Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-pandemija qed tkompli tikkawża ġrieħi qawwija u tikxef il-vulnerabbiltajiet tagħna. Ħafna huma l-mejta, ħafna ħafna l-morda, fil-kontinenti kollha. Tant persuni u tant familji għaddejjin minn żmien ta’ inċertezza, minħabba fil-problemi soċjo-ekonomiċi, li jolqtu b’mod speċjali lill-foqra.

Għalhekk irridu nżommu ħarsitna mwaqqfa tajjeb fuq Ġesù (ara Lhud 12:2) u b’din il-fidi nħaddnu t-tama tas-Saltna ta’ Alla li Ġesù nnifsu jġibilna (ara Mk 1:5; Mt 4:17; KKK, 2816). Saltna ta’ fejqan u ta’ salvazzjoni li diġà tinsab f’nofsna (ara Lq 10:11). Saltna ta’ ġustizzja u ta’ paċi li tidher f’opri ta’ karità, li min-naħa tagħhom ikabbru t-tama u jqawwu l-fidi (ara 1 Kor 13:13). Fit-tradizzjoni Nisranija, fidi, tama u mħabba huma ħafna iżjed minn sentimenti jew atteġġjamenti. Huma virtujiet imsawba fina mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu (ara KKK, 1812-1813): doni li jfejquna u jagħmluna persuni li kapaċi nfejqu oħrajn, doni li jiftħuna għal ixfqa ġodda, imqar aħna u nbaħħru qalb l-ilmijiet qalila ta’ żmienna.

Laqgħa ġdida mal-Vanġelu tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba tistedinna għal spirtu kreattiv u mġedded. B’dan il-mod, inkunu kapaċi nibdlu l-għeruq tal-mard fiżiku, spiritwali u soċjali tagħna. Inkunu nistgħu nfejqu fil-fond nett tagħhom l-istrutturi inġusti u l-prattiċi qerrieda li jifirduna minn xulxin, u jheddu l-familja umana u l-pjaneta tagħna.

Il-ministeru ta’ Ġesù joffrilna ħafna eżempji ta’ fejqan. Meta jfejjaq lil dawk milquta mill-mard (ara Mk 1:29-34), mill-ġdiem (ara Mk 1:40-45), mill-paraliżi (ara Mk 2:1-12); meta jrodd lura d-dawl (ara Mk 8:22-26; Ġw 9:1-7), il-kelma jew is-smigħ (ara Mk 7:31-37), fir-realtà jkun ifejjaq mhux biss il-ħsara fiżika, imma l-persuna sħiħa. Hekk ireġġagħha wkoll lura fil-komunità, imfejqa; jeħlisha mill-iżolament tagħha għax ifejjaqha.

Ejjew naħsbu fir-rakkont ħelu tal-fejqan tal-mifluġ f’Kafarnahum (ara Mk 2:1-12), li smajna fil-bidu tal-udjenza. Waqt li Ġesù kien qed jipprietka fid-daħla tad-dar, erbat irġiel ġabulu lill-ħabib magħtub tagħhom; ma setgħux jidħlu, għax kien hemm folla kbira, u allura għamlu toqba fis-saqaf u niżżlu l-friex quddiemu huwa u jipprietka. “Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: ‘Ibni, dnubietek maħfura’” (v. 5). U mbagħad, bħala sinjal li jidher, żied: “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek” (v. 11).

X’eżempju mill-isbaħ ta’ fejqan! L-azzjoni ta’ Kristu hi tweġiba diretta għall-fidi ta’ dawk il-persuni, għat-tama li jqiegħdu fih, għall-imħabba li juru li għandhom lejn xulxin. U għalhekk Ġesù jagħti l-fejqan, imma ma jfejjaqx sempliċiment il-paraliżi, ifejjaq kollox, jaħfer id-dnubiet, iġedded il-ħajja tal-mifluġ u ta’ sħabu. Jagħti twelid ġdid, biex ngħidu hekk. Fejqan fiżiku u spiritwali, kollox flimkien, frott ta’ laqgħa personali u soċjali. Nistgħu nimmaġinaw kif din il-ħbiberija, u l-fidi ta’ dawk kollha preżenti f’dik id-dar, kibru grazzi għal dan il-ġest ta’ Ġesù. Il-laqgħa ma’ Ġesù li tfejjaq!

U hawn nistaqsu lilna nfusna: b’liema mod nistgħu ngħinu biex infejqu d-dinja tagħna, illum? Bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù, li hu tabib tar-ruħ u tal-ġisem, aħna msejħin nissoktaw “il-ħidma tiegħu ta’ fejqan u ta’ salvazzjoni” (KKK, 1421) f’sens fiżiku, soċjali u spiritwali.

Il-Knisja, imqar jekk tamministra l-grazzja ta’ Kristu li tfejjaq permezz tas-Sagramenti, u mqar jekk tipprovdi servizzi tas-saħħa fl-irkejjen l-aktar imbiegħda tal-pjaneta, mhijiex xi esperta fil-prevenzjoni jew fil-kura tal-pandemija. U lanqas tagħti indikazzjonijiet soċjo-politiċi speċifiċi (ara San Pawlu VI, Ittra appostolika Octogesima adveniens, 14 ta’ Mejju 1971, 4). Dan hu xogħol il-mexxejja politiċi u soċjali. Madankollu, mal-medda tas-sekli, u fid-dawl tal-Vanġelu, il-Knisja żviluppat xi prinċipji li huma fundamentali (ara Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 160-208), prinċipji li jistgħu jgħinuna nimxu ’l quddiem, biex inħejju l-futur li tant għandna bżonn. Se nsemmi dawk prinċipali, strettament marbuta bejniethom: il-prinċipju tad-dinjità tal-persuna, il-prinċipju tal-ġid komuni, il-prinċipju tal-għażla preferenzjali tal-foqra, il-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid, il-prinċipju tas-solidarjetà, il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-prinċipju tal-għożża għad-dar komuni tagħna. Dawn il-prinċipji jgħinu lill-mexxejja, ir-responsabbli tas-soċjetà biex iseddqu t-tkabbir u anki, bħal f’dan il-każ tal-pandemija, il-fejqan tat-tessut personali u soċjali. Dawn il-prinċipji kollha jesprimu, b’modi diversi, il-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.

Fil-ġimgħat li ġejjin, nistedinkom naffrontaw flimkien il-kwistjonijiet li qed jagħfsu fuqna u li l-pandemija ħarġet għad-dawl, fuq kollox il-mard soċjali. U dan se nagħmluh għad-dawl tal-Vanġelu, tal-virtujiet teologali u tal-prinċipji tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Se nesploraw flimkien kif it-tradizzjoni soċjali Kattolika tagħna tista’ tgħin lill-familja tal-bnedmin tfejjaq lil din id-dinja li qed tbati minn mard serju. Hi xewqa tiegħi li nirriflettu u naħdmu lkoll flimkien, bħala dixxipli ta’ Ġesù li jfejjaq, biex nibnu dinja aħjar, kollha tama għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24 ta’ Novembru 2013, 183).

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard