Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum jirrakkonta l-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb (cfr Lq 10, 25-37); ikoll nafuha.  Fl-isfond hemm it-triq li minn Ġerusalemm tagħti għal Ġeriko, li fiha hemm raġel imsawwat sad-demm u li l-ħallelin serquh.  Saċerdot kien għaddej, jarah u ma jieqafx, ikompli triqtu’, l-stess jagħmel wieħed levita, jiġifieri bniedem responsabbli mill-kult fit-tempju.  “Iżda, Sammaritan – jgħidilna l-Evanġelju – li kien jivvjaġġa, meta wasal ħdejh, rah u ġietu ħniena minnu” (v. 33).  Tinsdewħx dal-kliem: “ġietu ħniena minnu”; l-istess iħoss Alla kull darba li jarana mħabbtin minn xi problema, mid-dnub, mill-miżerja “ikollu ħniena”.  L-evanġelista jrid jagħmilha ċara li s-Sammaritan kien qed jivvjaġġa.  Għalhekk, dak is-Sammaritan, minkejja l-programmi li kellu u li kien sejjer ximkien ‘il bogħod, ma jfittixx skużi u jħalli dik ix-xena tmisslu qalbu, tmissu dik ix-xena li sseħħ mat-triq.  Naħsbu ftit: il-Mulej mhux propju hekk jgħallimna nagħmlu?  Li nħarsu ‘l bogħod, lejn l-għan aħħari, filwaqt li nagħmlu attenzjoni kbira dwar il-passi li mmiddu, hawn u issa, biex naslu fejn għandna naslu.

Hu ta’ tifsir kbir li l-ewwel insara kien jissejħu dixxipli tat-triq (cfr Atti 9,2), jiġifieri tal-mixi.  Infatti, min jemmen jixbaħ ħafna lis-Sammaritan; bħalu jinsab fi vjaġġ, f’mixja.  Jagħraf li “għadu ma wasalx” imma jrid jitgħallem ta’ kuljum billi jimxi wara l-Mulej Ġesù, li qal: “Jien it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6).  Jien it-triq: id-dixxiplu ta’ Kristu jimxi wara l-Mulej, u hekk isir “dixxiplu tat-Triq”.  Imur wara l-Mulej li ma jieqafx imma dejjem miexi: mat-triq jiltaqa’ man-nies, ifejjaq il-morda, iżur villaġġi u bliet.  Hekk għamel il-Mulej, dejjem miexi.

“Id-dixxiplu tat-Triq” – jiġifieri aħna l-insara – għandu jara li l-mod kif jaħseb u jġib ruħu jinbidel ftit ftit, u jsir dejjem aktar jixbaħ dak tal-Imgħallem.  Meta nimxu fuq il-passi ta’ Kristu, insiru vjaġġaturi, u nitgħallmu -bħas-Sammaritan – naraw nħossu ħniena.  Hu ra u ġietu ħiena.  Qabel xejn ra: jiftaħ għajnejh fuq ir-realtà, mhux jibqa’ egoistikament magħluq fih innifsu fiċ-ċirku tal-ħsibijiet tiegħu personali.

Iżda s-saċerdot u l-levita jaraw lill-imsejken, imma qieshom ma rawhx, jibqgħu għaddejjin, iħarsu n-naħa l-oħra.  L-Evanġelju jedukana biex naraw: imexxina lkoll biex ir-realtà nifhmuha b’mod korrett u ta’ kuljum negġlbu l-prekonċetti u d-dommatiżmi.  Bosta nies li jemmnu jsibu kenn fid-dommatiżmi biex jiddefendu ruħhom mir-realtà.  U mbagħad jgħallima nimxu wara Ġesù, għax il-mixja wara Ġesù tgħallimna nħossu l-ħniena: nintebħu bl-oħrajn, speċjalment b’min qed isofri, min l-aktar jinsab fil-bżonn.  U li mmiddu jdejna bħas-Sammaritan: mhux nibqgħu għaddejjin, imma nieqfu.

Quddiem dil-parabbola evanġelika jista’ jiġri li nifttxu l-ħtija f’ħaddieħor jew fina, li nippuntaw subgħajna lejn l-oħrajn u naqbbluhom mas-saċerdot u l-levita: “Imma dak jew dan jibqgħu għaddejjin, ma jieqfux!”, inkella nagħtu l-ħtija lilna nfusna bil-lista tan-nuqqas ta’ attenzjoni tagħna lejn il-proxxmu.  Imma jien nixtieq nissuġġerilkom tip ta’ taħriġ ieħor.  Mhux tant dak li nitgħabbew bil-ħtija aħna, le; hu minnu li għandna nagħrfu meta bqajna indifferenti jew inkella ġġustifikajna ruħna, imma ma nieqfux hemm.  Irridu nagħrfuh dan, huwa żball, imma nitolbu lill-Mulej biex jerfgħana mill-indifferenza egoistika tagħna u biex imexxina fit-Triq.  Nitolbuh biex naraw u jkollna ħniena.  Din hi grazzja, hemm bżonn nitolbuhielu lill-Mulej: “Mulej agħmel li nara, li jkolli ħniena, kif Int tara lili u kif Int Int tħenn għalija”.  Din hi t-talba li qed nissuġġerilkom llum: “Mulej agħmel li nara, li jkolli ħniena, kif Int tara lili u kif Int Int tħenn għalija”.  Jalla jkollna ħniena ma’ dawk li niltaqgħu magħhom fit-triq, speċjalment min qed ibati u jinsab fil-bżonn, biex nersqu lejh u nagħmlu miegħu dak li nistgħu biex nagħtuh daqqa t’id.

Bosta drabi, meta nsib ruħi ma’ xi nisrani jew nisranija li jiġu jkellmuni dwar ħwejjeġ spiritwali, jien nistqasihom jekk jagħtux karità.  “Iva”, jgħiduli – “U għidli, inti tmiss id il-persuna li tkun qed ittiha l-flus?” – “Le, le, nitfagħhiela”. – “U inti tħares f’għajnejn dik il-persuna?” – “Le, mank jgħaddili minn moħħi”.  Jekk int tagħti l-karità bla ma tmiss ir-realtà, bla ma tħares f’għajnejn il-persuna fil-bżonn, dik il-karità tkun għamiltha għalik, mhux għall-ieħor.  Ftakar f’dan: “Jien immiss il-miżerji, anki dawk il-miżerji li jien ngħin?  Jien inħares f’għajnejn il-persuni li qed ibatu, il-persuni li qed ngħin?” Inħallikom b’dal-ħsieb: naraw u jkollna ħniena.

Il-Verġni Marija takkumpanjana f’dil-mixja ta’ tkabbir.  Hi li “turina t-Triq”, jiġifieri lil Ġesù, tgħinna wkoll biex insiru dejjem aktar “dixxipli tat-Triq”.

Wara l-Angelus

Għeżiż ħuti,

Ningħaqad man-niket tal-poplu tas-Sri Lanka, li għadu jsofri l-effetti tal-instabbiltà politika u ekonomika.  Flimkien mal-Isqfijiet tal-pajjiż, inġedded l-appell tiegħi għall-paċi u nitlob b’ħerqa li dawk li għandhom l-awtorità biex ma jinjorawx l-għajta tal-foqra u l-ħtiġijiet tan-nies.

Nixtieq infakar b’mod speċjali lill-poplu tal-Libja, partikolarment liż-żgħażagħ u lil dawk kollha li qed ibatu minħabba l-problemi gravi soċjali u ekonomiċi li hemm fil-pajjiż.  Inħeġġeġ lil kulħadd biex mill-ġdid ifittxu soluzzjonijiet konvinċenti, bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, permezz tad-djalogu kostruttiv u r-rikonċiljazjzoni nazzjonali.

U nġedded il-qrubija tiegħi mal-poplu ukren, li ta’ kuljum hu turmentat minn attakki brutali li qed iħallsu għalihom in-nies komuni.  Nitlob għall-familji kollha, speċjalment għall-vittmi, għall-feruti, għall-morda; nitlob għall-anzjani u għat-tfal, bit-tama li Alla juri t-triq biex tintemm dil-gwerra tal-ġenn!

Illum qed niċċelebraw il-Ħadd tal-Baħar.  Niftakru f’dawk kollha li jbaħħru, bi stima u rikonoxxenza għax-xogħol prezzjuz tagħhom, kif ukoll fil-kappillani u l-volontarji ta’ “Stella Maris”.  Nafda f’idejn il-Madonna lill-baħħara kollha li jinsabu maqbudin fiż-żoni tal-gwerra, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu lura lejn djarhom.

Insellem lill-grupp tal-Kulleġġ São Tomás, ta’ Lisbona u lill-fidili minn Viseu, fil-Portugall; lill-kor “Sempre así” minn Spanja, liż-żgħażagħ mill-Arċidjoċesi ta’ Berlin u lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Bolgare (Bergamo).  Insellem lill-pellegrini pollakki u nestendi x-xewqat lill-parteċipanti tal-pellegrinaġġ annwali tal-familja ta’ Radju Maria li qed isir fis-Santwarju ta’ Częstochowa.  U nsellem lis-saċerdoti minn pajjiżi varji li qed jieħdu sehem fil-kors għal min hu inkargat mill-formazzjoni fis-seminarju, organizzat  mill-Istitut Sacerdos ta’ Ruma.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org