Pope in audience

Il-Papa Benedittu XVI awgura suċċess fit-taħditiet dwar il-klima li se jiftħu t-Tnejn f’Durban fl-Afrika t’Isfel. Meta kien qed jindirizza lill-ġemgħa miġbura għat-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru, Benedittu XVI esprima t-tama tiegħu “li l-membri kollha tal-komunita internazzjonali jilħqu qbil fuq reazzjoni responsabbli u kredibbli għall-fenomenu tal-bidla fil-klima”, li ddeskriva bħala wieħed “kumpless”.

Il-Papa appella wkoll lill-mexxejja internazzjonali involuti fit-taħditiet sabiex ir-risposta li jfittxu u possibbilment jaqblu fuqha tkun konformi mal-ispirtu ta’ solidarjeta, b’attenzjoni u sensittivita partikolari man-nies li jbatu l-iktar mill-faqar, flimkien mal-ġenerazzjonijiet li għadhom ġejjin.

L-appell tal-Kap tal-Knisja Kattolika wasal wara r-riflessjoni li soltu jaqsam ma’ dawk preżenti fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, qabel ir-reċita tal-Angelus. Din il-ġimgħa, fl-okkażjoni ta’ ftuħ iż-Żmien tal-Avvent, bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, il-Papa tkellem dwar dan l-istaġun liturġiku ġdid u t-tħejjija spiritwali ferm importanti għalih. Ħeġġeġ sabiex wieħed jipprepara għat-twelid ta’ Ġesu Bambin permezz tat-talb. Fi kliemu, “it-talb jgħinna nitħejjew biex nilqgħu lil Ġesu, li hu Alla fostna”.

L-Avvent hu ż-żmien ta’ tħejjija għall-festa tat-twelid tal-Messija.