“Il-Knisja Kattolika li hi persegwitata fiċ-Ċina, teħtieġ u jixirqilha t-talb tal-kattoliċi madwar id-dinja kollha”, qal il-Papa Benedittu XVI. “Hemm, bħal kullimkien, Kristu qed jgħix il-passjoni tiegħu” minħabba restrizzjonijiet imposti mill-Gvern u pressjonijiet fuq il-Knisja. Fi tmiem l-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa, il-Kap tal-Knisja Kattolika ħeġġeġ biex il-kattoliċi josservaw il-jum iddedikat lil Madonna Għajnuna tal-Insara, fl-24 ta’ Mejju, bħala jum ta’ talb għall-kattoliċi fiċ-Ċina. Dan il-jum ta’ talb stabbilih il-Papa Benedittu fl-2007 meta kiteb ittra lill-kattoliċi fiċ-Ċina u li fiha kien elenka mezzi li bihom wieħed seta’ jippromwovi għaqda ikbar bejn dawk li jeżerċitaw il-fidi b’mod klandestin, u dawk li jipparteċipaw f’komunitajiet imħarsa mill-Assoċjazzjoni Kattolika Patrijottika Ċiniża appoġġjata mill-Gvern.

Papa Ratsinger kompla jgħid li “il-kattoliċi Ċiniżi, kif qalu kemm il-darba, jixtiequ l-għaqda mal-Knisja Universali, mal-mexxej supreme, is-suċċessur ta’ Pietru”. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Komunista taċ-Ċina dejjem insista fuq kontroll sħiħ tal-komunita kattolika tal-pajjiż, b’kundizzjonijiet stabbiliti ta’ kif jinżammu r-rabtiet mal-Vatikan, partikolarment fejn jirrigwarda l-affarijiet interni tal-pajjiż. “Bit-talb tagħna nistgħu nirsistu biex il-Knisja fiċ-Ċina tibqa’ waħda qaddisa, kattolika u fidila lejn id-duttrina u l-qafas ta’ ordni ekkleżjali”.