Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-kriżi li qed ngħixu minħabba l-pandemija qed tolqot lil kulħadd; minnha nistgħu noħorġu aħjar jekk infittxu flimkien il-ġid komuni; inkella, agħar milli aħna se noħorġu. B’xorti ħażina, qed naraw ħerġin l-interessi ta’ parti jew oħra. Ngħidu aħna, hemm min irid jaħtaf taħt idejh soluzzjonijiet possibbli, bħal fil-każ tal-vaċċini, u mbagħad ibigħhom lill-oħrajn. Xi wħud qed japprofittaw mis-sitwazzjoni biex irewħu firdiet: biex ifittxu vantaġġi ekonomiċi jew politiċi, u hekk joħolqu jew iżidu l-kunflitti. Oħrajn sempliċiment ma jinteressahomx mit-tbatija ta’ ħaddieħor, jibqgħu għaddejjin fuq triqthom (ara Lq 10:30-32). Huma d-devoti ta’ Ponzju Pilatu, jaħslu jdejhom. 

It-tweġiba Nisranija għall-pandemija u għall-kriżijiet soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw minnha tissejjes fuq l-imħabba, qabelxejn l-imħabba ta’ Alla li dejjem tiġi qabilna (ara 1 Ġw 4:19). Hu li jħobbna l-ewwel, hu dejjem jasal qabilna fl-imħabba u fis-soluzzjonijiet. Hu jħobbna bla ebda kundizzjoni, u meta nilqgħu din l-imħabba divina, allura nistgħu nwieġbu b’mod simili. Inħobb mhux biss lil min iħobbni: il-familja tiegħi, ħbiebi, il-grupp tiegħi, imma anki lil dawk li ma jħobbunix, inħobb anki lil dawk li ma jafunix, inħobb anki lil dawk li huma barranin, u anki lil dawk li jġagħluni nbati u li nqishom għedewwa tiegħi (ara Mt 5:44). Dan hu l-għerf Nisrani, dan hu l-atteġġjament ta’ Ġesù. U l-ogħla punt tal-qdusija, biex ngħidu hekk, hu li tħobb lill-għedewwa tiegħek, u mhix ħaġa ħafifa. Bla dubju, li tħobb lil kulħadd, inklużi l-għedewwa, diffiċli – jien insejħilha arti! Imma arti li tista’ titgħallem u ttejjeb. L-imħabba vera, li tagħmilna għammiela u ħielsa, hi dejjem ħaġa li titwessa’ u tinkludi. Din l-imħabba tikkura, tfejjaq u tagħmel il-ġid. Ħafna drabi tagħmel iktar ġid żegħila minn ħafna argumenti, żegħila ta’ maħfra u mhux tant argumenti biex niddefendu ruħna. Hija l-imħabba inklużiva li tfejjaq.

Għalhekk, l-imħabba ma tillimitax ruħha għar-relazzjonijiet bejn żewġ persuni jew tlieta, jew il-ħbieb, jew il-familja, imma tmur lil hemm. Tiġbor ir-relazzjonijiet ċiviċi u politiċi (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1907-1912), inkluża r-relazzjoni man-natura (Enċiklika Laudato si’, 231). Ladarba aħna essri soċjali u politiċi, waħda mill-ogħla espressjonijiet ta’ mħabba hija proprju dik soċjali u politika, deċiżiva għall-iżvilupp uman u biex naffrotaw kull xorta ta’ kriżi (ibid., 231). Nafu li l-imħabba tagħmel lill-familji u l-ħbiberiji iktar għammiela; imma tajjeb niftakru li tagħmel għammiela wkoll ir-relazzjonijiet soċjali, kulturali, ekonomiċi u politiċi, u tgħinna nibnu “ċiviltà tal-imħabba”, kif kien iħobb isejħilha San Pawlu VI, u, fuq il-passi tiegħu, San Ġwanni Pawlu II. Mingħajr din l-ispirazzjoni, tirbaħ il-kultura tal-egoiżmu, tal-indifferenza, tal-iskart, jiġifieri narmi dak li ma nħobbx, dak li ma nistax inħobb jew lil dawk li jidhruli bla siwi fis-soċjetà. Illum jiena u dieħel kien hemm koppja li qaltli: “Itlob għalina għax għandna tifel b’diżabbiltà”. Jien staqsejthom: “Kemm għandu żmien?”. “Ħafna”. “U x’tagħmlu?”. “Aħna nakkumpanjawh, ngħinuh”. Dawn il-ġenituri taw ħajjithom kollha għal binhom b’diżabbiltà. Din hi l-imħabba. U l-għedewwa, l-avversarji politiċi, fil-fehma tagħna, qishom persuni b’diżabbiltà politika u soċjali, imma qishom. Alla biss jaf jekk humiex jew le. Imma aħna jeħtieġ inħobbuhom, jeħtieġ niddjalogaw, jeħtieġ nibnu din iċ-ċiviltà tal-imħabba, din iċ-ċiviltà politika, soċjali, tal-għaqda tal-umanità kollha. Dan kollu hu bil-maqlub tal-gwerer, il-firdiet, l-għira, anki tal-ġlied fil-familja. L-imħabba inklużiva hi soċjali, hi familjari, hi politika: l-imħabba tinkludi kollox!

Il-Coronavirus jurina li l-veru ġid għal kull persuna hu l-ġid komuni u mhux biss dak individwali u, viċiversa, il-ġid komuni hu ġid veru għall-persuna (ara KKK, 1905-1906). Jekk persuna tfittex biss il-ġid tagħha, tkun egoista. U jekk il-persuna tkun iżjed persuna, meta l-ġid tagħha tiftħu għal kulħadd, tkun taqsmu. Is-saħħa, barra li hi individwali, hi wkoll ġid pubbliku. Soċjetà sana hi dik li tieħu ħsieb tas-saħħa ta’ kulħadd.

Virus li ma jafx b’ħitan, fruntieri jew distinzjonijiet kulturali u politiċi għandu jiġi affrontat bi mħabba mingħajr ħitan, fruntieri jew distinzjonijiet. Din l-imħabba tista’ tnissel strutturi soċjali li jinkuraġġuna biex naqsmu pjuttost milli nikkompetu, li jippermettulna ninkludu l-iżjed vulnerabbli u mhux narmuhom, u li jgħinuna nesprimu l-aħjar tal-umanità tagħna u mhux l-agħar. L-imħabba vera ma tafx x’inhi l-kultura tal-iskart, ma tafx x’inhi. Fil-fatt, meta nħobbu u nnisslu l-kreattività, meta nnisslu fiduċja u solidarjetà, hemm joħorġu inizjattivi konkreti għall-ġid komuni. U dan jgħodd sew fuq il-livell tal-komunitajiet żgħar u kbar, sew fuq il-livell internazzjonali. Dak li jsir fil-familja, dak li jsir fil-post fejn ngħixu, dak li jsir fir-raħal, dak li jsir fil-belt kbira u internazzjonalment hu l-istess ħaġa: hi l-istess żerriegħa li tikber u tagħti l-frott. Jekk fil-familja, fil-post fejn toqgħod int tibda bl-għira, bit-tilwim, fl-aħħar tinqala’ “gwerra”. Imma, jekk int tibda bl-imħabba, taqsam l-imħabba, il-maħfra, allura jkun hemm l-imħabba u l-maħfra għal kulħadd. 

Bil-maqlub, jekk is-soluzzjonijiet għall-pandemija jġorru l-marka tal-egoiżmu, ikunx ta’ persuni, negozji jew nazzjonijiet, forsi nistgħu noħorġu mill-Coronavirus, imma żgur mhux mill-kriżi umana u soċjali li l-virus kixef u aċċentwa. Għalhekk, attenti biex ma tibnux fuq ir-ramel (ara Mt 7:21-27)! Biex nibnu soċjetà sana, inklużiva, ġusta u paċifika, dan jeħtieġ nagħmluh fuq il-blata tal-ġid komuni. Il-ġid komuni huwa blata. U dan hu xogħolna lkoll kemm aħna, mhux biss ta’ xi speċjalista. San Tumas ta’ Aquino kien jgħid li l-promozzjoni tal-ġid komuni hija dmir ta’ ġustizzja li jaqa’ fuq kull ċittadin. Kull ċittadin hu responsabbli għall-ġid komuni. U għall-Insara hija wkoll missjoni. Kif jgħallem Sant’Injazju ta’ Loyola, li norjentaw l-isforzi tagħna ta’ kuljum lejn il-ġid komuni hu mod kif nilqgħu u nxerrdu l-glorja ta’ Alla.

B’xorti ħażina, il-politika spiss m’għandhiex fama tajba, u nafu għaliex. Dan ma jfissirx li l-politiċi huma kollha ħżiena, le, ma rridx ngħid hekk. Qed ngħid biss li b’xorti ħażina l-politika spiss ma tgawdix fama tajba. Imma ma rridux nirrassenjaw ruħna għal din il-viżjoni negattiva, imma rridu nirreaġixxu billi nuru bil-fatti li hi possibbli, anzi, doveruża politika tajba, dik li tqiegħed fiċ-ċentru l-persuna umana u l-ġid komuni. Jekk intom taqraw l-istorja tal-umanità se ssibu tant politiċi qaddisin li mxew din it-triq. Dan hu possibbli skont kemm kull ċittadin u, b’mod partikulari, min jassumi impenji u karigi soċjali u politiċi, iniżżel l-għeruq tal-imġiba tiegħu fil-prinċipji etiċi u jimlieha bl-imħabba soċjali u politika. L-Insara, b’mod partikulari l-fidili lajċi, huma msejħin jagħtu xhieda tajba ta’ dan u dan jistgħu jagħmluh grazzi għall-virtù tal-imħabba, billi jikkultivaw id-dimensjoni soċjali intrinsika li hemm fiha. 

Wasal, għalhekk, iż-żmien li nkattru l-imħabba soċjali tagħna – nixtieq nisħaq fuq dan: l-imħabba soċjali tagħna –, billi ngħinu lil kulħadd, ibda miċ-ċokon tagħna. Il-ġid komuni jitlob is-sehem ta’ kulħadd. Jekk kulħadd ipoġġi tiegħu, u jekk ħadd ma jitħalla barra, nistgħu nerġgħu nagħtu l-ħajja lil relazzjonijiet tajbin fuq livell komunitarju, nazzjonali, internazzjonali u anki f’armonija mal-ambjent (ara LS, 236). Hekk fil-ġesti tagħna, anki dawk l-iżjed umli, tidher xi ħaġa mix-xbieha ta’ Alla li nġorru fina, għax Alla hu Trinità, Alla hu mħabba. Din hi l-isbaħ definizzjoni ta’ Alla fil-Bibbja. Jagħtihielna l-Appostlu Ġwanni, li Ġesù tant kien iħobb: Alla huwa mħabba. Bl-għajnuna tiegħu, nistgħu nfejqu d-dinja billi naħdmu lkoll flimkien għall-ġid komuni, mhux biss għall-ġid tagħna nfusna, imma għall-ġid komuni, ta’ kulħadd. 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard