Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI beda jieħu sehem fl-eżerċizzi spiritwali ta’ żmien ir-Randan, kif inhi t-tradizzjoni li jsir f’daż-żmien tas-sena.

Qabel ma talab it-talba tal-Angelus fl-aħħar udjenza pubblika tiegħu fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan qabel l-eżerċizzi, il-Kap tal-Knisja Kattolika fisser l-interpretazzjoni tiegħu dwar il-vjaġġ tar-Randan permezz tal-liturġija li tippreżenta lil Ġesu ttentat mix-xitan fid-deżert.

“Huwa evidenti li hemm insistenza dwar il-fatt li t-tentazzjonijiet tax-xitan ma kinux aċċidentali imma l-konsegwenza tal-għażla li għamel Ġesu nnifsu biex iwettaq il-missjoni li afdalu l-Missier. Kristu ġie fid-dinja biex jeħles lilna lkoll mid-dnub u mill-periklu li nippjanaw ħajjitna mingħajr Alla”, qal il-Papa.

Kompla : “Ġesu għadda din l-esperjenza mhux bi proklamazzjonijiet ta’ barra minn hawn, imma billi hu nnifsu issielet kontra t-tentatur tiegħu sas-salib li fuqu stess sallbuh. Ġesu nnifsu jgħidilna li qatt ma għandna niddubitaw f’Alla u lanqas qatt ma għandna nesperimentaw b’Alla, biex mingħalina nippruvaw d-divinita tiegħu. Għandna nemmnu fih!”

Filwaqt li rrefera mill-ġdid għall-Iskrittura, il-Papa qal li jekk il-bniedem jgħożż il-Kelma t’Alla u jgħixha, ikollu l-fidi sħiħa f’Alla u jkun kapaċi jirbaħ kull tentazzjoni.

Għaldaqstant, il-Papa żied jgħid li r-Randan jista’ jitqies bħala rtir twil “li matulu kulħadd idur lejn innifsu u jisma l-vuċi t’Alla li għandha tissupera dik tax-xitan li jittenta lill-bniedem bla waqfien”.

Wara li l-bniedem jidħol fih innifsu f’daż-żmien, Benedittu XVI temm jgħid li jkun “imiss iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid fil-verita, il-mument li fih wieħed iġedded il-wegħdiet tal-magħmudija tiegħu”.

Il-Papa temm jesprimi t-tama tiegħu li “l-Madonna tgħinna lkoll biex imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu ngħixu dan il-mument ta’ grazzja b’ferħ.”