• Matul l-indirizz tiegħu ta’ nhar il-Ħadd li għadda, il-Papa Frnaġisku talab fuq il-ħelsien ta’ dawk is-saċerdoti u r-reliġjużi li huma maqbuda bħala ostaġġi fis-Sirja. Il-Papa qal, “jalla l-Mulej tal-Ħniena jmiss qalb min ħatafhom”. Huwa wkoll ftakar fil-martri żgħażagħ li mietu matul il-Gwerra Ċivili Spanjola li ġew ibbeatifikati f’Burgos, fi Spanja nhar is-Sibt li għadda. 
     

    Il-Messaġġ tal-Papa Franġisku

    Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni ġubilari, ħsiebi jmur b’mod partikolari lejkom, adolexxenti.  Ġejtu mill-Italja u minn bosta nħawi tad-dinja biex tgħixu mumenti ta’ fidi u ferħ fratern.  Grazzi tax-xhieda tagħkom ferrieħa u storbjuża.  Ibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-kuraġġ!
    Ilbieraħ, f’Burgos, fi Spanja, ġew dikjarati beati is-saċerdot Valentin Palencia Marquina u erba’ sħabu martri, żgħażagħ li nqatlu minħabba l-fidi tagħhom fil-gwerra ċivili Spanjola.  Infaħħru lill-Mulej għal dawn ix-xhieda kuraġġużi, u bl-interċessjoni tagħhom nitolbuh bil-ħerqa biex jeħles lid-dinja minn kull vjolenza.
    Inħoss dejjem tbaqbaq fija l-preokkupazzjoni għal ħutna isqfijiet, saċerdoti, Kattoliċi u Ortodossi, li nħatfu żmien ilu fis-Sirja.  Alla tal-Ħniena jmiss qalb min ħatafhom u lil dawn ħutna jtihom li bla dewmien jinħelsu biex fl-aħħar ikun jistgħu jerġgħu lura fi ħdan il-komunitajiet tagħhom.  Għaldaqstant nistedinkom ilkoll biex titolbu, mingħajr ma tinsew lill-persuni l-oħra li jinsabu maħtufin madwar id-dinja.
    Nafdaw dak kollu li naspiraw għalih flimkien mat-tamiet tagħna fl-interċessjoni ta’ Marija, Omm i-Ħniena.
    [Wara l-barka:]
    Għeżież adolexxenti li ċċelebrajtu l-Ġublew: issa morru lura lejn djarkom bil-ferħ tal-identità Nisranija tagħkom.  Weqfin, b’raskom merfugħa, u bil-karta tal-identità tagħkom f’idejkom u fi qlubkom!  Jalla l-Mulej ikun dejjem magħkom.  U, jekk jgħoġobkom, itolbu għalija wkoll!  Grazzi
     
    Traduzzjoni: Joe Huber