engaged couple preparing for marriage

Il-Papa Benedittu XVI qal lill-membri tal-Kunsill Pontifiċju tal-Familja li l-ħidma tagħhom fuq il-ktejjeb bi tħejjija għaż-żwieġ hi biċċa xogħol ta’ siwi kbir. Id-dekasteru għaddej b’asemblea plenarja ta’ tliet ijiem. Fl-indirizz tiegħu lill-Asemblea, il-Papa innota kif il-Papa Ġwanni Pawlu II kien afferma li t-tħejjija għaż-żwieġ hi illum iktar importanti minn qatt qabel. Huwa għadda biex jiddefinixxi dan fi tliet stadji.

Benedittu XVI innota kif il-Kunsill Pontifiċju mexa fuq dawn il-passi u ta r-riflessjoni u t-tifsir tiegħu.

L-ewwel irrefera għat-tfal u ż-żgħażagħ. Qal li “tinvolvi l-familja, il-parroċċa, l-iskola, il-postijiet fejn dawn jingħataw l-edukazzjoni biex jifhmu l-ħajja u jitrawmu fl-imħabba li ‘l quddiem tista’ timmanifesta ruħha fiż-żwieġ. Hawn tieħu tifsir importanti s-seswalita bħala kapaċita ta’ relazzjoni u enerġija pożittiva li tintegra lilha nnifisha f’imħabba awtentika”.

Fi kliemu, koppji għarejjes jgħaddu mbagħad fi tħejjija formali.

Dan il-pass qal li għandu jikxef il-karattru tal-fidi nisranija u jwassal għal għarfien profound tal-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, il-fehim tal-grazja u r-responsabbilta taż-żwieġ. Hu rrakkomanda li t-tul u l-istil ta’ preparazzjoni għall-koppji għarejjes tvarja minn sitwazzjoni għal oħra. Żied jipproponi program li joffri katekeżi u esperjenzi tal-komunita, b’appoġġ mis-saċerdoti u minn esperti, minn miżżewġin, u anki permezz ta’ djalogu bejn l-istess koppji u u bejn gruppi, ilkoll impenjati fi spirtu ta’ ħbiberija u talb.

Kompla li “l-għerusija għandu jkun żmien fejn il-koppji jwaħħdu r-relazzjoni ta’ bejniethom ma’ dik ta’ Kristu, speċjalment bis-smigħ tal-Kelma t’Alla, b’sehem fil-ħajja tas-Sagramenti, partikolarment fl-Ewkaristija”.

Il-Papa temm jgħid li “huwa biss meta kristu jitpoġġa fiċ-ċentru tal-ħajja tal-individwu u tal-koppja li jkun possibbli li tingħex imħabba awtentika u jkun posibbli li din tingħadda lil ħaddieħor”.