Pope praying

Il-Papa Benedittu XVI matul ix-xahar ta’ Awissu se jkun qed jitlob għal dawk li jinsabu bla dar u bla xogħol, kif ukoll għal kull min jinsab fi ħtieġa urġenti ta’ xi ħaġa.

L-Appostolatura ta’ Talb tal-Papa ħabbret l-intenzjonijiet li huwa għażel għax-xahar t’Awwissu.

L-intenzjoni ġenerali tat-talb tiegħu se tiffoka fuq dawk kollha “li huma mingħajr impjieg jew mingħajr dar jew fil-bżonn sabiex isibu min jifhimhom u jsibu wkoll għajnuna konkreta sabiex jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom”.

Il-Papa jagħżel bħal ma jagħmel kull xahar intenzjoni missjunarja għat-talb tiegħu. Matul Awwissu se jitlob “sabiex il-Knisja tkun ‘id-dar’ għall-popli kollha, lesta li tiftaħ il-bibien tagħha għal kull min qed ibati minn diskriminazzjoni razzjali jew reliġjuża, u għal kull min qed ibati mill-ġuħ u mill-gwerer, bil-konsegwenza li dawn ikollhom saħansitra jħallu pajjiżhom”.