World Conference of Secular Institutes in Assisi

Il-Papa Benedittu XVI wassal it-tislijiet tiegħu lil dawk li qed jieħdu sehem fil-Kungress tal-Konferenza Dinjija tal-Istituti Sekulari li għaddej bħalissa. Mibgħuta mis-Segretarju tal-iStat, il-Kardinal Tarcisio Bertone, in-nota tal-Kap tal-Knisja tinkoraġixxi s-sejħa għall-ħajja kkonsagrata li ssib l-għeruq tagħha u li hi ċċentrata fuq Ġesu Kristu u mgħejxa fis-soċjeta.

“Għal ħafna u ħafna sekli”, qal l-Arċisqof ta’ Quebec, Gerald Lacroix, “jekk ridt tikkonsagra ħajtek lil Alla, kont issir jew saċerdot, jew soru jew fra. Pero fl-aħħar sekli rajna aktar u aktar nies jagħżlu l-lajkat, jissuktaw bl-impenji professjonali tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum pero kkonsagrati lil Alla”.

L-Arċisqof Lacroix ilu membru tal-Istitut Sekulari ta’ San Piju X sa mill-1975. Jgħid li lura sal-1947, “Papa Piju XII irrikonoxxa l-vokazzjoni speċjali tal-lajċi li jagħtu xiehda ta’ Kristu waqt il-ħajja tagħhom. Iktar minn sittin sena ilu! Hu kunċett ġdid, imma mhux daqshekk ġdid. Illum hawn iktar minn 200 Istitut fid-dinja, irġiel, nisa, ħafna minnhom lajċi, uħud saċerdoti, li jgħixu s-sejħa tagħhom fil-professjoni tagħhom tul il-ħajja ta’ kuljum”.

Lacroix jitkellem ukoll dwar l-esperjenza tiegħu personali bħala lajk fl-Istitut sekulari. “Nistqarr li kont kuntent ħafna nagħti xiehda ta’ Kristu fid-dinja tax-xogħol, pero din l-esperjenza tagħti perspettiva ġdida …hija sfida!”.

Il-Kungress tal-Konferenza Dinjija tal-Istituti Sekulari tingħalaq fi tmiem il-ġimgħa b’Assemblea Ġenerali.