Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq id-dixxerniment, u b’mod partikulari fuq l-esperjenza spiritwali msejħa “konsolazzjoni”, li dwarha tkellimna l-Erbgħa li għaddiet, u nistaqsu: kif nagħrfu liema hi l-vera konsolazzjoni? Hija mistoqsija importanti ħafna għal dixxerniment tajjeb, biex ma niġux imqarrqa fit-tiftixa tal-ġid veru tagħna.

Nistgħu nsibu xi kriterji f’silta mill-Eżerċizzi spiritwali ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola. “Għandna noqogħdu attenti ħafna għax-xejra li jieħdu l-ħsibijiet tagħna – jgħid Sant’Injazju. – Jekk il-bidu, u n-nofs u t-tmiem huma kollha tajbin, u ma jwasslux ħlief għat-tajjeb minn kull naħa, dan hu sinjal li ġejjin mill-anġlu t-tajjeb. Iżda jekk il-ħsibijiet li jiġuna jiżviluppaw hekk li jispiċċaw f’xi ħaġa ħażina, jew ta’ distrazzjoni jew inqas tajba minn dak li r-ruħ kellha f’moħħha tagħmel qabel; jew inkella jispiċċaw biex idgħajfu r-ruħ, jinkwetawha, jew iħawduha u jtellfuha l-paċi, il-kalma u l-kwiet li kellha: dan hu sinjal ċar li dawk il-ħsibijiet ġejjin mill-ispirtu l-ħażin” (n. 333). Għax dan hu minnu: hemm konsolazzjoni vera, imma hemm ukoll konsolazzjonijiet li mhumiex veri. U għalhekk irridu nifhmu tajjeb il-mixja tal-konsolazzjoni: kif sejra u fejn qed teħodni? Jekk qed teħodni lejn ħaġa żbaljata, li mhijiex tajba, il-konsolazzjoni mhijiex vera, hi “finta”, biex ngħidu hekk.

U dawn huma indikazzjonijiet prezzjużi, li jimmeritaw kumment qasir. Xi jfisser li l-bidu hu orjentat lejn it-tajjeb, kif jgħid Sant’Injazju dwar konsolazzjoni tajba? Ngħidu aħna, għandi l-ħsieb li nitlob, u ninnota li miegħu hemm l-imħabba lejn il-Mulej u l-proxxmu, jistedinni nwettaq ġesti ta’ ġenerożità, ta’ karità: dan hu bidu tajjeb. Imma jista’ jiġri li dak il-ħsieb ifiġġ biex jiena nevita ħidma jew inkarigu li ġew fdati lili: kull darba li jmissni naħsel il-platti jew innaddaf id-dar, tiġini xewqa kbira li nintefa’ nitlob! Dan jiġri, fil-kunventi. Imma t-talb mhuwiex ħarba mix-xogħol tagħna, bil-maqlub, hu għajnuna biex nagħmlu dak il-ġid li aħna msejħin nagħmlu, issa u hawn. Dan dwar il-bidu.

Imbagħad hemm in-nofs: Sant’Injazju kien jgħid li l-bidu, in-nofs u t-tmiem iridu jkunu tajbin. Il-bidu hu dan: jiena nixtieq noqgħod nitlob biex ma naħsilx il-platti: mur aħsel il-platti, u mbagħad mur itlob. Imbagħad hemm in-nofs, jiġifieri dak li jiġi wara, dak li jsegwi l-ħsieb. Ejjew nerġgħu mmorru għall-eżempju ta’ qabel; jekk nibda nitlob u, kif jagħmel il-Fariżew tal-parabbola (ara Lq 18:9-14), nibda nieħu pjaċir bija nnifsi u nistmerr lill-oħrajn, forsi b’ruħ imqita u morra, allura dawn huma sinjali li l-ispirtu ħażin inqeda b’dak il-ħsieb bħala ċavetta biex jidħol f’qalbi u jgħaddili s-sentimenti tiegħu. Jekk jiena mmur nitlob u jiġini f’moħħi dak tal-Fariżej famuż – “nirringrazzjak, Mulej, għax jiena nitlob, m’iniex bħall-bqija tan-nies li ma jfittxukx, ma jitolbux” – hemm, dik it-talba ħa tispiċċa ħażin. Dik il-konsolazzjoni tat-talb qiegħda biex inħossni pagun quddiem Alla. U dan huwa n-nofs li mhuwiex tajjeb.

U mbagħad hemm it-tmiem: il-bidu, in-nofs u t-tmiem. It-tmiem hu aspett li diġà ltqajna miegħu, jiġifieri: fejn qed jeħodni ħsieb? Ngħidu aħna, fejn qed jeħodni l-ħsieb li nitlob. Ngħidu aħna, hawn jista’ jiġri li jiena nħabrek bil-kbir għal opra sabiħa u xierqa, imma dan iwassalni biex ma nibqax nitlob iżjed, għax għandi wisq x’nagħmel, niskopri li dejjem qed inkun iżjed aggressiv u naħseb ħażin, naħseb li kollox jiddependi minni, sa ma nitlef il-fiduċja f’Alla. Hawn evidentement hemm l-azzjoni tal-ispirtu ħażin. Jiena nibda nitlob, imbagħad fit-talb inħossni omnipotenti, li kollox irid ikun f’idejja għax jiena l-uniku, l-unika li taf tmexxi l-affarijiet ’il quddiem: evidentement hemmhekk ma hemmx l-ispirtu t-tajjeb. Hemm bżonn neżaminaw sew il-mixja tas-sentimenti tagħna u l-mixja tas-sentimenti tajba, tal-konsolazzjoni, meta jiena rrid nagħmel xi ħaġa. Kif inhu l-bidu, kif inhu n-nofs, u kif inhu t-tmiem. 

L-istil tal-għadu – meta nitkellmu fuq l-għadu, qed nitkellmu fuq ix-xitan, għax id-demonju jeżisti, hemm qiegħed! – l-istil tiegħu, dan nafuh, hu li jippreżenta ruħu b’mod qarrieq minn taħt, liebes maskra: jitlaq minn dak li hu l-aktar għal qalbna u mbagħad jiġbidna lejh, ftit ftit: il-ħażin jidħol bil-moħbi, mingħajr ma l-persuna tintebaħ. U maż-żmien il-ħlewwa ssir ebusija: dak il-ħsieb jibda jidher kif tassew hu.

Minn hawn toħroġ l-importanza ta’ dan l-eżami paċenzjuż imma indispensabbli tal-oriġni u tal-verità tal-ħsibijiet tagħna; din hija stedina biex nitgħallmu mill-esperjenzi, minn dak li jiġrilna, biex ma nkomplux nirrepetu l-istess żbalji. Iktar ma nkunu nafu lilna nfusna, iktar nintebħu mnejn jidħol l-ispirtu ħażin, il-passwords tiegħu liema huma, il-bibien mnejn jidħol fil-qalb tagħna, li huma l-punti li fuqhom aħna l-iżjed sensibbli, biex hekk noqogħdu attenti għalihom fil-futur. Kull wieħed u waħda minna għandu l-punti l-iżjed sensibbli, il-punti l-iżjed dgħajfa tal-personalità tiegħu jew tagħha: u minn hemm jidħol l-ispirtu ħażin u jwassalna fit-triq li mhix tajba, jew jaqlagħna mit-triq it-tajba. Immur nitlob, imma hu jrid ifixkilni mit-talb.

Eżempji nistgħu nsibu kemm irridu, meta nirriflettu fuq il-ġranet tagħna. Għalhekk hu daqshekk importanti l-eżami tal-kuxjenza ta’ kuljum: qabel ma ntemmu l-ġurnata, nieqfu xi ftit. X’ġara? Mhux fuq il-ġurnali, mhux fil-ħajja: x’ġara fil-qalb tiegħi? Il-qalb tiegħi kienet attenta? Kibret? Kienet triq fejn għadda kollox bla ma naf jien? X’ġara fil-qalb tiegħi? U dan l-eżami hu importanti, hu t-taħbit prezzjuż li nerġa’ naqra ħajti minn perspettiva partikulari. Li nintebħu b’dak li qed iseħħ huwa importanti, hu sinjal li l-grazzja ta’ Alla qed taħdem fina, u tgħinna nikbru fil-libertà u l-għarfien tagħna nfusna. Aħna m’aħniex waħidna: hu l-Ispirtu s-Santu li jinsab magħna. Naraw kif marru l-affarijiet.

Il-konsolazzjoni awtentika hi għamla ta’ konferma tal-fatt li qed nagħmlu dak li Alla jrid minna, li qed nimxu tul it-toroq tiegħu, jiġifieri fit-toroq tal-ħajja, tal-ferħ, tal-paċi. Fil-fatt, id-dixxerniment ma jiffokax sempliċiment fuq il-ġid jew fuq l-ogħla ġid possibbli, imma fuq dak li hu tajjeb għalija hawn u issa: fuq dan jiena msejjaħ nikber, u npoġġi l-limiti għal proposti oħra, attraenti imma irrealistiċi, biex ma niġix ingannat fit-tiftix, biex ma niġix ingannat fit-tiftix tal-veru ġid.

Ħuti, irridu nifhmu, nimxu ’l quddiem biex nifhmu x’qed jiġri fil-qalb tagħna. U għalhekk hemm bżonn tal-eżami tal-kuxjenza, biex naraw x’ġara llum. “Illum irrabjajt hemmhekk, ma għamiltx dan…”: imma għaliex? Li mmorru lil hemm mill-għaliex ifisser infittxu l-għeruq ta’ dawn l-iżbalji. “Imma llum kont ferħan, iddejjaqt għax kelli ngħin lil dawk in-nies, imma fl-aħħar ħassejtni mimli, mimli għax tajt l-għajnuna”: u hemm l-Ispirtu s-Santu. Nitgħallmu naqraw fil-ktieb tal-qalb tagħna x’ġara matul il-ġurnata. Agħmluha, żewġ minuti biss, imma tagħmlilkom tajjeb, niżgurakom.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard