Pope during his last Audience

Waqt il-quddiesa tal-għeluq tal-Assemblea Speċjali għal-Lvant Nofsani tas-Sinodu tal-Isqfijiet, kif ukoll fil-messaġġ tiegħu qabel it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan,  il-Papa Benedittu XVI ħabbar li l-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss fl-2012 se tiffoka fuq it-tema ‘L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida għat-trasmissjoni tal-Fidi Nisranija’.

Filwaqt li nnota l-għeluq tas-Sinodu tal-Lvant Nofsani, li ffoka fuq it-tema ‘Komunjoni u Xiehda’, il-Papa fakkar ukoll il-Ġurnata Missjunarja bit-tema ‘Il-bini tal-komunjoni ekkleżjali bħala pediment għall-Missjoni’. Appella biex wieħed jara s-similaritajiet bejn iż-żewġ temi.

“Iż-żewġ temi jistednuna inħarsu lejn il-Knisja bħala misteru tal-komunjoni, li min-natura tagħha, hi destinata għall-persuna sħiħa u l-poplu kollu”, qal il-Papa. Żied li wieħed mill-predeċessuri tiegħu, Papa Pawlu VI, kien qal li l-Knisja teżisti biex tevanġelizza, għall-predikazzjoni u t-tagħlim, biex tgħaddi l-grazzja t’Alla lill-oħrajn, tirrikonċilja lill-midneb ma’ Alla, u biex tamministra s-sagrifiċċju tal-quddiesa”.

Il-Papa rrifletta dwar l-irwol missjunarju tal-Knisja, mhux biex tinġieb xi rivoluzzjoni, iżda biex isseħħ il-bidla meħtieġa b’qawwa ġejja minn Ġesu li jsostniha bil-Kelma tiegħu  u bil-Ġisem Imqaddes tiegħu fl-Ewkaristija.