Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Biex nimxu mal-linja tal-Katekiżmu, f’din il-katekeżi nitkellmu dwar l-esperjenza li ngħixu fit-talb, u nfittxu nuru xi diffikultajiet komuni ħafna li nsibu, li tajjeb nidentifikawhom u negħlbuhom. Li titlob mhix ħaġa faċli: hemm ħafna diffikultajiet li jitfaċċaw fit-talb. Tajjeb li nkunu nafuhom, nindividwawhom u negħlbuhom.

L-ewwel problema li jsib ma’ wiċċu min jitlob hi d-distrazzjoni (ara KKK, 2729). Tibda titlob u mbagħad il-ħsieb jiġri, jiġri mad-dinja kollha; qalbek tkun hemm, u moħħok band’oħra… id-distrazzjoni fit-talb. It-talb spiss jgħix spalla ma’ spalla mad-distrazzjoni. Fil-fatt, il-moħħ tal-bniedem isibha bi tqila jieqaf fit-tul fuq ħsieb wieħed biss. Kollha ngħaddu minnu dan it-taqlib kontinwu ta’ xbihat u ta’ illużjonijiet f’ċaqliq bla waqfien, li mqar fl-irqad jibqa’ magħna. U lkoll nafu li mhux sewwa tibqa’ tiġri wara din l-inklinazzjoni diżordinata.

Il-ġlieda tagħna biex inżommu kontroll u konċentrazzjoni mhix biss fit-talb. Jekk ma nilħqux grad għoli biżżejjed ta’ konċentrazzjoni lanqas nistgħu nistudjaw b’mod li jħalli l-frott u lanqas nistgħu naħdmu tajjeb. L-atleti jafu li l-kompetizzjonijiet ma jirbħuhomx biss bit-taħriġ fiżiku imma wkoll bid-dixxiplina mentali: fuq kollox bil-ħila li jibqgħu kkonċentrati u attenti.

Id-distrazzjonijiet ma jġibux ħtija magħhom, imma rridu nirbħulhom. Fil-wirt tal-fidi tagħna hemm virtù li spiss ninsewha, imma li hi preżenti ħafna fil-Vanġelu. Tissejjaħ “sahra”. U Ġesù jgħidha ħafna: “Ishru. Itolbu”. Il-Katekiżmu dan isemmih b’mod ċar fl-istruzzjoni tiegħu dwar it-talb (ara n. 2730). Spiss Ġesù jfakkar lid-dixxipli fid-dmir li jgħixu ħajja sobrja, imdawla mill-ħsieb li jum wieħed għad jerġa’ jiġi, bħal għarus fit-tieġ jew sid minn vjaġġ. Imma la ma nafux la l-jum u lanqas is-siegħa meta ġej lura, il-minuti kollha ta’ ħajjitna huma prezzjużi u ma rridux nitilfuhom f’distrazzjonijiet. F’ħin li ma nafuhx għad jidwi l-leħen tal-Mulej: f’dak il-jum, henjin dawk il-qaddejja li jsibhom jaħdmu, għadhom ikkonċentrati fuq dak li jiswa tabilħaqq. Ma ntilfux jiġru wara kull ħaġa li tiġbed l-attenzjoni tal-ħsieb tagħhom, imma fittxew li jimxu fit-triq it-tajba, jagħmlu t-tajjeb u jwettqu l-ħidma tagħhom. Din hi d-distrazzjoni: li l-immaġinazzjoni tiġri, tiġri, tiġri… Santa Tereża din l-immaġinazzjoni li tiġri u tiġri fit-talb kienet issejħilha “l-miġnuna tad-dar”: hi bħal miġnuna li ġġerrik, iddawrek ’l hawn u ’l hemm… Hemm bżonn inwaqqfuha u nsakkruha, bl-attenzjoni tagħna.

Iż-żmien tan-nixfa jixraqlu diskors differenti. Il-Katekiżmu jfissru b’dan il-mod: “Il-qalb qisha ma tħossx, ma titqanqalx quddiem il-ħsibijiet, it-tifkiriet u s-sentimenti spiritwali. Dan ikun il-waqt tal-fidi safja li tintrabat ma’ Ġesù fil-lejl tal-agunija u tal-qabar” (n. 2731). In-nixfa ġġagħalna naħsbu fil-Ġimgħa l-Kbira, fil-lejl u f’Sibt il-Għid, il-jum kollu: Ġesù mhuwiex hemm, qiegħed fil-qabar; Ġesù miet: ninsabu waħidna. U dan huwa l-ħsieb-omm tan-nixfa. Spiss ma nkunux nafu liema huma r-raġunijiet għal din in-nixfa: jista’ jiddependi minna nfusna, imma anki minn Alla, li jippermetti ċerti sitwazzjonijiet tal-ħajja esterjuri jew interjuri. Jew, xi drabi, jista’ jkun uġigħ ta’ ras jew nifs tqil li jżommok milli titlob. Spiss ma nkunux nafuha sew ir-raġuni. L-imgħallma spiritwali jfissru l-esperjenza tal-fidi bħala żmien alternat bejn faraġ u deżolazzjoni; jiġu mumenti fejn kollox hu ħafif, waqt li oħrajn ikunu mmarkati minn toqol kbir. Ħafna drabi, meta niltaqgħu ma’ ħabib, ngħidulu: “Kif int?” – “Illum ma tantx inħossni sew”. Ħafna drabi ma nkunux sew, jiġifieri ma jkollniex sentimenti, ma jkollniex faraġ, ma nkunux nafu kif sa naslu sal-aħħar. Huma dawk il-ġranet griżi… u jkollna ħafna minnhom, ħafna, fil-ħajja! Imma l-periklu hu li jkollna qalbna griża: meta li “ma nkunux sew” jasal sal-qalb u jmarradha… u hemm nies li jgħixu b’qalb griża u mudlama. X’ħaġa terribbli: ma tistax titlob, ma tistax tħoss il-faraġ meta qalbek hi griża! Għax ma tistax iġġorr din in-nixfa spiritwali b’qalb mudlama. Il-qalb trid tkun miftuħa u mdawla, biex jidħol fiha d-dawl tal-Mulej. U jekk ma jidħolx, hemm bżonn nistennew bit-tama. Imma ma nagħlqux qalbna fid-dlam.

Imbagħad ħaġa differenti hu l-għażż, difett ieħor, vizzju ieħor, li hu tentazzjoni vera u proprja kontra t-talb u, b’mod iktar ġenerali, kontra l-ħajja Nisranija. L-għażż hu “sura ta’ depressjoni, ta’ qtigħ il-qalb, li jkun ġej għax illaxkajna fl-axxetika, għax inqasna li nishru kif imiss, għax ma għassisniex biżżejjed lil qalbna” (KKK, 2733). Hu wieħed mis-seba’ “vizzji kapitali” għax, minfuħ bil-preżunzjoni, jista’ jwassal għall-mewt tar-ruħ.

X’għandna nagħmlu, mela, meta nsibu ruħna f’dan iċ-ċiklu ta’ ħeġġa u telqa? Hemm bżonn nitgħallmu nimxu dejjem. Il-veru progress tal-ħajja spiritwali mhux qiegħed f’kemm ikollna estasi, imma f’li nkunu kapaċi nipperseveraw fiż-żminijiet ibsin: imxi, imxi, imxi… U jekk tegħja, ieqaf għal ftit u erġa’ ibda miexi. Imma b’perseveranza. Niftakruha l-parabbola ta’ San Franġisk fuq il-ferħ perfett: il-bravura ta’ patri ma titkejjilx mill-grazzji infiniti li qattru fuqu mis-Sema, imma minn kemm jibqa’ miexi u ma jaqtax qalbu, anki meta ma jirrikonoxxuhx, anki meta jittrattawh ħażin, anki meta kollox ikun tilef il-gost tal-bidu. Irridu nitgħallmu ngħidu: “Imqar jekk int, Alla tiegħi, donnok qed tagħmel minn kollox biex jien nieqaf nemmen fik, jien xorta sa nibqa’ nitolbok”. Dawk li jemmnu ma jieqfu qatt jitolbu! Din xi kultant tista’ tidher tixbah lil dik ta’ Ġob, li ma jniżżilhiex li Alla qed jittrattah inġustament, jipprotesta u jsejjaħlu għall-ħaqq. Imma, ħafna drabi, anki li nipprotestaw quddiem Alla hu mod kif nitolbu jew, kif qaltli dik ix-xwejħa, “li nirrabjaw ma’ Alla wkoll hu mod kif nitolbu”, għax tant drabi l-iben jirrabja ma’ missieru: hu mod ta’ relazzjoni mal-missier; għax jagħraf fih “missier”, hu jirrabja…

U aħna wkoll, li aħna ħafna inqas qaddisin u paċenzjużi minn Ġob, nafu li fl-aħħar, fi tmiem dan iż-żmien ta’ deżolazzjoni, li fih inkunu għollejna lejn is-Sema karbiet muti u tant “għaliex?”, Alla se jweġibna. La tinsewx it-talba “għaliex?”: hija t-talba li jagħmlu t-tfal meta jibdew ma jifhmux l-affarijiet, u l-psikologi jsejħulha “l-età tal-għaliex”, għax it-tifel jistaqsi lil missieru: “Pa, dan għaliex…? Pa, għaliex…? Pa, għaliex…?”. Imma attenti: it-tifel ma jismagħhiex it-tweġiba ta’ missieru. Missieru jibda jwieġbu u t-tifel jiġi b’għaliex ieħor. Irid sempliċiment jiġbed fuqu l-ħarsa ta’ missieru; u meta aħna nirrabjaw xi ftit ma’ Alla u nibdew nistaqsu għaliex, inkunu niġbdu l-qalb ta’ Missierna lejn il-miżerja tagħna, lejn id-diffikultà tagħna, lejn il-ħajja tagħna. Imma iva, ħa jkollkom il-kuraġġ li lil Alla tgħidulu: “Imma għaliex…?”. Għax xi drabi, li nirrabjaw xi ftit jagħmlilna tajjeb, għax jgħinna nqajmu din ir-relazzjoni ta’ iben u Missier, ta’ bint u Missier, li aħna għandu jkollna ma’ Alla. U anki l-espressjonijiet l-aktar ibsin u morri tagħna, hu jilqagħhom bl-imħabba ta’ missier, u jqismhom bħala att ta’ fidi, bħala talba.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard