Pope with poor

Il-Papa f’attivita speċjali, stieden madwar 250 persuna fqira sabiex jingħaqdu miegħu għal Ikla wara l-Milied, bl-ikel ivarja minn għaġin fil-forn, għal laħam tal-vitella u kejk. F’din l-okkażjonima naqasx milli jikkundanna l-attakki ġodda madwar id-dinja kollha fuq dawk li jemmnu.

Jingħaqdu mal-Kap tal-Knisja u l-mistiedna tiegħu kienu wkoll madwar 250 soru, seminarista  u saċerdot mill-Missjonijiet tal-Karita, Ordni mwaqqfa minn Madre Tereża ta’ Kalkutta. Is-sena li għaddiet, il-Papa vjaġġa hu biex ngħaqad mal-foqra għall-ikel, filwaqt li did-darba stedinhom hu.

Qabel l-ikla, il-Papa wassal il-messaġġ tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd qabel it-talba tal-Angelus mit-tieqa tal-istudju tiegħu fuq Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Ikkundanna l-attakki partikolarment f’Jum il-Milied fuq dawk kollha li jemmnu, f’pajjiżi bħall-Filippini, in-Niġerja u l-Pakistan. Għal darb’oħra qal li “d-dinja ċċappset bid-demm” meta waqt il-quddiesa tal-Milied bomba splodiet fin-nofsinhar tal-Filippini u ħalliet saċerdot u għaxra feruti; attakki minn membri ta’ setta Musulmana fit-tramuntana tan-Niġerja ħallew sitt persuni mejta…bomba suwiċidja fil-Pakistan ħalliet 45 persuna mejta.

Il-Papa ta l-kondoljanzi lil dawk li ġarrbu telfiet ta’ nies qribhom,u kkundanna l-vjolenza li sejħilha assurda. Appella mill-ġdid biex titwarrab il-mibgħeda i jinstabu s-soluzzjonijiet tal-kunflitti. Qal li dan ikun jiggarantixxi li l-popli jgħixu fil-paċi u s-sigurta”.

Il-Papa temm ifakkar li l-Ħadd ta’ fuq il-Milied, soltu titfakkar b’attenzjoni il-familja, bil-lenti tiffoka fuq il-Familja Mqaddsa. Waqt li ssottolinea r-rifjut tiegħu għaż-żwieġ bejn l-omosesswali u anki għall-abort, il-Kap tal-Kattoliċi enfasizza li kull tifel u tifla jistħoqqilhom omm u missier li jkunu jħobbuhom u li jkunu jilqgħuhom b’rigal minn Alla. Fi kliemu “huwa dan li jagħti s-sigurta lit-tfal waqt li jkunu qed jikbru, li jgħinhom jiskopru s-sens tal-ħajja”.