“B’ħajja ta’ talb profonda u bid-devozzjoni sħiħa tagħha biex isservi lil Alla u lill-komunita ta’ madwarha, il-qaddisa Joan ta’ Arc hi mudell stupend għall-politiċi Insara”, qal il-Papa Benedittu XVI. Żied li tagħha “hu eżempju sabiħ ta’ qdusija għal-lajċi involuti fil-ħajja politika, speċjalment f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-fidi kienet id-dawl li mexxieha fl-għażliet kollha tagħha”.

Kien waqt l-udjenza ġenerali tal-Erbgħa, li l-Papa għadda dawn il-kummenti abbażi tar-riflessjoni tiegħu din il-ġimgħa. Huwa kompla bis-serje ta’ udjenzi b’taħditiet iffukati fuq figuri ta’ nisa kattoliċi fiż-Żminijiet tan-Nofs.

Meta kien qed jindirizza mat-3,000 persuna miġbura għall-udjenza ġenerali, il-Papa qal li din il-qaddisa, bħal Santa Katerina ta’ Siena, kienet lajka u mistika li għexet ħajjitha u l-impenn tal-fidi tagħha f’realtajiet mill-iktar ħajja u drammatiċi tal-Knisja u tad-dinja fi żmienha. Din il-qaddisa, flimkien ma’ Santa Katerina, qal li kienu “l-aqwa żewġ eżempji ta’ dawk in-nisa mimlija enerġija u li fiż-Żminijiet tan-Nofs wasslu l-Vanġelu b’impenn u kuraġġ biex ħalla impronta fuq il-ġrajjiet storiċi kumpessi ta’ dak iż-żmien”, temm il-Papa Benedittu XVI.