Pope Francis praying

Waqt quddiesa f’Casa Santa Marta fil-Vatikan, il-Papa Franġisku qal li talb umli, kuraġġuż u intens jista’ verament iwassal għal miraklu. Imnebbaħ mill-vanġelu li jirrakkonta kif id-dixxipli naqsu milli jagħmlu miraklu, b’Ġesu jċanfar in-nuqqas ta’ fidi, il-Papa jfakkar fil-kliem li ‘kollox possibbli għal min għandu l-fidi’. Il-Papa jistaqsi għaliex in-nuqqas ta’ fidi u jkompli jgħid li jaħseb li dan jiġri meta wieħed ma jiftaħx qalbu u meta qalb il-bniedem tkun trid il-kontroll ta’ kollox u allura ma tkunx tista’ tagħti lil Ġesu dak il-kontroll. Żied li kull wieħed u waħda minna għandna nuqqas ta’ fidi fina u għalhekk meħtieġ it-talb qawwi, umli, li jiftaħ spazju lil Ġesu biex iwettaq il-miraklu. Kompla li t-talb għal azzjoni straordinarja, jew miraklu, għandu jkun talb li jgħaqqadna flimkien.

Fi kliem Franġisku, il-mirakli jsiru pero hu meħtieġ talb perseveranti u kuraġġuż bħal ma nsibu f’personaġġi bħal Abraham u Mose fl-Antik Testment. Il-Papa ħeġġeġ biex kull individwu jdur lejn il-Mulej jitolbu u jgħidlu: ‘Mulej, jiena nemmen, għinni fejn ma nemminx’