Il-Papa Franġisku qed ibati minn “infezzjoni respiratorja li teħtieġ xi jiem ta’ kura medika adattata fl-isptar.”

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħabbar dan illejla fi stqarrija ppublikata fit-8:30pm.

Intqal li minn testijiet li sarulu waranofsinhar fl-isptar Ġemelli ta’ Ruma, ġie eskluż li l-Papa seta’ kellu l-Covid 19.

L-istqarrija tkompli li “l-Papa lmenta minn diffikultajiet fin-nifs tul il-jiem li għaddew u llum wara nofsinhar iddaħħal l-isptar biex isirulu t-testijiet meħtieġa.

Temmet tgħid li l-Papa “apprezza mmens il-ħafna messaġġi li waslulu u esprima gratitudni għal kemm in-nies kienu qrib tiegħu u qed jitolbu għalih.”

F’messaġġ fuq Twitter, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li t-talb tagħna bħalissa huwa mal-Papa Franġisku. Hu awguralu fejqan ta’ malajr.

Kif inhi l-prassi, il-Papa Franġisku, li għandu 86 sena, mexxa l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa filgħodu fi Pjazza San Pietru.

Rapporti fil-mezzi tax-xandir internazzjonali qalu li wara l-messaġġ li l-Papa se jżur l-isptar, tħabbar li tħassru l-appuntamenti kollha li kellu għall-Ħamis filgħodu.

Mezzi tax-xandir Taljani qalu li filwaqt li l-Papa deher tajjeb fl-Udjenza ta’ filgħodu, huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza wara li sofra minn problemi fin-nifs u f’qalbu.

Il-Papa ibati minn uġigħ kroniku fl-irkoppa u diġà rċieva kura għaliha fil-passat.

Dan ix-xahar il-Papa qed ifakkar l-10 sena tiegħu fit-tmexxija tal-Knisja.

Sors: Newsbook.com.mt