Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bil-katekeżi fuq it-talb, billi nimmeditaw il-misteru tal-Ħolqien. Il-ħajja, is-sempliċi fatt li neżistu, tiftaħ il-qalb tal-bniedem għat-talb.

L-ewwel paġna tal-Bibbja tixbah lil innu kbir ta’ ringrazzjament. Ir-rakkont tal-Ħolqien għandu ritmi ta’ ritornelli, fejn kontinwament naqraw imtennija t-tjieba u l-ġmiel ta’ kull ħaġa li teżisti. Alla, bil-kelma tiegħu, isejjaħ għall-ħajja, u kull ħaġa tibda teżisti. Bil-kelma tiegħu jifred id-dawl mid-dlam, jagħżel il-jum mil-lejl, jalterna bejn l-istaġuni, jiftaħ paletta ta’ lwien bil-firxa tal-pjanti u tal-annimali. F’din il-foresta mimlija li malajr ixxejjen il-kaos, fl-aħħar nett jasal il-bniedem. U din id-dehra tipprovoka hena mill-ikbar li jżid is-sodsifazzjon u l-ferħ: “U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31). Ħaġa tajba, imma anki sabiħa: ra l-ġmiel tal-Ħolqien kollu!

Il-ġmiel u l-misteru tal-Ħolqien inisslu fil-qalb tal-bniedem l-ewwel ċaqliqa li tqanqal il-qalb (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2566). Hekk jgħid it-tmien Salm, li għadna kemm smajna fil-bidu: “Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih?” (vv. 4-5). Min jitlob, jikkontempla l-misteru tal-ħajja madwaru, jara s-sema mimli kwiekeb mifrux fuqu – u li l-astrofiżika llum turina fl-immensità kollu tiegħu – u jistaqsi liema pjan ta’ mħabba hemm moħbi wara opra hekk imponenti!… U, f’din il-firxa bla tarf, x’inhuwa l-bniedem? “Kważi xejn”, jgħid Salm ieħor (ara 89:48): essri li jitwieled, essri li jmut, ħlejqa mill-aktar dgħajfa. U safrattant, fl-univers kollu, il-bniedem huwa l-unika ħlejqa li tista’ tagħraf dan il-kobor ta’ ġmiel kollu. Ħlejqa ċkejkna li titwieled, tmut, illum hawn u għadha mhix, hija l-unika waħda li tagħraf dan il-ġmiel. Aħna konxji minn dan il-ġmiel!

It-talb tal-bniedem hu marbut mill-qrib mas-sentiment tal-istagħġib. Il-kobor tal-bniedem huwa ċkejken ħafna li kellek tqabblu mal-qisien tal-univers. L-ikbar konkwisti tiegħu jidhru fraka żgħira… Imma l-bniedem mhuwiex xejn. Fit-talb joħroġ qawwi sentiment ta’ ħniena. Xejn ma jeżisti kif ġie ġie: is-sigriet tal-univers qiegħed f’ħarsa ta’ tjieba ta’ xi ħadd li taħbat ma’ dik ta’ għajnejna. Is-Salm jistqarr li aħna maħluqa ftit inqas minn Alla, u aħna inkurunati bil-glorja u l-ġieħ (ara 8:6). Ir-relazzjoni ma’ Alla hija l-kobor tal-bniedem: l-intronizzazzjoni tiegħu. Min-natura tagħna aħna m’aħna kważi xejn, żgħar, imma b’vokazzjoni, b’sejħa, aħna wlied is-Sultan il-kbir!

Hija esperjenza li ħafna minna daquha. Jekk ħajjitna, bl-imrar kollu tagħha, xi drabi tirriskja li tifga fina d-don tat-talb, biżżejjed il-kontemplazzjoni ta’ sema mimli kwiekeb, tax-xemx nieżla, ta’ warda…, biex terġa’ tqabbad mill-ġdid ix-xrara tar-radd il-ħajr. Din l-esperjenza forsi hi fil-bażi tal-ewwel paġna tal-Bibbja.

Meta nġabar ir-rakkont kbir bibliku tal-Ħolqien, il-poplu ta’ Iżrael ma kienx għaddej minn jiem sbieħ ħafna. Għadu qawwi kien okkupa l-art; ħafna kienu ġew eżiljati, u issa kienu lsiera fil-Mesopotamja. Ma kienx fadal iżjed patrija, lanqas tempju, lanqas ħajja soċjali u reliġjuża, xejn.

Imma, ibda sewwasew mir-rakkont kbir tal-Ħolqien, xi ħadd beda jerġa’ jsib ir-raġunijiet biex huma jroddu ħajr, ifaħħru lil Alla tal-ħajja. It-talb hu l-ewwel qawwa tat-tama. Int titlob, u t-tama tikber, tħares ’il quddiem. Jiena ngħid li t-talb jiftaħ il-bieb għat-tama. It-tama hemm tkun, imma bit-talb tiegħi nkun niftħilha l-bieb. Għax in-nies ta’ talb iħarsu fihom il-veritajiet ewlenin; huma dawk li jtennu, qabelxejn lilhom infushom u mbagħad lill-oħrajn kollha, li din il-ħajja, minkejja t-taħbit u t-tiġrib kollu tagħha, minkejja l-jiem ibsin tagħha, hi mimlija bi grazzja li għaliha wieħed għandu jistagħġeb. U bħala tali dejjem għandha tiġi mħarsa u protetta.

Dawk li jitolbu jafu li t-tama hi aqwa mill-qtigħ il-qalb. Jemmnu li l-imħabba hi aktar b’saħħitha mill-mewt, u li bla dubju jum wieħed għad tittrijonfa, imqar jekk fi żminijiet u b’modi li aħna ma nafuhomx. Dawk li jitolbu għandhom jilmaw fuq wiċċhom leħħiet ta’ dawl: għax, anki fil-jiem l-aktar mudlama, ix-xemx mhix ħa tieqaf iddawwalhom. It-talb idawlek: idawwallek ruħek, idawwallek qalbek u jdawwallek wiċċek. Imqar fl-aktar żminijiet mudlama, imqar fiż-żminijiet tal-ikbar uġigħ.

Aħna lkoll inġorru fina l-ferħ. Qatt ħsibtuh dan? Int iġġorr fik il-ferħ? Jew tippreferi twassal aħbarijiet koroh, ħwejjeġ li jnikktu? Ilkoll kapaċi nġorru l-ferħ. Din il-ħajja hija d-don li tana Alla: u hi qasira wisq biex inqattgħuha fid-dwejjaq, fl-imrar. Ejjew infaħħru lil Alla, kuntenti sempliċiment li neżistu. Inħarsu lejn l-univers, inħarsu lejn il-ġmiel u nħarsu wkoll lejn is-slaleb tagħna u ngħidu: “Imma int teżisti, int għamiltna hekk, għalik”. Hemm bżonn li qalbna ma jkollhiex kwiet fiha sakemm trodd ħajr u tfaħħar lil Alla. Aħna wlied is-Sultan il-kbir, il-Ħallieq, kapaċi naqraw il-firma tiegħu fil-ħolqien kollu; dan il-ħolqien li llum aħna m’aħniex nieħdu ħsiebu, imma f’dan il-ħolqien hemm il-firma ta’ Alla li għamlu bi mħabba. Il-Mulej dan jurihulna dejjem iżjed fil-fond u jwassalna biex ngħidu “grazzi”: u dik il-“grazzi” hija talba sabiħa.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard