Pope blesses families

Il-Papa Benedittu XVI appella sabiex tingħata l-għajnuna lill-familji mill-Istat sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-missjoni tagħhom li jgħaddu l-valuri lit-tfal u ż-żgħażagħ. Huwa għamel dan l-appell meta kien qed jilqa’ f’udjenza lill-ambaxxatur il-ġdid ta’ Andorra għas-Santa Sede, Miquel Angel Canturri Montanya.

“Fil-pajjiżi u bejn il-popli, l-għaqda hi possibbli. Il-kreattivita ġuridika u r-rieda tajba jippermettu biex għadd ta’ problemi jiġu solvuti u jintleħaq il-qbil li jkun ferm mixtieq”, kompla jgħid il-Kap tal-Knisja Kattolika. Huwa ssokta jinkoraġixxi l-promozzjoni tas-solidarjeta li qal li importanti għaliha hi wkoll l-edukazzjoni taż-żgħażagħ.

Irrispettivament mil-livell ta’ responsabbilta li wieħed iġorr fis-soċjeta, il-Papa inkoraġixxa iżjed kreattivita f’dan ix-xenarju sabiex isir investiment fil-mezzi kollha li għal issa u għall-ġenerazzjonijiet futuri jistgħu jissarrfu f’għajnuna lill-familji, il-bażi tas-soċjeta.