Għeżież ħuti,

Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn Alla għall-impenn li bih il-Knisja kollha għexet ix-Xahar Missjunarju Straordinarju matul Ottubru li għadda. Konvint li t-triq indikata permezz tat-tema: “Mgħammda u mibgħuta: Il-Knisja ta’ Kristu f’missjoni fid-dinja” għenet biex titqanqal konverżjoni missjunarja f’ħafna komunitajiet. 

F’din is-sena mmarkata mit-tbatija u l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija ta’ covid-19, il-mixja missjunarja tal-Knisja tkompli fid-dawl tal-kelma li nsibu fir-rakkont  dwar is-sejħa tal-profeta Isaija: «Hawn jien, ibgħat lili» (Is 6,8). Din hi tweġiba dejjem ġdida għal meta il-Mulej jistaqsi: «Lil min nibgħat?» (ibid.). Din is-sejħa ġejja mill-qalb tal-Mulej, mill-ħniena tiegħu li fil-kriżi dinjija ta’ bħalissa tisfida lill-Knisja kif ukoll lill-umanità. «Bħad-dixxipli tal-Vanġelu, ir-riefnu qawwi li ma konniex qed nistennewh qabadna fuq sieq waħda. Intbaħna li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, ilkoll dgħajfa u mifxula, imma fl-istess waqt importanti u meħtieġa, ilkoll imsejħin nibqgħu flimkien, ilkoll fil-bżonn li nfarrġu lil xulxin. Fuq din id-dgħajsa… ninsabu lkoll kemm aħna. Bħal dawk id-dixxipli, li jitkellmu b’vuċi waħda u kollhom imbeżżgħa jgħidu: “Se nintilfu” (v. 38), hekk ukoll aħna ntbaħna li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin kulħadd għal rasu, imma flimkien biss nistgħu naslu» (Meditazzjoni fi Pjazza San Pietru, 27 ta’ Marzu 2020). Tassew li aħna mwerwra, mifxula, imbeżża’. It-tbatija u l-mewt juruna d-dgħufija umana tagħna; imma fl-istess ħin ifakkruna fix-xewqa qawwija għall-ħajja u għall-ħelsien mill-ħażen. F’dan il-kuntest, is-sejħa għall-missjoni, l-istedina biex noħorġu minna nfusna għall-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, tidher bħala opportunità ta’ kondiviżjoni, servizz, interċessjoni. Il-missjoni li Alla jafda lil kull wieħed minna twassalna biex ngħaddu minn jien imbeżża’ u magħluq fija nnifsi għal jien li nsib lili nnifsi u niġġedded għax ningħata għall-oħrajn.

Fis-sagrifiċċju tas-salib, fejn Ġesù temm il-missjoni tiegħu (ara Ġw 19,28-30), Alla juri mħabbtu għal kull wieħed minna u għal kulħadd (ara Ġw 19,26-27). U jitlob lilna personalment biex inkunu lesti li Hu jibgħatna, għaliex Hu Mħabba, imħabba li hi dejjem f’missjoni, dejjem lesta li toħroġ biex tagħti l-ħajja. Alla Missier bagħat lil Ibnu Ġesù għax iħobbna (ara Ġw 3,16). Ġesù hu l-Missjunarju tal-Missier: il-ħajja u l-ministeru tiegħu juru l-ubbidjenza sħiħa tiegħu għar-rieda tal-Missier (ara Ġw 4,34; 6,38; 8,12-30; Lhud10,5-10). Ġesù, li ssallab u qam mill-mewt għalina l-bnedmin, jiġbidna lejn il-missjoni tiegħu ta’ mħabba u bl-Ispirtu tiegħu, li jagħti l-ħajja lill-Knisja, jagħmilna ta’ Kristu u jibgħatna f’missjoni lejn id-dinja u l-ġnus.

«Il-missjoni, “Knisja li toħroġ” mhumiex programm, intenzjoni li titwettaq bi sforz ta’ rieda. Huwa Kristu li jwassal il-Knisja biex toħroġ minnha nnifisha. Fil-missjoni tat-tħabbira tal-Evanġelju, int tagħmel dan għax l-Ispirtu jqanqlek u jwasslek » (Senza di Lui non possiamo far nulla, LEV-San Paolo, 2019, 16-17). Hu dejjem Alla li jagħmel l-ewwel pass ta’ mħabba lejna u permezz ta’ din l-imħabba hu jiltaqa’ magħna u jsejħilna. Is-sejħa personali tagħna tiġi mill-fatt li aħna wlied Alla fil-Knisja, li aħna l-familja tiegħu, aħwa f’dik l-imħabba li Ġesù tana xhieda tagħha. Iżda kull bniedem għandu dinjità bbażata fuq is-sejħa divina li nkunu wlied Alla, li nsiru dak li sa minn dejjem konna fil-qalb t’Alla, permezz tas-sagrament tal-Magħmudija u tal-libertà tal-fidi.

Aħna rċevejna l-ħajja b’mod gratwit u f’dan ġa hemm b’mod impliċitu l-istedina biex nidħlu fid-dinamika tad-don tagħna nfusna: żerriegħa li fl-imgħammdin tieħu forma matura bħala tweġiba ta’ mħabba fiż-żwieġ u fil-verġnità għas-Saltna t’Alla. Il-ħajja umana titwieled mill-imħabba t’Alla, tikber fl-imħabba u għandha t-tendenza għall-imħabba. Ħadd ma jitħalla barra mill-imħabba t’Alla, u fis-sagrifiċċju qaddis ta’ Ibnu Ġesù fuq is-salib, Alla rebaħ id-dnub u l-mewt (ara Rum 8,31-39) Għal Alla, il-ħażen – saħansitra d-dnub – isir sfida ta’ mħabba u mħabba li hi dejjem aktar kbira (ara Mt 5,38-48; Lq 23,33-34). Għalhekk, fil-Misteru tal-Għid, il-ħniena divina tfejjaq il-ġerħa oriġinali tal-umanità u tasal għand il-ħolqien kollu. Il-Knisja, sagrament universali tal-imħabba t’Alla għad-dinja, tkompli l-missjoni ta’ Ġesù fl-istorja u tibgħatna kullimkien sabiex permezz tax-xhieda tal-fidi tagħna u t-tħabbira tal-Evanġelju, Alla jkompli juri mħabbtu u jkun jista’ jmiss u jibdel il-qalb, il-moħħ, il-ġisem, is-soċjetà u l-kultura f’kull post u f’kull żmien.

Il-missjoni hi tweġiba għas-sejħa t’Alla li wieħed jagħtiha b’mod konxju u ħieles. Iżda din is-sejħa nindunaw biha biss meta ngħixu rabta personali ta’ mħabba ma’ Ġesù ħaj fil-Knisja tiegħu. Nistaqsu lilna nfusna: lesti li nilqgħu l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna, li nisimgħu s-sejħa għall-missjoni kemm fit-triq taż-żwieġ, f’dik tal-verġnità kkonsagrata jew saċerdozju ordinat, u anki fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum? Lesti li nkunu mibgħuta kullimkien biex nagħtu xhieda tal-fidi tagħna f’Alla Missier kollu ħniena, inxandru l-Aħbar tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu, naqsmu l-ħajja divina tal-Ispirtu s-Santu u nibnu l-Knisja? Lesti li bħal Marija Omm Ġesù naqdu r-rieda t’Alla bla ebda riżervi (ara Lq 1,38)? Din id-disponibbiltà interjuri hi importanti ħafna biex inkunu nistgħu nwieġbu lil Alla u ngħidulu: “Hawn jien Mulej, ibgħat lili” (ara Is 6,8).  U dan mhux b’mod astratt, imma fil-Knisja u fl-istorja llum.

Li nifhmu dak li Alla qed jgħidilna f’dan iż-żmien tal-pandemija hi sfida anki għall-missjoni tal-Knisja. Il-mard, it-tbatija, il-biża’, l-iżolament huma sfida. Il-faqar ta’ min qed imut waħdu, ta’ min hu abbandunat, ta’ min tilef ix-xogħol u s-salarju, ta’ min m’għandux dar u ikel, qed ipoġġi quddiemna mistoqsija. Il-fatt li qed inkunu obbligati nżommu ‘l bogħod minn xulxin u nibqgħu d-dar, qed jistedinna niskopru mill-ġdid il-ħtieġa tar-relazzjonijiet soċjali u anki dik tar-relazzjoni komunitarja ma’ Alla. Din is-sitwazzjoni mhux biss għandna tbiegħdna milli nżidu d-diffidenza u l-indifferenza, imma għandna tagħmilna aktar attenti għar-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn. U t-talb li permezz tiegħu Alla jmiss u jċaqlaq lil qlubna, għandu jagħmilna aktar miftuħa għall-ħtieġa ta’ mħabba, dinjità u libertà li għandhomħutna l-bnedmin, kif ukoll għall-ħarsien ta’ kollu kemm hu l-ħolqien. Il-fatt li ma stajniex inkunu flimkien biex niċċelebraw l-Ewkaristija bħala Knisja, wriena dak li jgħixu ħafna komunitajiet insara li ma jistgħux jiċċelebraw il-Quddiesa kull nhar ta’ Ħadd. U hawnhekk mill-ġdid, Alla jagħmlilna il-mistoqsija: “Lil min nibgħat?” u jistenna t-tweġiba ġeneruża u konvinta: “Hawn jien, ibgħat lili!” (Is 6,8). Alla jkompli jfittex lil dawk li jista’ jibgħathom fid-dinja u fost il-ġnus biex jagħtu xhieda ta’ mħabbtu, tal-fidwa tiegħu mid-dnub u mill-mewt, tal-ħelsien mill-ħażen (ara Mt 9,35-38; Lq 10,1-12).

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġurnata Missjunarja Dinjija hi wkoll okkażjoni biex mill-ġdid nisħqu fuq kif it-talb, ir-riflessjoni u l-għajnuna materjali tagħkom huma opportunità biex tieħdu sehem attiv fil-missjoni ta’ Ġesù fil-Knisja tiegħu. L-għan tal-ġbir li jsir waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tat-tielet Ħadd ta’ Ottubru u li permezz tiegħu turu l-imħabba tagħkom hu li jsostni l-ħidma missjunarja li ssir f’ismi mill-Opri Missjunarji Pontifiċji biex tingħata l-għajnuna spiritwali u materjali lill-popli u lill-Knejjes fid-dinja kollha, għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.

Jalla Marija, il-Verġni Mbierka, Kewkba tal-evanġelizzazzjoni u Faraġ tal-imnikktin, dixxipla missjunarja ta’ Binha Ġesù, tkompli tidħol għalina u ssostnina.

Ruma, San Ġwann fil-Lateran, 31 ta’ Mejju 2020, is-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin

Sors: Laikos