Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-Vanġeli juruna kemm it-talb kien fundamentali fir-relazzjoni ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu. Dan diġà jidher fl-għażla ta’ dawk li mbagħad saru l-Appostli. Luqa jqiegħed l-għażla tagħhom f’kuntest preċiż ta’ talb u jgħid hekk: “Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli” (6:12-13). Ġesù għażilhom wara lejl jitlob. Donnu ma hemmx kriterju ieħor f’din l-għażla jekk mhux it-talb, id-djalogu ta’ Ġesù mal-Missier. Jekk niġġudikaw minn kif kellhom iġibu ruħhom dawk l-irġiel, donnu li l-għażla ma kinitx xi waħda mill-aħjar għax kollha ħarbu, telquh waħdu qabel il-Passjoni; imma hu proprju dan, speċjalment il-preżenza ta’ Ġuda, il-futur traditur, li juru kif dawn l-ismijiet kienu miktuba fil-pjan ta’ Alla.

Fil-ħajja ta’ Ġesù naraw kontinwament twarrad it-talba għal ħbiebu. L-Appostli xi drabi kienu għalih raġuni ta’ tħassib, imma Ġesù, l-istess kif, wara li talab, laqagħhom mingħand il-Missier, hekk iġorrhom f’qalbu, anki bl-iżbalji tagħhom, anki bil-waqgħat tagħhom. F’dan kollu aħna niskopru kif Ġesù kien mgħallem u ħabib, dejjem lest jistenna bis-sabar il-konverżjoni tad-dixxiplu. L-ogħla quċċata ta’ din l-istennija paċenzjuża hija l-“għanqbuta” ta’ mħabba li Ġesù jinseġ madwar Pietru. Fl-Aħħar Ċena jgħidlu: “Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek” (Lq 22:31-32). Impressjonanti naraw kif, fil-ħin li fih dan ċeda, l-imħabba ta’ Ġesù ma naqsitx. “Imma, Dun, jekk jien ninsab fid-dnub il-mejjet, Ġesù xorta jħobbni?”. Iva. “U Ġesù jkompli jitlob għalija?”. Iva. “Imma jekk jien għamilt ħwejjeġ iktar koroh u tant dnubiet, Ġesù ħa jibqa’ jħobbni?”. Iva. L-imħabba u t-talb ta’ Ġesù għal kull wieħed u waħda minna ma jiqfux, anzi jsiru iktar intensi u aħna ninsabu fiċ-ċentru tat-talba tiegħu! Dan dejjem għandna niftakruh: Ġesù jitlob għalija, qed jitlob issa quddiem il-Missier u jurih il-pjagi li ġarr miegħu, biex juri lill-Missier il-prezz tas-salvazzjoni tagħna, din hi l-imħabba li hu għandu għalina. Imma f’dan il-ħin kull wieħed u waħda minna jista’ jaħseb: bħalissa Ġesù qed jitlob għalija? Iva. Din hi ċertezza kbira li għandu jkollna.

It-talba ta’ Ġesù nerġgħu nsibuha f’mument kruċjali tal-mixja tiegħu, dak tal-verifika fuq il-fidi tad-dixxipli. Nerġgħu nisimgħu x’jikteb l-evanġelista Luqa: “Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: ‘Min jgħidu n-nies li jien?’. Huma weġbuh u qalulu: ‘Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi’. Qalilhom: ‘Imma intom min tgħidu li jien!’. Qabeż Pietru u qallu: ‘Inti l-Messija ta’ Alla’. Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan” (9:18-21). Il-mumenti kbar tal-missjoni ta’ Ġesù dejjem jiġu wara t-talb imma mhux hekk en passant, imma wara talb intens, fit-tul. F’dawk il-mumenti dejjem issib it-talb. Din il-verifika tal-fidi tidher bħala xi destinazzjoni imma fil-fatt hija punt imġedded tat-tluq għad-dixxipli, għax, minn hemm ’il quddiem, donnu Ġesù għola b’ton fil-missjoni tiegħu, għax kellimhom bla ħabi fuq il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

F’din il-perspettiva, li minnufih tqanqal sens diżgustanti, kemm fid-dixxipli, kemm fina li naqraw il-Vanġelu, it-talb huwa l-unika għajn ta’ dawl u ta’ qawwa. Hemm bżonn nitolbu iżjed intensament, kull darba li t-triq tinbidel f’telgħa.

Fil-fatt, wara li ħabbar minn qabel lid-dixxipli dak li kien hemm jistennieh Ġerusalemm, iseħħ l-episodju tat-Trasfigurazzjoni. “Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ’l Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm” (Lq 9:28-31), jiġifieri l-Passjoni. Għalhekk, din il-manifestazzjoni antiċipata tal-glorja ta’ Ġesù seħħet fit-talb, waqt li l-Iben kien mgħaddas fil-komunjoni mal-Missier u ħaġa waħda u sħiħa mar-rieda tal-imħabba tiegħu, mal-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni. U, minn dik it-talba, toħroġ kelma ċara għat-tliet dixxipli involuti: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu” (Lq 9:35). Mit-talb toħroġ l-istedina biex nisimgħu lil Ġesù, dejjem fit-talb.

Minn din il-mixja ħafifa mal-Vanġelu, nifhmu li Ġesù mhux biss irid li aħna nitolbu kif jitlob hu, imma jiżgurana li, imqar li t-tentattivi tagħna tat-talb kellhom ikunu kollha għalxejn u bla frott, aħna dejjem nistgħu nserrħu fuq it-talb tiegħu. Għandna nkunu nafu dan: Ġesù qed jitlob għalija. Darba, wieħed Isqof bravu rrakkontali li f’mument ikrah ħafna ta’ ħajtu u ta’ prova kbira, mument ta’ dalma, ta ħarsa madwaru fil-Bażilika u fl-għoli lemaħ miktuba din il-frażi: “Pietru, jiena se nitlob għalik”. U dan imlieh b’qawwa u faraġ. U dan iseħħ kull darba li kull wieħed u waħda minna jagħraf li Ġesù qed jitlob għalih. Ġesù qed jitlob għalina. F’dan il-mument, bħalissa. Agħmlu dan l-eżerċizzju ta’ memorja li tirrepetuha din. Meta jkun hemm xi diffikultà, meta tkunu mdawrin bid-distrazzjonijiet: Ġesù qed jitlob għalija. Imma dan veru, Dun? Hu veru, qalhulna hu stess. Ma ninsewx li dak li jwieżen lil kull wieħed u waħda minna fil-ħajja huwa t-talb ta’ Ġesù għalina, b’isimna, kunjomna, quddiem il-Missier, u jurih il-pjagi li huma l-prezz tas-salvazzjoni tagħna.

Imqar li l-kliem tagħna kien biss temtim, u fir-riskju li ma jiswa xejn minħabba l-fidi dgħajfa tagħna, ma rridu qatt nieqfu nafdaw fih. Jien ma nafx nitlob, imma hu jitlob għalija. Imwieżna mit-talba ta’ Ġesù, it-talbiet ġwejfa tagħna jistrieħu fuq ġwienaħ ta’ ajkla u jogħlew sas-Sema. Tinsewx: Ġesù qed jitlob għalija. Bħalissa? Bħalissa. Fil-ħin tal-prova, fil-ħin tad-dnub, anki f’dak il-mument, Ġesù b’ħafna mħabba qed jitlob għalija.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard