Il-Papa kien il-mistieden ta’ Fabio Fazio waqt il-programm Che Tempo Che Fa fuq Rai 3 il-Ħadd filgħaxija

Il-Papa Franġisku tkellem fit-tul dwar l-effetti li qed tħalli l-kultura tal-indifferenza fid-dinja tal-lum. Qal li konsegwenza ta’ din l-indifferenza, il-gwerer jiġu qabel il-bnedmin, inkluż dawk fil-bżonn bħalma huma l-immigranti u l-foqra.

Il-Papa kien il-mistieden ta’ Fabio Fazio waqt il-programm Che Tempo Che Fa fuq Rai 3 il-Ħadd filgħaxija.  

Dwar l-immigrazzjoni l-Papa Franġisku qal li dak li qed jiġri fil-Libja huwa illegali. Spjega kif l-immigranti qed jieħdu riskju kbir biex jaqsmu l-Meditteran, biex imbagħad jispiċċaw jintbagħtu lura minn pajjiżi li ma jaċċettawx li jidħlu f’port sigur, bil-konsegwenza li wħud minn dawn il-persuni jispiċċaw imutu. 

Il-Papa qal ukoll li kull pajjiż għandu jgħid kemm jiflaħ jilqa’ immigranti, u l-Unjoni Ewropea għandha tgħin biex jintlaħaq ftehim f’dan ir-rigward. L-immigrant, qal il-Papa, għandu dejjem jiġi milqugħ, akkumpanjat u integrat fis-soċjetà.   

L-aggressività tal-bniedem

Waqt li tkellem dwar diversi pjagi soċjali, il-Papa Franġisku semma iż-żieda ta’ suwiċidji fost iż-żgħażagħ u l-problema tal-bullying fl-iskejjel. Qal li l-bullying huwa riżultat ta’ aggressività moħbija li hija problema soċjali li trid tiġi indirizzata bl-edukazzjoni. Spjega kif l-aggressività distruttiva tibda bil-kliem, b’mod speċjali biz-zekzik li jispiċċa jeqred l-identità tal-persuna l-oħra.

Il-Papa appella biex persuna jew iżżomm fiha jew titkellem direttament mal-persuna l-oħra, u mhux izzekzek u tgħid minn wara daharha għax minn hemm tibda l-firda u l-gwerra.

Il-gwerer saru l-prijorità

Meta tkellem dwar il-gwerer il-Papa Franġisku semma l-kunflitt fil-Yemen fejn minkejja li anke t-tfal ilhom ibatu għal snin twal, sal-lum ma nstabet l-ebda soluzzjoni għal din il-kriżi. 

Il-Papa qal li l-flus li jintefqu għall-produzzjoni tal-armi f’sena waħda huma biżżejjed biex il-persuni kollha tad-dinja jingħataw x’jieklu. B’diqa kbira qal li dan iżda huwa sekondarju għaliex fir-realtà l-prijorità qed tingħata lill-gwerra: dik ideoloġika, tal-poter bl-użu tal-armi u dik kummerċjali fejn wieħed irid javvanza akkost ta’ kollox. 

Il-Papa ddeskriva l-gwerra bħala dik l-azzjoni li tmur kontra l-ħolqien.

Il-viċinanza tal-ġenituri ma’ wliedhom

Il-Papa Franġisku appella lill-ġenituri biex ikunu viċin uliedhom, u dan billi jqattgħu ħin magħhom u jilgħabu magħhom. Qal li s-soċjetà tipprova tbiegħed lill-ġenituri minn uliedhom tant li uħud jitilqu mid-dar kmieni meta t-tfal ikunu għadhom reqdin u jiġu lura tard meta jkunu reqdin. 

Anke meta t-tfal jikbru u fil-ħajja jiżbaljaw, ir-rwol tal-ġenituri hu li jkunu viċin uliedhom, qal il-Papa. Spjega r-relazzjoni tal-ġenituri ma’ wliedhom bħala waħda ta’ kompliċità fejn huma jikbru flimkien. 

Dwar il-maħfra, il-Papa qal li kull bniedem għandu d-dritt li jinħafirlu dak li għamel wara li jitlob maħfra.

Sors: Newsbook.com.mt