xwejjaħ Noè, eroj tad-dilluvju u għadu ħaddiem ħawtiel, jinsab mixħut u mitluf minn sensih wara li xorob xi tazza żejda. Diġà anzjan, imma xorob iżżejjed. Uliedu, biex ma jqajmuhx u jimbarazzawh, jgħattuh bil-ħlewwa, b’ħarsithom lejn l-art, b’rispett kbir. Dan it-test hu sabiħ wisq u jgħid ħafna dwar il-ġieħ dovut lill-anzjan; ngħattu d-dgħufijiet tal-anzjan, biex ma nġagħluhx jistħi, hija silta li tista’ tgħinna ħafna.

Minkejja l-għajnuniet materjali kollha li s-soċjetajiet l-iżjed għonja u organizzati jipprovdu biex jassistu lix-xjuħ – li bla dubju għandna għax inkunu kburin bihom –, il-ġlieda għar-restituzzjoni ta’ dik l-għamla speċjali ta’ mħabba li hija l-ġieħ, jidhirli li għadha dgħajfa u mhix tagħti l-frott tagħha. Irridu nagħmlu minn kollox, inweżnuha u ninkuraġġuha, noffru għajnuna soċjali u kulturali aħjar lil dawk li huma sensibbli għal din l-għamla deċiżiva ta’ “ċiviltà tal-imħabba”. U fuq dan, ippermettuli parir lill-ġenituri: nitlobkom, qarrbu lill-ulied, it-tfal, it-tfal żgħar lejn l-anzjani, dejjem ressquhom qrib tagħhom. U meta l-anzjan ikun marid, mar xi ftit minn moħħu, dejjem żommuhom qrib: ħa jkunu jafu li dan hu l-ġisem tagħna, li bis-saħħa tagħhom aħna issa ninsabu hawn. Nitlobkom, tbegħdux lill-anzjani. U jekk ma jifdal ebda possibbiltà oħra ħlief li tibagħtuhom f’dar tal-anzjani, nitlobkom, morru arawhom u ħudu lit-tfal iżuruhom: huma l-ġieħ taċ-ċiviltà tagħna, ix-xjuħ li fetħulna l-bibien. Għax ħafna drabi l-ulied jinsewh dan. Ħa ngħidilkom ħaġa li ġrat lili: meta kont Buenos Aires, kont nieħu pjaċir immur inżur id-djar tal-anzjani. Spiss kont immur u nżur lil kulħadd. Darba niftakar li staqsejt lil waħda: “Kemm għandek tfal?” – “Għandi erbgħa, kollha miżżewġin, bin-neputijiet”. U bdiet tkellimni fuq il-familja tagħha. “U huma jiġu jarawk?” – “Iva, dejjem jiġu!”. Xħin ħriġt mill-kamra, l-infermiera, li kienet semgħetna nitkellmu, qaltli: “Dun, dik qalet gidba biex tgħatti lil uliedha. Ilu sitt xhur ma jitfaċċa xi ħadd!”. Hekk ifisser narmu lix-xjuħ, meta naħsbu li x-xjuħ huma materjal għall-iskart. Isimgħuni: dan huwa dnub gravi. Dan huwa l-ewwel kmandament kbir, huwa l-uniku wieħed li miegħu hemm mogħti l-premju: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok, u jitwalu jiemek fuq l-art”. Dan il-kmandament ta’ ġieħ lix-xjuħ jagħtina barka, li tidher b’dan il-mod: “Ikollok ħajja twila”. Nitlobkom, ħudu ħsieb tax-xjuħ. U jekk jitilfu rashom, ħudu ħsiebhom xorta waħda, għax huma l-preżenza tal-istorja, il-preżenza tal-familja tiegħi, u grazzi għalihom jien ninsab hawn, nistgħu ngħidu lkoll kemm aħna: grazzi għalik, nannu u nanna, jiena ħaj. Nitlobkom, titilquhomx waħidhom. U din li nieħdu ħsieb tax-xjuħ, mhix kwistjoni ta’ kożmetika jew ta’ kirurġija plastika: le. Pjuttost, hi kwistjoni ta’ ġieħ, li għandha tinbidel f’edukazzjoni liż-żgħażagħ dwar il-ħajja u l-fażijiet tagħha. L-imħabba għall-umanità li hi komuni għalina kollha, u tinkludi l-ġieħ lejn il-ħajja mgħixa, mhix xi ħaġa tax-xjuħ. Pjuttost hi ambizzjoni li grazzi għaliha ż-żgħożija tista’ tidher iżjed fil-ġmiel tagħha, għax tiret mingħandhom l-aħjar kwalitajiet. L-għerf tal-Ispirtu ta’ Alla jagħtina l-enerġija li hemm bżonn biex niftħu x-xefaq ta’ din ir-rivoluzzjoni kulturali vera u proprja.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard